KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

 Pittura - Renč Sacco

Lil Renč Sacco ili nafu għal diversi snin. Iżda għalkemm kont naf li hu dilettant tal-arti, specjalment tal-pittura, ma kontx naf li għandu għal qalbu ħafna l-kappelli. Meta sirt naf li hu dilettant tal-kappelli ddeċidejt li nintervistaħ għal dan is-sit. Renč tana wkoll xi ritratti, scans ta’ pitturi u affarjiet oħrajn għall-użu f'dan il-website, u ta' dan nirringrazzjawħ. Din hija l-intervista li għamiltu.

Min hu Renč Sacco ?
ReneSacco
Bdejt biex tlabtu jgħidilna xi ħaġa żgħira fuqu. Renč Sacco għandu 62 sena; twieled u jgħix tas- Sliema. Hu miżżewweġ lil Angela u għandhom żewġt itfal, Stefan u Mariel, u hu nannu ta’ żewġ neputijiet. Renč ħadem għal 41 sena mal-Universita ta' Malta, 37 sena minnhom bħala Laboratory Officer fid-Dipartiment tal-Patoloġija u għal 4 snin serva wkoll bħala Technical Officer inkarigat mill-manutenzjoni ġenerali tal-Universita. Hu kwalifikat ukoll bħala Draughtsman kif ukoll fis-Saħħa u Sigurta fuq l-Post tax-Xogħol.
 

Renč għandu ħafna passatempi fosthom l-arti, pjanti, presepji, l-immudellar, diversi kollezzjonijiet bħal santi, bolol u kartolini ta’ Malta u melitensia varja fost l-oħrajn. Tinteressaħ ħafna l-Ġimgħa il-Kbira, u ħadem sett ta' vari minjaturi, kif ukoll ħafna affarijiet u aċċessorji li għandhom x'jaqsmu mal-purċissjoni tal-Ġimgħa il-Kbira.

Pittura:  Rene Sacco

 

Renč ħadem għal 41 sena mal-Universita ta' Malta, 37 sena minnhom bħala Laboratory Officer fid-Dipartiment tal-Patoloġija.”

Pittura:  Rene Sacco

Pittura:  Rene Sacco

Pittura:  Rene Sacco

Pittura:  Rene Sacco

Kif beda jinteressa ruħu fil-kappelli ?

L-interess tiegħu fil-kappelli Maltin nibtet mill-pubblikazzjonijiet ta’ Mikiel Spiteri (Kilin) li fis-snin sittin u sebgħin kien jippubblika kitbiet fuq diversi kappelli li nsibu fil-kampanja Maltija. Kilin kien jikkumplimenta din l-informazzjoni bi “sketches” ħelwin bil-biro u dawn kienu jidhru fuq il-ġurnal “Leħen is-Sewwa”. Dawn il-kitbiet wara ġew pubblikati fi tlett kotba żgħar, li Renč jgħożż ħafna.

Minn hawn Renč beda jieħu ritratti ta’ xi kappelli li seta' jilħaq mingħajr diffikulta. Ġara li wieħed ħabib tiegħu, ċertu Victor Attard li kien jaħdem fil-militar Ingliż, meta ra dawn ir-ritratti ġġennen fuqhom u ffissa fuq il-ħlewwa u l-faxxinu tagħhom. Dan il-ħabib tiegħu kellu karozza u xogħlu kien jinvolvi ħafna sewqan mal-pajjiż kollu, anki fl-iktar partijiet remoti tal-gżira. Għalhekk dan ukoll beda jiġbed ir-ritratti tal-kappelli u wara kien jgħaddihom lil Renč. Ġieli wkoll kienu jmorru flimkien jiġbdu xi ritratti ta’ kappelli li jkun iltaqa’ magħhom Victor. Dan kien bejn l-1974 u l-1979 - jiġifieri fi żmien li r-ritratti kienu jittieħdu fuq il-pellikola u għalhekk kien passatemp li jiswa' l-flus.

Kif beda jinteressa ruħu fl-arti u t-tpinġija ?

Renč qalli li l-arti dejjem kienet parti ntegrali minn ħajtu sa minn ċkunitu, speċjalment it-tpinġija. Meta beda jinteressa ruħu fil-kappelli dawn saru s-suġġett prinċipali fit-tpinġija tiegħu.

Għalkemm fl-arti wieħed jista' jinterpreta s-suġgett kif iħoss, hu meta jpinġi xi kappella iħobb jibqa’ fidil lejn id-dettalji arkittetoniċi tagħha, u l-ambjent ġenerali ta’ madwarha, biex barra li jkun hemm l-aspett artistiku, l-kappella tibqa’ tingħaraf bħala dik li hi. Il-kappelli mpittra minn Renč kollha jingħarfu u mhumiex xi xogħol immaġinattiv b'tema tal-kappella.

Renč jaħdem fuq diversi media. Għall-ewwel kien ipinġihom bil-lapes jew linka biss, iżda wara beda jżid il-kuluri, bħall-akwarell u crayons, sakemm wasal ukoll biex ħadem anki biż-żejt. Xogħol li jintoġob ħafna skont Renč, hu dak msejjaħ bħala “monochrome” fejn jintuża kulur wieħed bħal sepia, bit-teknika “line and wash”.

Renč enfasiżza li waħda mill-fatturi importanti ta’ pittura tajba hi l-kompożizzjoni. L-esperjenza tiegħu fit-teħid tar-itratti hawn tgħinu ħafna. Għalhekk meta hu jieħu xi ritratt ta’ kappelli biex minnu jagħmel xi tpinġija, joqgħod attent għall-angoli, għad-dellijiet, u elementi oħra bħal siġar u ħitan tas-sejjieħ fost l-oħrajn. Iżda meta jpinġi jħobb ikun liberu għal l-elementi ta’ natura sekondarja apparti l-kappella, l-aqwa li r-riżultat aħħari jpaxxi l-għajn. Każ tipiku hu l-pittura tal-kappella ddedikata lin-Nawfraġju ta' San Pawl, f'San Pawl il-Baħar. Il-kappella nnifisha hi fedelment riprodotta iżda l-lukanda fuq ix-xellug u r-restoranti fuq il-lemin tagħha ġew mibdulin fi djar tipikament Maltin ta' madwar 50 - 60 sena ilu. Ċertament dan jagħti aktar bilanċ biex wieħed jiffoka fuq is-suġġett tal-kappella u mhux jaljena ruħu bil-bini tal-madwar li ċertament ma' jikkumplimenta xejn 'l kappella nnifisha.

Pittura:  Rene Sacco

Pittura:  Rene Sacco

Pittura:  Rene Sacco

Pittura:  Rene Sacco

Kappelli bħala suġġett ta’ sett ta’ bolol.


Kif semmejt qabel Renč hu kollezzjonist tal-bolli ta’ Malta, u bħala artist dejjem kellu l-ħolma li jiddisinja sett bolli postali ta’ Malta. Fis-sena 2004, kien ressaq proposta flimkien ma' xi disinji lill-Maltapost biex jikkunsidraw il-ħrug ta’ sett bolli bil-kappelli tal-kampanja bħala s-suġġett, li sa dak iż-żmien kien għadu ma ġiex trattat.


Din it-talba ġiet aċcettata u Renč ġie kkumissjonat li jipprepara d-disinji għal sett ta’ ħames bolli. Il-kappelli li jidhru fuq dan is-sett ġew magħżula mill-Stamp Advisory Board wara numru ta’ laqgħat li kellu, fejn hu ma kellu l-ebda influenza fuq l-għażla finali. Dawn il-kappelli jinkludu tal-Lunzjata f’Hal Millieri fil-limiti taż-Żurrieq, ta’ San Bażilju ġewwa l-Imqabba, tas-San Ċir ġewwa r-Rabat, ta’ Santa Luċija ġewwa l-Mtarfa u ta’ Santa Marija ġewwa Kemmuna.

Renč qalli li fost l-isfidi li kellu f’dan il-proġett, barra l-ħin limitat u it-tibdil tad-deċiżżjonijiet, kien il-preparazzjoni ta’ disinji li setgħu jiġu riprodotti f’daqs ta’ bolla, mingħajr ma jintilef id-dettal. Għal din il-biċċa xogħol għażel l-istil “monochrome”, “line and wash”.

Dan is-sett ta’ bolli kien maħruġ fis-16 ta’ Ġunju 2004, b’Renč ferħan se jtir li qata' x-xewqa tiegħu li jpoġġi l-kappelli Maltin għall-ewwel darba fuq bolla.

Bolli  -  Pittura:  Rene Sacco
Pittura:  Rene Sacco
Pittura:  Rene Sacco
Pittura:  Rene Sacco

Il-Pittura tat-titular tal-kappella tal-Lunzjata f’Ħal Millieri.


Sodisfazzjon ieħor fil-karriera ta’ Renč kien meta s-Sur Tony Mangion, li hu l-kuratur tal-kappella medjevali tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri u li hi magħrufa ħafna minħabba l-affreski uniċi li fiha, inkarigaħ biex ipinġi panew b’xena li turi it-tħabbira tal-Anġlu Gabriel lil Marija.



Renč sodisfatt ħafna li hu kien l-ixxurtjat li ġie magħżul għal din il-biċċa xogħol, ibbaża il-kompożizzjoni fuq il-kwadru klassiku ta’ Beato Fra Angelico, iżda l-interpretazzjoni hija fuq stil kontemporanju. Il-pittura hija biż-żejt fuq panew tal-“Marine Plywood”. Din tpoġġiet wara l-artal prinċipali f’din il-kappella. Il-pittura ġiet imbierka u inawgurata nhar it-23 ta’ Marzu, 2003 mill-mibki Dun Joe Camilleri, li dak iż-żmien kien Kappillan ta’ Ħal Luqa.


Il-kappelli l-iktar li jħobb ipinġi.


Renč hu popolari ħafna bħala artist li jpinġi l-kappelli li hawn f’Malta. Meta staqsejtu liema huma dawk il-kappelli li l-iktar li għandu għal qalbu, hu qalli li għandu diversi imma jħobb ipinġi l-iżjed ta’ Santa Marija tal-Magħtab, Santa Marija ta’ Ħax Xluq, San Mikiel tas-Salini, San Pawl tal-Qlejgħa u l-kappelli ta’ San Ġwann u l-Lunzjata ta’ Ħal Millieri.


Għalaqna din it-taħdita billi staqsejtu x’jidhirlu mill-website www.kappellimaltin.com. Hu qalli “Rigward il-website fuq il-kappelli, m’għandi xejn għajr kliem ta’ tifħir. Hija attentat serju ħafna u anki ta’ ċertu professjonalita. Ma narax għaliex, bin-nies li qed itellawha u l-lista twila ta’ kontributuri, m’għandhiex tkun il-punt ta’ referenza ewlenija għal kull min irid ikun jaf xi ħaġa preċiża fuq il-kappelli Maltin. Punt żgħir li nixtieq nissuġġerixxi hu biex ir-ritratti, meta jkun possibbli, għandhom jittieħdu ftit aktar mill-bogħod biex il-kappelli tkun tidher fl-ambjent ta’ madwarha. B’dan sintendi qiegħed nirreferi għad-dehra ġenerali tal-kappella. Dettalji importanti u t’interess jittiehdu “close up” kif fil-fatt qiegħed isir. Prosit u komplu hekk”. Parir siewi li ser nisimgħu minnu.

Jien wara li rringrazzjat lil Renč tal-kummenti sbieħ u nkoraġġanti, u tal-ħin li ħadtlu biex intervistajtu sellimtlu u ħallejtu jkompli l-pittura li kien qed jagħmel. Biex ngħid id-dritt tlaqt naqra' mifxul għax għedtlu biex jagħmilli xi pitturi imma ma stajtx nagħżel liema minnhom, għax kollha kienu sbieħ ħafna.

Jekk intom interessati f’xi xogħol partikolari ta' Rene Sacco, ibgħatulna email fuq webmaster@kappellimaltin.com u ngħaddu messaġġ tagħkom lil Rene.


Pitturi tal-Knejjes: Renč Sacco
Intervista ta’ Roderick Busuttil

Pittura:  Rene Sacco
Pittura:  Rene Sacco

 

Pittura:  Rene Sacco;  Pittura ikkummissjonata mis-Sur  Tony Mangion ghall-Kappella tal-Lunzjata ta' Hal Millieri

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com