Mitlufa qalb ir-raba fil-limiti taż-Żurrieq, insibu waħda mill-iktar kappelli medjevali importanti li għandna fil-gżejjer tagħna. Din il-kappella hi ddedikata lill-Lunzjata, u tinsab fil-fdalijiet ta’ raħal li m’għadux jeżisti, dak ta' Ħal Millieri. Biex tidħol f’din il-kappella trid tgħaddi minn entratura li twassal għaċ-ċimiterju tal-pesta li hemm biswit din il-kappella. Ftit 'il bogħod minnha nsibu kappella oħra, iddedikata lil San Ġwann Evanġelista. Għal deskrizzjoni u aktar tagħrif dwar din l-aħħar kappella u dwar l-istorja tar-raħal ta' Ħal Millieri ara l-paġna tal-kappella ta' San Ġwann Evanġelista hawn.
|
Oriġini
L-kappella ddedikata lil Lunzjata bla dubju hi l-iktar waħda importanti mit-tnejn li għadna naraw. Din il-kappella li hi l-iktar waħda antika li kien hemm f’Ħal Millieri. L-ewwel kappella li nbniet f’dan il-post tmur lura sas-seklu tlettax u mill-iskavi li saru jidher li kellha l-istess qies ta’ dik li naraw llum. Il-knisja kellha wkoll apside u kienet imżejna bl-affreski, għax matul l-iskavi li saru nstabu traċċi tagħhom mal-ħitan. Minħabba dan kollu jidher li din il-kappella kienet ġuspatronat ta’ xi familja għanja, għax kienet tippermetti ċertu tiżjin li ma tantx issibu f’kappelli oħra ta’ żmienha. Dan ikompli jikkonfermah il-fatt li fiha nstab qabar wieħed biss, li juri li s-sidien tal-kappella kellhom il-jedd li jindifnu fiha.
Il-kappella li naraw llum jidher li nbniet lejn l-aħħar tas-seklu ħmistax għal ħabta tas-sena 1480. Din il-knisja nbniet fl-istess post fejn kien hemm il-knisja ta’ qabilha, u fil-post fejn qabel kien hemm il-villa Rumana.
L-ewwel deskrizzjoni ta’ din il-kappella ingħatat mid-delegat appostoliku il-Monsinjur Pietro Dusina fiż-żjara tiegħu f’Ħal Millieri fl-1575. Hu sab lil din il-kappella nieqsa mill-ħwejjeġ meħtieġa u fi stat ħazin ħafna. Iktar tard fl-1781 fiż-żjara tiegħu l-isqof Labini sabha fi stat ħażin ukoll u pprofanaha. Ftit taż-żmien wara, fil-bidu tas-seklu dsatax ċertu Ġuze Magro miż-Żurrieq irranġaha u għammarha bl-affarjiet meħtieġa biex din reġgħet tbierket minn Dun Gejtan Buttigieg, fi zmien l-isqof Mattei fl-1809.
Il-knisja minn barra u minn ġewwa
Minn barra l-knisja għandha stil sempliċi forma ta’ kaxxa, u m’għandiex tieqa jew l-oculus li naraw f’ħafna mill-kappelli. Għandha kampnar fejn fil-passat kien hemm qanpiena waħda mdendla. Fuq il-bieb tal-knisja, li fl-antik kien b’forma ta’ arkata, naraw gwarniċa skolpita.
|
Il-knisja li hi ta’ oriġini medjevali, hi twila 7.3 metri b’wisgħa ta’ 5.2 metri. Biex tidħol f’din il-knisja mill-fdalijiet taz-zuntier, trid tinżel tlett tarġiet, li kienet użanza li tikkaratteristika knejjes medjevali. Skont Dr. Mario Buhagiar dan kien isir biex il-knisja tiġi "ankrata" simbolikament fl-art u tingħata impressjoni b’mod simboliku li qisek dieħel f’għar, li hu l-post fejn twieled u ndifen Ġesų Kristu.
Il-knisja minn ġewwa tikkonsisti f’erbgħa arkati li fin-nofs ġejjin għal ponta, li huma ta’ stil Sikulo-Normann. Dawn l-arkati, jibqgħu niżlin sal-art, stil li nsibuħ ukoll fi knejjes medjevali tal-epoka. L-aħħar arkata li twassal għal altar, jew l-apside, għad għandha jidhru fejn kien hemm grada, jew kif inhi magħrufa aħjar “iconostasis”, li kienet tifred il-parti tal-altar mill-kumplament tal-knisja. Din il-grada kienet tkun tal-injam, u kienet komuni ħafna fi knejjes antiki Griegi. Dan ikompli jixħet iktar dawl dwar l-influenzi tal-kult Grieg-Biżantin li kien hawn fi gżiritna l-iżjed fi żminijiet medjevali.
Il-knisja għandha altar wieħed, għalkemm jidher li qabel kellha iktar. Il-pittura li naraw illum fuq l-altar prinċipali hija moderna u saret mill-artist Renč Sacco fl-2003. Il-kompożizzjoni ta’ dan il-kwadru, li juri t-tħabbira tal-Anġlu Gabriel lill-Madonna, hi bbażżata fuq il-kwadru klassiku ta’ Beato Fra Angelico, imma l-artist tah xeħta kontemporanja. Din il-pittura hija biż-żejt fuq qafas tal-“marine plywood” u ġiet inawgurata nhar it-23 ta’ Marzu, 2003.
L-art ta’ din il-knisja hija taċ-ċangatura u bejn l-arkati nsibu id-dukini, jew bankijiet tal-ġebel, fejn wieħed seta' joqgħod bil-qegħda.
Fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja hemm bieb li kien jgħaqqad din il-knisja, ma’ dik li kien hemm maġenbha, iddedikata lil Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżebetta. Din il-knisja, li kienet inbniet lejn l-aħħar tas-seklu ħmistax, ġiet dekonsagrata mill-isqof Buenos f’Ġunju tal-1667. Il-fdalijiet ta’ din il-knisja għadhom jistgħu jidhru maġenb il-knisja tal-Lunzjata.
|
Oqbra fil-knisja
Quddiem din il-knisja għadna nistgħu naraw fdalijiet ta’ dak li kien iz-zuntier tal-knisja tal-Lunzjata, li fih kien isir id-dfin.
Jidher li minn dejjem kien isir id-dfin f’din il-knisja, anki fl-ewwel knisja, għax wara l-altar taħt iċ-ċangatura nstab qabar ta’ tfajla ta’ sittax-il sena mat-tarbija tagħha. Kif għedna qabel dan jista' jfisser li dak iz-żmien din il-knisja kienet ġusptronat ta’ xi familja għanja li kellhom id-dritt li jindfnu fiha.
Fil-knisja li naraw illum ukoll nstabu ħafna oqbra. Fuq in-naħa tal-lemin int u dieħel fil-knisja nsibu osswarju li kien jilqa' fih ħafna għadam minn diversi oqbra. Jidher li nstabu ħafna oqbra f’din il-knisja, peress li din kienet tgawdi devozzjoni kbira u għalhekk diversi nies kienu jkunu jridu jindifnu ġo fiha jew fiċ-ċimiterju ta’ maġenbha.
Fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja hemm il-bieb li minnu tista toħroġ għaċ-ċimeterju li hemm imiss magħha. Wara l-flaġell tal-pesta tal-1813 n-nies li mietu minħabba din il-marda infettiva ġew midfuna f’dan iċ-ċimiterju, u dan nissel biża’ kbir fin-nies li ma riedux jirfsu iktar fl-inħawi u għalhekk l-kappella spiċċat fi stat t’abbandun kbir.
L-affreski
Din il-knisja l-iktar li hi magħrufa minħabba l-ħdax- il affresk li naraw fiha. Dawn l-affreski uniċi tas-seklu ħmistax li nsibu f’din il-knisja jidher li huma kopji minn artist li reġa' pitter replika ta’ dak li kien hemm fil-knisja ta’ qabilha. Dan jikkonfermah il-fatt li l-qaddisin irrafigurati fl-affreski jirrapreżentaw qaddisin tal-kult Grieg-Biżantin, li l-qima lejhom kienet iktar komuni fis-seklu tlettax milli meta attwalment tpittru. .
|