KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

WEB_Glossary5

WEB_Glossarju2

WEB_Glossary6

Glossarju  

Indiċi

Affresk

Devozzjoni

Id-Dukkiena

Mons. Pietru Dusina

Il-Fewdaliżmu

Il-Graffiti

Il-Gran Prijur tal-Ordni

Ġuspatronat

L-Għasar

L-Ikonostasis

Indulġenzi

Inkiżizzjoni

Inkurunazzjoni

Kappelli jew Knejjes Żgħar ?

Karti tal-Glorja

Knisja ipprofanta

Knejjes Trogloditiċi

Koppla

Kwadri “Ex-voto”

Leġġendi

Marianus Testaferrata  

Non Gode l’Immunità Ecclesias

L-Oculos

Oqbra u l-Knejjes

Parroċċa

Il-Perjodu Medjevali

Il-Perjodu Barokk

Portiku

Privileġġ

Ir-Rollo ta’ de Mello tal-1436

Is-Salib tad-Dejma

Santwarju

Is-Sibi

L-iStatus Animarum

Superstizzjoni, Seher u Magħmul

Taraġ fl-Entratura

Twieqi fil-Bibien

Twieqi mal-Faċċata

Żerda jew “ientaculumA_Gdid

Żjajjar Pastorali

 

 

 

 

Affresk

L-Affresk hija teknika qadima ta’ tpinġija fuq ħitan miksija bil-ġibs li jkun għadu ma nixifx ("intonaco"). It-tpinġija ssir b’kuluri maħlulin fl-ilma bil-ġir. Kif il-ġir u l-ġibs jinxfu, dawn jagħmlu reazzjoni kimika u jsiru ħaġa waħda bil-kulur magħqud magħhom. Id-disinn kien jiġi trasferit minn fuq karta li jkun impinġi fuqha (“cartoon”) billi kienu jtaqqbu toqob żgħar mal-linji tad-disinn u jużaw trab tal-kulur fuqhom.

Din it-tekina hija qadima ħafna iżda kienet l-aktar popolari bejn it-tlettax u s-sittax il-seklu. Affreski qodma ta’ żmien medjevali jinsabu f’Malta f’kappelli bħal dik ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ u dik tal-Lunzjata f’Ħal Millieri.

Affresk Bit Miftuh -Ritratt: Noel Ciantar

 

Devozzjoni

Xi wħud min dawn il-knejjes jitqiesu bħala tempji li fihom xi xbihat mirakolużi u matul iż-żmienijiet il-Maltin kienu jterrqu lejn dawn it-tempji mbiegħda f’Malta u Għawdex biex ifittxu l-faraġ jew xi fejqan. Dawn il-pellegrini kienu jagħmlu dan b’imħabba kbira u devozzjoni lejn Alla, il-Madonna u l-qaddisin. F’xi uħud minn dawn il-knejjes insibu devozzjoni kbira, tant li xi wħud minnhom saru pellegrinaġġi Nazzjonali b’solennita’ kbira.

Oħrajn saru b’wegħda bħal dik ta’ Santu Rokku, tal-Belt, li saret b’wegħda mill-Universita ta’ Malta, u dik ta’ Sarria fil-Furjana li ukoll saret b’wegħda, din id-darba mill-Gran Mastru Raphael Cotoner, u l-Kunsill tiegħu.

Turija oħra ta’ devozzjoni hija l-inkurunazzjoni ta’ xbihat qaddisa, l-aktar ta’ Ommna Marija Santissima.  Eżempji bħal dawn insibuhom fil-Bażilika ta’ Pinu, f’Għawdex u fil-kappella tal-Madonna tal-Ħerba f’Birkirkara.  Il-Ex-Voto (ara aktar ‘l isfel) huma forma oħra wkoll ta’ devozzjoni marbuta mal-kappelli u santwarji.

Sarria Floriana - Ritratt: Caroline Buzuttil

 

Id-Dukkiena

Id-Dukkiena hu dak il-bank tal-ġebel li nsibu f’ħafna knejjes antiki Maltin. Kontra l-impressjoni li wieħed jista’ jkollu, id-dkieken (plural) ma kinux isiru biss fil-knejjes, u anqas għandu x’jaqsam in-nuqqas ta’ finanzi mal-preżenza tagħhom fil-knejjes medjevali.

Dkieken kont issibhom fi djar u palazzi speċjalment fl-intrajjet ta’ dawn meta l-antiporta ma kinitx tkun immedjatament wara l-bieb iżda fil-fond tal-intrata. Dawn kienu jservu biex dak li jkun ikollu fejn ipoġġi meta jmur hemm, qabel ma jdaħħluh ġewwa. Dkieken jew bankijiet tal-ġebel hemm fil-palazz ta’ Sant’Anton, u sa fis-seklu dsatax kien għad hemm ukoll tul il-faċċata tal-palazz tal-Grammastri.

Fil-knejjes, sa xi mitt sena ilu f’Malta, u f’Għawdex aktarx sa nofs is-seklu li għadda, kien għad ma daħlitx id-drawwa li fil-knejjes ikun hemm siġġijiet, kif kien hemm għall-ewwel fil-knejjes, jew bankijiet kif saru wara. U dan mhux biss fil-knejjes tal-irħula. Anke l-istess knisja Konventwali ta’ San Ġwann ma kien hemm, ħlief xi ftit bankijiet mal-ġnub għal xi persuni distinti, kif jidher mill-pittura tan-navata prinċipali ta’ San Ġwann waqt xi ċerimonja, ta’ Favray, li tinsab fil-Hermitage, f’San Pietruburgu, fir-Russja.

Wieħed irid jgħid ukoll li fil-knejjes tal-Ortodossi għadu sal-lum ma jkunx hemm siġġijiet jew bankijiet għall-kongregazzjoni, imma xi siġġijiet mad-dawra, li wkoll aktarx li jkunu riservati għax xi rjus importanti. Jekk wieħed iqabbel dan mal-knisja tal-Madonna Damaxxena, li hija Kattolika Rumana, iżda tar-rit orjentali, hemm ukoll siġġijiet tipiċi mad-dawra. Is-siġġijiet tan-nofs, kif spjega darba l-papas, saru minħabba l-esiġenzi lokali Maltin.

Dikkiena - Ritratt: Noel Ciantar

 

Mons. Pietru Dusina  (Kitba ta’ Philip Xuereb)

Il-Monsinjur Pietro Dusina kien intbagħat Malta fl-1575, jiġifieri 10 snin wara l-Assedju l-Kbir u waqt li kien għadu għaddej il-bini tal-belt Valletta, wara nkwiet li kien inqala' bejn il-Grammastru u l-Isqof kif ukoll bejn il-Grammastru u l-Kavallieri. Mons Dusina intbagħat f'Malta bil-poteri jew ħatra ta' Viżitatur Appostoliku. Minbarra li kellu s-setgħa ta' dak li llum jissejjaħ Nunzju, jew ambaxxatur tas-Santa Sede, speċjalment fil-kwistjonijiet imsemmija aktar 'l fuq huwa seta' jagħmel viżta ġenerali tad-djoċesi (illum kieku ngħidu inspection jew audit) skont ma kien stabbilixxa l-Konċilju ta' Trentu li kien intemm ftit aktar minn għaxar snin qabel. Ir-rapport li ħalla jagħtina l-ewwel stampa mill-aktar dettaljata tal-istat tal-knisja f'Malta, mhux biss fejn jidħlu strutturi (knejjes u kappelli) iżda wkoll tal-kleru u l-amministrazzjoni ġenerali, bħal tagħlim, sagramenti, finanzi u l-bqija, bit-tajjeb u n-nuqqasijiet (abbużi) li sab.

Minnu 'l hawn, sakemm ma tneħħiex għal kollox minn Napuljun fl-1798, twaqqaf f'Malta t-Tribunal tal-Inkwiżizzjoni, ħaġa li qabel kienet tkun iddelegata lill-Isqof tal-post. Hekk issa l-Inkwiżitur beda jkun kemm Nunzju tal-Papa għall-Ordni ta' San Ġwann li kien imexxi Malta, kif ukoll Tribunal fejn kienu jidħlu każi ta' nuqqasijiet jew abbużi oħra dwar il-fidi.

 

 

Ritratt: Ħajr lil Daniel Cilia

Dusina Coat Of Arms

 

Il-Fewdaliżmu

Din hija sistema fejn sultan jagħti biċċa art lil xi nobbli bħala kumpens għas-servizzi li dan ikun taħ -  ħafna drabi billi jipprovdilu nies u meżżi waqt il-gwerrer. Fl-istess ħin kien jikkapparra l-lejalta tiegħu. Il-fewdatarju għalhekk kellu ċerti obbligi lejn is-sultan iżda kien ukoll igawdi privileġġi fil-fewdu li jkun inagħta. Peress li jkun qed imexxi f'isem is-sultan, kien ikun jista' jiġbor it-taxxi m'għand il-poplu u għalhekk seta' jagħmel il-qliegħ wara li jkun skonta l-obbligi li jkollu lejn is-sultan.

Il-fewdu ma kienx jinkludi biss l-art iżda kollox kull ma jkun fiha inkluż il-bhejjem u r-raħħala. Ir-raħħala kienu jkunu marbutin mal-art li jaħdmu u meta l-fewdu jgħaddi għand ħaddieħor, kienu wkoll jgħaddu huma taħt il-ħakma ta' min ikun xtara jew wiret il-fewdu. Iżda r-raħħala ma setgħux "jinbiegħu" separatament mill-art. L-aħhar sidien fewdatarji ta' Malta kienu l-kavallieri li ġew f'Malta fl-1530 meta ngħataw il-gżira mill-Imperatur Karlu V bl-approvazzjoni tal-Papa Klement VII. Huma kienu jħallsu ħlas nominali ta' falkun fis-sena. 

It-titli tan-nobiltà Markiż, Konti u Baruni ħarġu minn din is-sistema fewdali.  Ismijiet ta’ fewdi antiki Maltin jinkludu ta’ Tabrija, tl-Qlejgħa, tal-Budaqq, il-Fiddien, ta’ Benwarrad u s-Saqqajja fost oħrajn.  Ta’ min jgħid ukoll li riċentament, f’Jannar tal-2013, il-Qorti Kostituzzjonali ta’ Malta qatgħatha li billi l-gvern kien ħa deċiżjoni politika (fl-1974) li jagħmel Malta Repubblika, it-titli ta’ nobiltà li joħorġu mill-Monarkija m’humiex rikonoxxuti uffiċjalment f’Malta.

Fewdalizmu:  Ir-Re, in-Nobbli, il-Kavallieri taghhom, u r-Rahhala u l-Bdiewa

 

Il-Graffiti

F’xi uħud mill-knejjes u kappelli tagħna naraw xi graffiti (tpinġijiet magħmulin bi brix) mal-ħitan, kemm minn barra u kemm minn ġewwa tal-knisja. Ħafna minnhom juru forom ta’ xwieni u galeri, filwaqt li oħrajn juru simboli ta’ slaleb inkluż dak tal-kavallieri, bi tmien ponot. Naraw ukoll għasafar, simboli ta’ idejn u għajnejn fost oħrajn. Dawn jingħad li kienet forma oħra ta’ “ex voto” minflok kwadri. Minn ma kienx jista’ jħallas biex jagħmel kwadru kien jagħmel dawn il-graffiti bħala sinjal ta’ ringrazzjament, tal-wegħda li tkun inqalgħet. Instabu ukoll graffiti fil-kampnari ta’ xi knejjes parrokkjali, ngħidu aħna dik ta’ Birkirkara, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. Jingħad li jista’ jkun ukoll li l-graffiti li nstabu fil-kampnari, setgħu saru waqt l-għassa li kienet issir waqt l-imblokk tal-Franċiżi. Waqt li n-nies kienu jkunu għassa fuq il-kampnar (l-iktar bini għoli tal-irħula, f’dak iż-żmien) kienu jgħaddu l-ħin iħażżu mal-ħitan. Iżda dan ma jeskludix li l-oħrajn li nstabu fil-knejjes kienu bħala riżultat ta’ xi “ex voto”.

Graffiti - f'Hal Millieri - Ritratt: Noel Ciantar

 

Il-Gran Prijur tal-Ordni ta’ San Ġwann

L-Uffiċċju tal-Gran Prijur tal-Ordni nħoloq fl-1181 mill-Papa Luċju III waqt il-Kruċjati. Kien jitqies bħala d-Direttur Spiritwali tal-Ordni u kellu l-kontroll tal-Knisja Konventwali tal-Ordni, li meta l-kavallieri kienu joqgħodu fil-Birgu, kienet il-knisja ta' San Lawrenz. Il-Gran Prijur kellu kariga għolja fl-Ordni u kien jitqies it-tieni wara l-Gran Mastru u l-Isqof ta' Malta, u għalhekk kien jieħu preċedenza fuq il-Balliju, Kmandanti u Prijuri tal-Lingwi tal-Ordni. Biex jitnaqqas it-tilwim bejn il-Gran Prijur u l-Isqof, ġie li kien jiġi nnominat bħala Isqof il-Gran Prijur innifsu jew wieħed mill-Kappillani Konventwali tiegħu, bħalma kien ngħidu aħna, l-Isqof Domenico Cubelles li kien Gran Prijur bejn l-1539 u l-1540. L-Ordni kien ukoll jissejjaħ bħala "il-Kunvent" u hu kien il-kap tal-Kappillani Konventwali, li flimkien kienu jiffurmaw l-Assembleja tal-Kappillani Konventwali.

L-istudjuż Lorenzo Zahra jagħti din id-deskrizzjoni ta' kif kien jilbes il-Gran Prijur tal-Ordni: Kien ikun espert fil-Liġi Kanonika kif ukoll fir-regoli tal-Ordni. Kien jilbes suttana sewda infurrata bil-vjola, bħalma kienu jilbsu d-dinjitarji għoljin tal-knisja. Fuq din is-suttana kien jilbes muzzetta vjola li kien ikollha fuqha s-salib tat-tmien ponot abjad. Fil-funzjonijiet kien jilbes is-salib pettorali, il-mitra u kien juża' l-baklu. L-Isqof Bartolomeo Rull, ukoll ex-Gran Prijur, beda jilbes ukoll il-cappa magna u r-rukkett, li sa dak iż-żmien kienu jintużaw biss mill-Isqof. Il-Gran Prijur kien ukoll iqaddes il-Quddiesa Solenni fil-Knisja Konventwali in modo pontificio jiġifieri kif kien iqaddisha l-Isqof meta jqaddes il-Quddiesa Solenni fil-Katidral. Waħda mill-funzjonijiet li l-Gran Prijur tal-Ordni kellu kienet li jagħmel iż-żjajjar pastorali minflok l-Isqof lil dawk il-kappelli u knejjes li kienu jappartjenu għall-istat (jiġifieri għall-Ordni) u ma kinux ikunu tal-Knisja.

Il-Gran Prijur tal-Ordni (lemin) mal-Gran Mastu de Rohan (xellug)

 

Ġuspatronat

Il-kelma Ġuspatronat tfisser jedd legali għal xi benefiċċju. Fil-kuntest ta’ knisja jew kappella li kienet ġuspatronat, dak li kien bnieha (normalment xi qassis) kellu l-jedd fuqha u kellu s-setgħa li jinnomina hu lil min jieħu ħsiebha permezz ta’ kitba, bħal testment, wara l-mewt tiegħu. Mal-knisja kien ikun hemm marbuta xi artijiet jew għelieqi li mid-dħul tagħhom kienu jridu isiru xi obbligi. Minn jieħu ħsieb l-knisja kien ikun marbut li jaghmel dak kollu li jkun hemm fit-testment, bħal ngħidu aħna quddiesa nhar il-festa, li jinxtegħel l-lampier, il-kant tal-għasar lejlet il-festa u tqassim ta’ xi ħlewwiet lill-foqra fil-festa u xi kultant ukoll quddies għal ruh min kien bena l-knisja. Il-kumplament tal-qliegħ minn dawn l-artijiet marbuta mal-knisja kien imur għal dak li kien jieħu ħsieb l-knisja. Eżempji ta’ knejjes li kienu ġuspatronat huma dik ta’ Santa Katerina fin-Naxxar u tad-Duluri fl-Imqabba.

Guspatronat - Ritratt: Noel Ciantar

 

L-Għasar

L-għasar hija kelma li tfisser “wara nofsinnhar”.  Iżda din il-kelma tfisser ukoll servizz ta’ talb li normalment isir fil-liturġija tas-sigħat wara nofsinnhar.  Fil-ġranet tal-festa kien isir bil-kbir billi jitkanta jew jinqara innu, tlett Salmi, isir qari qasir mill-Iskrittura Mqaddsa, invokazzjonijiet u wara tingħad it-talba tal-Magnificat. Ħafna drabi titkanta wkoll l-antifona tal-qaddis/a li tiegħu jew tagħha tkun qed issir il-festa. L-antifona ġeneralment tkun xi frażi mill-Bibbja assoċjata mal-qaddis li tiegħu tkun qed issir il-festa.  Dawn jingħadu bħala parti mill-liturgija tas-siegħat fl-għaxija sewwasew qabel il-kumpjeta. Il-kelma għasar li aħna l-Maltin spiss nużaw f’dan is-sens hi l-istess kelma li jgћidu il-Misilmin biex ifissru waћda mill-ћames talbiet ta’ kuljum, li tingћad wara nofsinhar. Kelma oħra b'għeruq fil-Latin li wkoll tintuża minflok il-kelma għasar hija "il-Vespri", mill-Latin “vesperae” li tfisser “filgħaxija”.  Fi knejjes kbar fejn ikun hemm gallerija fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja, l-għasar kien jitkanta minn “fuq l-orgni” jiġifieri fil-gallerija fejn kien ikun hemm l-orgni.

                                       

Ghasar - Il-gallerija tal-kappella ta Santu Nuzzu fil-Hamrun - Ritratt: Noel Ciantar
Video ta’ Vespri kantati fil-Kappella ta’ San Pawl tat-Tarġa, fin-Naxxar http://youtu.be/wlWCjWuzEjA

 

L-Ikonostasis

Din kienet speċi ta’ grada tal-injam li kienet tifred l-altar tal-knisja, l-iktar parti devota tal-knisja, mill-kumplament tal-knisja. Eżempju ta’ dan għadna narawh fil-Kappella li hemm f’Kemmuna. Din hija grada tal-injam li saret fl-aħħar tas-seklu dsatax jew l-bidu tas-seklu għoxrin, biex tieħu post oħra antika ta’ oriġini medjevali. Fil-Knisja tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri fl-arkata ta’ quddiem l-artal u fl-art għadu jidher fejn kienet imwaħħla din il-grada. L-“Iconostasis” hija influenza oħra mir-rit Grieg li fl-imgħoddi kien jinħass ħafna fil-knejjes tagħna.

Teorija oħra għal dawn il-gradi kienet li dawn kienu mezz ta’ sigurta għall-altar, fi knejjes li kienu jitħallew miftuħin.

Ikonostasis il-kappella ta' Kemuna - Ritratt: Caroline Busuttil

 

Indulġenzi

Indulġenza tfisser “maħfra”. Għalhekk l-indulġenza li nakkwistaw bit-talb jew b'xi għemil tajjeb ieħor hija maħfra tal-piena temporali (dnubiet li nagħmlu f’din id-dinja) u li nkunu stqarrejna quddiem Alla. indulġenza tista' tkun "plenarja" jew "parzjali". Indulġenza tkun plenarja meta fil-fehma tal-knisja tkun mogħtija biex bir-rebħa tagħha dak li jkun jaqla' l-maħfra tal-piena temporali kollha. Indulġenza tkun parzjali meta tiġi mogħtija biex wieħed jaqla' l-maħfra ta' parti biss mill-piena temporali. L-indulġenza tista' tkun applikabbli jew mhux applikabbli għall-erwieħ tal-purgatorju ukoll.

L-indulġenza tinagħta mill-Vatikan jew anki mill-Isqof tad-Djoċesi. Ħafna drabi biex tinqala l-indulġenza wieħed irid jgħid xi talb bħall-Ave Maria, Pater Noster, il-Glorja, il-Kredu jew is-Salve Regina quddiem xi xbieha, l-altar  jew kappella li magħha tkun marbuta l-indulġenza. Il-ġranet ta' indulġenza mirbuħa jvarjaw skont id-devozzjoni partikolari u dawn ivarjaw minn ftit ġranet sa anki snin. F'każijiet oħrajn l-indulġenza tinqala' jekk t-talb jingħad f'ġurnata partikolari bħal ngħidu aħna nhar il-Lunzjata, jew jum it-twelid tal-Madonna. Dan jiddependi skont ma jkun ordnat meta tinagħta l-indulġenza u ħafna drabi dan ikun imnaqqax fuq xi rħama biswit ix-xbieha jew altar.  Il-kwestjoni tal-indulġenzi, l-aktar “ix-xiri” tagħhom kienet fundamentali biex Luteru infired mill-Knisja Kattolika, waqqaf Knisja Protestanta u ġie skomunikat fl-1520.

Indulgenza marbuta mal-istatwa ta' Santu Rokku f'Birkirkara - Ritratt: Noel Ciantar

 

Inkwiżizzjoni

Patri Alessandru Bonniċi jiddefinixxi l-Inkiżizzjoni bħala "qorti tal-Knisja li għamlet ħilitha biex, fir-Reliġjon Nisranija, ma jidħol l-ebda tagħlim li jkun kontra l-verita". Għalhekk l-Inkiżituri ħaduha kontra dawk li tilfu l-Fidi jew waqgħu f'xi żbalji kontra l-Fidi. Kien hawn tlett għamliet ta' Inkiżizzjoni: dik Medjevali, dik Rumana u dik Spanjola. Dawn kienu differenti ħafna minn xulxin. L-agħar fosthom kienet dik Spanjola li f'Malta ma daħlet qatt.

F’Malta kellna l-Inkwiżizzjoni Medjevali, amministrata mid-Djoċesi ta’ Palermo.  Aktar tard daħlet l-Inkwiżizzjoni Rumana, kważi b’mod aċċidentali meta minħabba kwestjonijiet bejn l-Isqof Royas u l-Gran Mastru La Cassiere, il-Papa Gregorju XIII bagħat lil Monsinjur Pietro Duina bħala Visitatur Appostoliku u anke Inkwiżitur.

Il-Inkwiżizzjoni Rumana kienet sistema ta' tribunali żviluppata mis-Santa Sede matul it-tieni nofs tas-seklu 16, u li kienet responsabbli għall-prosekuzzjoni ta’ individwi akkużati b’firxa wiesgħa ta' reati relatati mal-ereżija.  Dawn kienu jinkludu ereżija, dagħa, apostasija (bdil għal reliġjon oħra), maġija, seher, magħmul, superstizzjonijiet u kif ukoll għal ċensura ta' letteratura stampata.  Filwaqt li l-Inkwiżizzjoni Rumana oriġinarjament kienet maħsuba biex tikkumbatti t-tixrid tal-Protestaneżmu, l-istituzzjoni damet għaddeja f’Malta sal-1798, meta l-miġja ta’ Napuljun f’Malta temmet l-istituzzjoni u tkeċċa l-aħħar inkwiżitur minn Malta.

Għal aktar dettall dwar l-Inkwiżituri f’Malta ara hawn

Indici ta' Kotba Ipprojbiti

 

Inkurunazzjoni ta’ Kwadru jew Statwa

F'diversi knejjes u kappelli fil-gżejjer nsibu kwadri titulari li huma nkurunati. Ngħidu aħna forsi l-iktar li huma popolari hemm il-kwadru tal-Madonna ta' Pinu f'Għawdex u tal-Madonna tal-Grazzji f'Ħaż Żabbar. Apparti dawn imma nsibu kwadri oħra li huma nkurunati li jinsabu f'kappelli u knejjes żgħar f'Malta.

Skont il-Kanonku Nikol Vella Apap li kiteb fuq is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara, biex tiġi nkurunata xbieha ta' Madonna jinħtieġu tlett affarjiet. L-ewwel, li l-inkwatru jew statwa li jkunu ser jiġu nkurunati jkunu antiki, bħal dawk li diġa semmejna u bħal oħrajn bħal dak li jinstab fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. It-tieni, li n-nies ikunu jmorru jżuru bi ħġarhom ix-xbieha ta' dak il-kwadru jew statwa. L-aħħar ħaġa mitluba hi li dak il-kwadru jew statwa tkun xxerdet grazzji kbar u għamlet għeġubijiet.

Wara, issir it-talba formali lill-Vatikan mill-Arcisqof tad-djoċesi ta' fejn ikun hemm l-kwadru jew statwa li qed issir it-talba fuqu. Hemm hekk jiġi deċiż jekk il-kwadru jew statwa jissodisfawx il-kriterji msemmija hawn fuq. Jekk dawn jilħqu il-kriterji meħtieġa, jinħareġ digriet mill-Vatikan fejn jingħata l-jedd lil dik il-persuna li kienet għamlet it-talba biex ssir l-inkurunazzjoni. Normalment għal din l-okkażżjoni jitħejjew festi speċjali, fejn l-festi jilhqu l-qofol tagħhom waqt li l-Arċisqof jpoġġi l-kuruna fuq ras ix-xbieha tal-Madonna. Aħna l-Maltin nistgħu ngħidu li aħna tassew ixxurtjati li għandna ħafna kwadri tal-Madonna li ġew inkurunati. Dan jixhed id-devozzjoni kbira li l-poplu tagħna kellu lejn Marija Santissima.

Kwadru tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieha

 

Kappelli jew Knejjes Żgħar ?

Aħna l-Maltin kultant nirreferu għall-knejjes żgħar b’mod inkorrett u nsejħulhom “kappelli”. Huwa nteressanti li wieħed jagħraf id-differenza bejn iż-żewġ termini.  Kappella ma tistax tkun bini fiżikament indipendenti. L-uniku kuntest fejn kappella tista’ tkun knisja indipendenti kien fi żminijiet medjevali meta “cappella” kienet tfisser dak li hi l-parroċċa tal-lum. Eżempju ta’ dan hija l-kappella ta’ Bir Miftuħ li fis-seklu ħmistax kienet il-parroċċa li tinkorpora ħafna rħula tal-madwar.

Skont il-Professur Dr. Mario Buhagiar, kappella hija parti minn knisja akbar, bħal ma’ nsibu fil-kappelli jew kappelluni fil-knejjes parrokkjali tagħna bl-altari tagħhom.   Il-Monsijur Dusina, fir-rapport taż-żjara li kien għamel lill-knejjes madwar Malta kien jibda r-rapport ta’ kull viżta bil-kliem “Item visitavit aliam Ecclesiam …” li tfisser “Ukoll żar Knisja oħra …”.  Il-listi tal-knejjes li żar jagħtihom it-titlu “Visitatio Ecclesiarum ruralium …” jiġifieri “Viżti fil-Knejjes rurali …”.  Mill-banda l-oħra, wara li hemm ir-rapport dwar l-istħarriġ li kien għamel mal-Kanonċi, ir-rapport ikompli bit-titlu “Super Interrogationibus Parrochorum” li tfisser “Dwar l-istħarriġ tal-Kappillani”.  Ta’ min igħid li l-kelma “kappillan” ġejja mill-kelma kappella u tfisser “dak li jieħu ħsieb kappella” jiġifieri dik li llum insejjħulha knisja parrokkjali.

Kappelli jew Knejjes Zghar ? - Il-knisja tal-Fawwara - Ritratt : Caroline Busuttil

 

Karti tal-Glorja

Xi kultant meta knisja jew kappella tkun armata għall-festa fuq l-artal maġġur jew xi artal ieħor naraw xi gwarniċi tal-injam jew tal-fidda, li fihom ikun fihom xi talb. Normalment naraw tlieta minnhom, f'tan-nofs ikun hemm il-glorja u t-talba tal-konsagrazzjoni, fuq in-naħa tal-lemin ikun hemm it-talb tal-ħasil tal-idejn (il-"lavabo") u fuq in-naħa tax-xellug ikun hemm xi silta mill-Vanġelu. Dawn kienu jintużaw, biex waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa is-saċerdot ikun jista' jaqra minn fuqhom.

Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni dawn tista' tgħid li tilfu l-użu tagħhom, għax l-qassis m'għadux jagħti dahru lejn il-kongregazzjoni waqt il-quddiesa għax fuq l-artal mejda dejjem ikun hemm l-Iskrittura Mqaddsa minn fejn il-qassis ikun jista' jaqra t-talb. Iżda dawn il-karti tal-glorja jew kif xi kultant jissejħu 'kartaglorja' għadna narawhom bħala tiżjin fil-knejjes fil-ġranet tal-festa.

Kappella tal-Isperanza - Karti tal-Glorja - Ritratt: Caroline Busuttil

 

Knisja Ipporofanata

Matul ż-żjajjar pastorali ċertu knejjes kienu jiġu pprofanati. Meta knisja kienet tkun profanata, kienet tiġi ddikjarata li m’ghadhiex titqies bħala post sagru u ma tistax tkompli sservi bħala post fejn isir il-quddies. Dan kien jiġri speċjalment meta xi knejjes kienu jintelqu, u jispiċċaw fi stat ħazin. L-Isqof kien jagħlaq din il-knisja u jiddikjaraha pprofanata. Wieħed mill-Isqfijiet li pprofana knejjes kien l-Isqof Balaguer fiż-żjarat tiegħu lil diversi knejjes fl-1659.
 

Kappella ipprofanata - Kappella tal-Vizitazzjoni Hal Millieri - Ritratt: Caroline Busuttil

 

Knejjes Trogloditiċi

Dawn huma l-knejjes li nbnew fl-għerien. L-Għar ta’ San Pawl (St. Paul’s Grotto) u ta’ Sant’Agata, fir-Rabat u l-kappella fil-blat fil-Castrum Maris (Forti Sant’Anġlu) u l-Knisja tal-Madonna tal-Mellieħa huma eżempju ta’ knejjes mibnijin fl-għerien. Fost dawn insibu ħafna madwar l-gżejjer tagħna. Dawn il-knejjes kienu jitħaffru fil-blat u kien ikollhom l-affarjiet kollha li nsibu fi knisja li naraw llum, bħal artal, bankijiet imħaffrin fil-blat, affreski etċ. Skont Dr. Mario Buhagiar, dawn il-knejjes kienu jinbnew fl-għerien, bħala simboliżmu peress li Kristu twieled u rxoxta mill-għar. Din it-teorija tispjega għaliex f’xi knejjes medjevali oħrajn li minħabba fejn qegħdin ma setgħux jinbnew f’għerien, biex tidħol fihom trid tinżel xi taraġ, biex hekk tingħata d-dehra li inti qiegħed “f’għar”.
 

Imsida - Il-Kappella tal-Kuncizzjoni, imhaffra fil-blat - Ritratt: Noel Ciantar

 

Koppla

Koppla hi s-saqaf għoli, ġeneralment f'forma ta' nofs sfera, li jkun mibni fuq numru ta' pilastri li fuq dawn jitilgħu erba' ħnejjiet kbar, fuq l-artal maġġur. Aktarx li aktar li nsibuhom fil-knejjes il-kbar u ta' daqs medju milli fil-knejjes żgħar. Insibu koppli ta' qisien u forom differenti, ngħidu aħna bħal dik li nsibu fil-Knisja tas-Salvatur l-Antik f'Ħal Lija fejn hemm koppla għamla ta’ plattin u bit-twieqi bit-tambur. Din kienet waħda minn tal-bidu li saru. Insibu wkoll dawk bi stil aktar magħruf, li jkunu ddisinjati bħala nofs sfera. Oħrajn ikunu jisku 'l knisja kollha u mhux l-artal maġġur biss. Fost dawn insibu żewġ eżempji ċelebri bħal dik tal-Mosta u dik tal-Knisja tal-Karmnu, fil-Belt Valletta. Din tal-aħħar għadha għamla ovali.

"Koppla" unika f'Malta hi dik li hemm fil-Katridral Matriċi ta' Santa Marija f'Għawdex. Din hi "koppla li mhix koppla" - is-saqaf hu ċatt, jiġifieri m'hemmx koppla fis-sens arkitettoniku tal-kelma. Iżda minn ġewwa, dan is-saqaf ċatt u tond hu mpitter b'pittura li tqarraq b'min ikun qed jaraha mill-korsija għax tagħti l-impressjoni li hemm koppla tredimensjonali. Din il-pittura tal-1739 saret mill-Isqalli Antonino Manuele li uża t-teknika magħrufa bħala trompe l'oeil biex jagħti impressjoni li hemm koppla u għalhekk jagħti impressjoni ta' spazju akbar.

L-għan tal-koppla hu li ddawwal l-artal maġġur, apparti biex iżżejjen l-arkittetura tal-knisja. Fi knejjes kbar parrokkjali nsibu wkoll koppletti, li huma koppli żgħar li nsibuhom fil-ġnub tal-koppla prinċipali biex idawlu l-artali laterali fil-knejjes. Eżempju ta' dawn huma dawk fil-knisja parrojakli ta' Raħal Ġdid fost l-oħrajn.

Il-Koppla tal-Bazilika ta' Sant'Elena - Birkirkara - Ritratt: Noel Ciantar

 

Kwadri “Ex-voto”

F’ħafna mill-knejjes u kappelli devoti nsibu ammont kbir ta’ kwadri tal-wegħda. Dawn kienu jsiru bħala ringrazzjament lil Alla, lill-Madonna jew lill-qaddisin ta’ xi wegħda li tkun ġiet maqlugħa. Ħafna minn dawn il-kwadri huma marittimi, ta’ xi nies li nqabdu f’xi tempesta fuq il-baħar u ħelsuha mill-għarqa. Oħrajn huma bħala ringrazzjament ta’ ħlas tajjeb, jew ta’ xi ħadd li kien marid u wara fieq. Fuq dawn l-kwadri dejjem nsibu l-ittri VFGA (“Votum Fecit Gratiam Accepit") li jfissru li l-wegħda saret u l-grazzja ġiet maqlugħa. Għalkemm ħafna minn dawn m’għandhom l-ebda valur artistiku, hemm oħrajn li tpittru minn artisti tal-arti. L-knejjes tal-Madonna tal-Ħerba, tal-Ħniena, tal-Ħlas, ta’ Pinu u s-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzji, Ħaż-Żabbar huma fost l-iktar li għandhom kwadri “ex voto”.

Kwadru Ex-Voto - Ritratt: Noel Ciantar

 

Leġġendi

Ma’ xi wħud minn dawn il-knejjes u kappelli nsibu xi leġġendi marbuta magħhom. Fost dawn forsi l-iktar popolari huma l-leġġendi tal-Madonna tal-Isperanza u ta’ San Pawl Eremita tal-Mosta, ta’ San Dimitri u taż-Żejt fl-Għarb, u ta’ San Kurrad fil-Qala Ghawdex. Stejjer ħelwin li missierijitna kienu jirrakontaw lil uliedhom fil-passat. Forsi mhux kollha huma veri, u ma tistax toqgħod fuqhom, imma jibqa’ l-fatt li huma leġġendi ħelwin, u jagħmlu parti mill folklor tagħna.

L-istudjuż Guido Lanfranco jgħid hekk: Leġġenda mhix ħrafa. Ħrafa tkun storja twila kollha kemm hi fantasija u ġrajjiet li qatt ma jistgħu jkunu veri, imma nieħdu gost biha u tista' tinfirex ma' bosta artijiet. Leġġenda hija dejjem qasira għax hija biss għajdut popolari biex ifisser xi ħaġa li teżisti jew li kienet teżisti jew li ġrat u l-ħaġa tista' tkun persuna magħrufa, oġġett, annimal, ħofra, għolja, għar, blata u kull ħaġa oħra, u ma jkunx hemm storja twila fiha. Ladarba t-tifsira titnissel f'ħalq il-poplu tibqa' tiġi ripetuta, spiss b'xi tibdil, minn ġenerazzjoni għall-oħra, u b'hekk, il-ħaġa ngħidu li tkun saret leġġendarja. Imma t-tifsira tal-ħaġa jew leġġenda, ukoll jekk is-suġġett kien jew għadu jeżisti jew ġara tassew, tkun dejjem tal-post, qasira u tista' tkun kemm fantastika kif ukoll verità.

Dwar il-leġġendi ma noqogħdux nistaqsu humiex veri jew le: jistgħu ikunu verità, nofs verità jew għal kollox fantastiċi. Ngħidu biss li l-leġġendi huma tifsira popolari ta' xi ħaġa li kienet jew għadha teżisti u napprezzawha bħala parti mill-kultura tagħna.

Għalhekk, meta ngħidu leġġenda, l-ewwel insemmu dak li nafu bħala fatt u l-post fejn kienet jew tinstab, imbagħad ngħidu t-tifsira popolari jew il-leġġenda tagħha.

Leggenda - Ghar tal-Isperanza, Mosta - Ritratt: Caroline Busuttil

 

Marianus Testaferrata  

Għal żmien twil, dan il-kwadru li hawn fuq il-lemin, konna naħsbu li juri lid-Delegat Appostoliku u Inkwiżitur Mons. Pietro Dusina.  Dan għaliex il-personaġġ impitter juri f’idu l-leminija ktejjeb bil-kitba fuq il-qoxra ta’ barra li tgħid “Petrus Dusina Inq. e Deleg. Apt.

Din il-pittura, xogħol biż-żejt fuq il-kanvas tas-seklu sittax u li tinsab f’kollezzjoni privata, ġiet restawrata riċentament u meta kienet qed tiġi ppreparata u fotografata għall-katalgu tal-wirja dwar l-Inkwiżizzjoni Rumana li qed issir fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu bejn Ottubru 2014 u Jannar 2015, ġie innotat li taħt il-pittura, u li kienet tagħmel parti integrali mill-pittura,  kien hemm kitba li tgħid hekk:

 “Marianus Testaferrata Patritius Messanensis,
et in Melita SS: Inquisitionis Primus
Depositarius.  Obiit anno 1571 Aetatis 83.

Li tfisser

“Marianus Testaferrata, Patrizju [titlu ta’ Nobbli] minn Messina,
u f’Malta l-ewwel Depożitarju tas-Santissma Inkwiżizzjoni. 
Miet fl-1571 fl-età ta’ 83 [sena]”


Dan jikkonferma bla dubju li l-personaġġ muri hu Marianus Testaferrata u mhux il-Mons. Pietro Dusina.

L-Inkwiżitur kien jeħtieġlu biss l-approvazzjoni mill-Kongragazzjoni  Suprema f’Ruma sabiex jimpjega Depositarju.  Id-Depositarju kien dak li jamministralu l-finanzi u li kien joħroġ is-salarji tad-dipendenti tal-Inkwiżizzjoni u anke tal-Inkwiżitur innifsu.  Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, il-familja Testaferrata kienu jokkupaw din il-kariga.

Marianus Testaferrata kien ġie mlaħħaq “Patritius” [titlu nobbli] tal-belt ta’ Messina f’Diċembru tal-1553.  Digriet ieħor f’Awwissu 1792 ikkonferma dan it-titlu anke għad-dixxendenti tiegħu.    Dan id-digriet tal-aħħar  hu msemmi fl-atti tan-Nutar Vinċenz Farrugia tal-20 ta’ Frar tal-1877.

Fis-seklu dsatax (1877-1878) il-Kummissjoni Rjali li kienet twaqqfet propju biex teżamina it-titoli tan-nobiltà f’Malta f’dak iż-żmien ikkonkludiet (ħażin) li t-titlu ta’ Patritius ma kienx titlu ta’ nobiltà tassew iżda biss titlu mogħti b’unur mill-belt ta’ Messina.  Dan ġara għax billi dan kien titlu kien ħareġ minn Messina u mhux minn Malta, kellu jiġi rreġistrat fl-1739 skont liġi maħruġa mill-Gran Mastru Despuig.  Dan qatt ma kien sar u għalhekk il-Kummisjoni rraportat li ma kien hemm l-ebda prova li t-titlu kien rikonoxxut mill-Gran Mastri ta’ Malta.    Fl-aħħar mill-aħħar, iżda, l-użu ta’ titli ta’ nobiltà kienu ġew finalment aboliti f’Malta  bl-Att 29 ta’ Ottubru tal-1975.

Iżda dan il-kwadru, għalkemm jikkonferma definitivament li l-persunaġġ muri huwa Marianus Testaferrata, joħloq mistoqsija oħra li għad m’għandiex tweġiba.  Għaliex pittura li turi lil Marianus Testaferrata, li miet fl-1571, turieħ bi ktejjeb żgħir f’idu bl-isem ta’ Mons. Dusina , li kien ġie f’Malta 4 snin wara l-mewt ta’ dan Marianus?  Jista’ jkun li dan l-isem sar wara u billi għal ħafna żmien kien maħsub li Dusina kien l-ewwel Inkwiżitur (ma kienx għax qablu kien hemm l-Isqfijiet Cubelles u Royas li l-armi tagħhom, iżda, ma jidhrux fil-palazz tal-inkwiżitur tal-Birgu.  Dawn, barra isqfijiet ta’ Malta kienu jaqdu l-funzjonijiet ta’ Inkwiżitur ukoll) xi ħadd, bi żball, seta’ ħaseb li kien hemm konnessjoni bejn Marianus Testaferrata u Dusina.  Din hija spjegazzjoni  ta’ x’seta’ ġara  li tana espert li tkellimna miegħu.  Intant li hu żgur hu li m’għandniex kwadru li juri x-xbieha tal-Inkwiżitur Dusina - għalissa.

Ritratt: Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratt kif ukoll talli ġibdilna l-attenzjoni għal dan l-iżball.

Marianus Testaferrata

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


 

 

Non Gode l’Immunità Ecclesias

Mal-bieb ta’ ħafna kappelli u knejjes żgħar għadna naraw irħama b’dawn il-kelmiet. Din tfisser li dik l-knisja jew kappella ma tgawdix il-protezzjoni tal-Knisja. Fl-antik xi uhud minn dawn il-knejjes taw kenn lill-kriminali li kienu jiddaħħlu minn dawk li kienu jieħdu ħsieb l-knejjes u l-awtoritajiet ma kellhomx jedd jidħlu u jarrestaw lil dawn in-nies. Dan kien ħoloq inkwiet bejn l-Knisja u l-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-1828 il-Gvernatur Frederick Ponsonby, abolixxa d-dritt tal-immunita mill-knejjes, u twaħħlu dawn l-famużi lapidi tal-irħam li għadna naraw ma’ ħafna mill-knejjes tagħna.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett ara l-artikli tas-Sur Gregory Gauci u tas-Sur Gwido Lanfranco fis-sezzjoni tak-artikli f’dan is-sit stess.

Non Gode l'Immunita Ecclesias - Ritratt: Fr. Martin Micallef

 

L-Oculos

L-iktar kappelli antiki ma kienx ikollhom tieqa għal barra fil-faċċata: ngħidu aħna dik ta’ Ħal Millieri m’għandiex tieqa għal barra. Jidher li t-twieqi bdew isiru wara ż-żjara ta’ Monsinjur Pietro Dusina, fejn fir-rapporti tiegħu nsibu li kien ordna li jsiru “oculi” jew kif jissejħu bl-Ingliż “deep eye”. Dawn m’huma xejn għajr twieqi fuq il-bieb prinċipali biex idawwlu l-knejjes, li sa dak iż-żmien kienu jkunu mdallmin ħafna. L-ewwel twieqi li saru kienu dawk tondi mingħajr elaborazzjoni ta’ xejn. F’kappelli inqas antiki dawn t-twieqi narawhom b’disinji differenti, bħal b’forom ta’ warda, stillel u disinji oħra.
 

Oculos - Ritratt: Noel Ciantar

 

Oqbra u Knejjes

Waħda mill-forzi l-kbar li mbuttat il-bini ta’ tant kappelli kienet li kienu jservu ukoll ta’ mezz fejn jindifnu n-nies. Ngħidu aħna fiż-żjara ta’ Monsinjur Dusina fl-1575, hu jsemmi li f’ħafna kappelli kien hemm oqbra, u f’hafna każi hu kien rrimarka biex id-dfin isir aħjar. F’xi każijiet insibu li ċertu Kappelli kienu privati u fihom kienu jindifnu biss il-membri ta’ familja waħda. Kappelli oħrajn servew bħala post fejn indifnu l-vittmi tal-pesta kemm ġewwa l-knisja, kif ukoll fil-parti ta’ quddiem il-knisja għalhekk magħrufa bħala “zuntier”. Eżempju ta’ dan huma l-Kappelli ta’ San Bażilju u San Mikiel fl-Imqabba li quddiemhom indifnu l-vittmi tal-pesta li laħqet dan ir-raħal fl-1676. Post ieħor simili hi l-pjazzetta li hemm fuq ix-xellug tal-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu quddiem l-Oratorju tas-Salib Imqaddes fejn hemm lapida li tgħid li hemm qiegħdin midfunin l-eroj li mietu fl-Assedj l-Kbir tal-1565.

Fil-kappelli antiki Medjevali nsibu biss il-kaptelli li jgħattu l-qabar u dawn jisfumaw sew mal-bqija tal-art taċ-ċangatura tal-franka li ġeneralment tinsab f’dawn il-kappelli.  F’kappelli aktar riċenti Barokki nibdew insibu wkoll xi lapida tal-irħam li tgħatti l-wiċċ tal-qabar.  Naturalment, l-isbaħ eżempju ta’ dan hu l-paviment tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta li tista’ tgħid hu miksi bil-lapidi lussużi tal-oqbra tal-Kavallieri u dinjitarji oħra tal-Ordni ta’ San Ġwann midfunin hemm.

Imqabba - Dfin fiz-Zuntier - Ritratt: Noel Ciantar

 

Parroċċa

L-istoriku Fr. Joseph Bezzina jiddefinixxi l-kelma parroċċa bħala "komunita ta' Kristjani f'lokal determinat ta' djoċesi, li l-kura tagħha hi mħollija f'idejn kappillan li jmexxiha bħala ragħaj f'isem l-isqof".

L-ewwel parroċċi ta' Malta ssejħu cappelle. Fl-1436, l-Isqof Senatore de Mello ta’ Noto (1432–1445), fi żmien il-Papa Eugenio IV, ordna li jsir elenku (ir-“Rollo”) tad-dħul kollu ekkleżjastiku (“benefizzji”) li kienu jeżistu f’Malta.   Huwa sab 12-il cappella f’Malta ak in-nhar. Ta’ min jgħid li dan ir-Rollo jelenka l-lista ta’ parroċċi iżda dan bl-ebda mod ma jindika li waqqafhom de Mello n-nifsu jew li twaqqfu f’dik is-sena. Il-kelma “parroċċa” qatt ma tintuża iżda tintuża minflok il-kelma “cappella” li għandha tiftiehem bħala knisja b’ħidma parrokkjali.

Il-cappelle ma kellomx rabta ma' raħal partikolari, tant li kull cappella kellha diversi rħula taħt il-kura tagħha. Mill-banda l-oħra, f'Għawdex il-parroċċi ma ssejħux cappelle iżda parroċċi b'territorju żgħir determinat u mhux b'diversi rħula taħthom bħal f'Malta. Mhux magħruf bi preċiżjoni meta twaqqfu l-ewwel cappelle f'Malta iżda li hu żgur li daw diġà kienu jeżistu fi żmien de Mello.  Il-parroċċi f'Għawdex iżda, l-indikazzjonijiet huma li dan beda' jsir lejn il-bidu tas-seklu ħmistax.

Ta’ min jinnota li l-kelma “kappillan” li għadna nużaw sal-lum biex nindikaw il-mexxej ta’ parroċċa hija mnissla appuntu mill-kelma antika cappella li kienet tisser parroċċa.

Parrocca - SM Bir Miftuh fil-Gudja - Ritratt: Noel Ciantar

 

Il-Perjodu Medjevali

Dan it-terminu beda jintuża għall-ewwel darba fl-Italja Rinaxximentali biex jindika il-millenju li ġie wara l-era Klassika (Rumana) sa dak iż-żmien.  Dan ifisser li dan it-terminu jindika ż-żmien bejn il-ħames seklu WK, wara l-waqa’ tal-Imperu Ruman, u l-1500WK.

Tradizzjonalment, il-mewt tal-Imperatur Ruman Theodosius I fl-395 WK timmarka t-tmiem tal-Imperu Ruman u bejn din il-ġrajja u s-750WK illum nirreferu għalih bħala l-Medju Evu Bikri (“Early Middle Ages”).  F’dan il-perjodu ma tantx insibu dokumenti dwar Malta iżda nafu li fl-535WK Malta waqgħet taħt idejn il-Ġenerali Biżantin Belisarius u għalhekk saret parti mill-Imperu Biżantin sa’ ma ġew l-Għarab fl-870WK.  Nies kbar magħrufin f’dan il-perjodu kienu l-Papa Gregorju I (“il-Kbir”), Mohammed u Karlumanju.  Is-sistema fewdali u l-Islam bdew f’dan iż-żmien.

Il-perjodu bejn is-700WK u l-1300 jitqies bħala l-perjodu “High Middle Ages” fl-istorja tal-Ewropa.  F’Malta, dan jikkoinċidi mal-ħakma Għarbija (870WK-1091WK), il-miġja tan-Normanni u sensiela ta’ sidien fewdali inklużi l-Ġermaniżi (Svavi), il-Franċiżi (Anveġini) u l-Ispanjoni (Aragoniżi).  Għal darb’oħra, dokumentazzjoni hi relattivament fqira iżda nafu li matul dan il-perjodu il-Kastell Sant’Anġlu kellu mportanza kbira u anke saret battalja navali importanti bejn l-Aragoniżi u l-Anġevini fil-Port il-Kbir.  Il-battalja ta’ Hastings, il-Kruċjati u l-waqa’ t’Akkri kienu mumenti importanti li seħħew ukoll f’dan il-perjodu.    F’Malta mal-miġja  tan-Normanni fl-1091WK u għal darb’oħra fl-1127WK bdiet il-mixja tar-riKristjanizzazzjoni ta’ Malta wara aktar minn żewġ sekli ta’ ħakma Gharbija.

Il-perjodu bejn l-1300WK u l-1500WK hu magħruf bħala l-Medju Evu Tardiv (“Late Middle Ages”) u f’Malta nibdew naraw il-konsolidazzjoni bil-mod tal-Kristjaneżmu.  Għandna aktar dokumentazzjoni u nafu ftit aktar dwar il-Knisja f’Malta.  Ir-Rollo tal-Isqof Senatore de Mello jaslilna minn dan iż-żmien, għalkemm għandna referenzi żgħar oħrajn ukoll għall-istat tal-Knisja f’Malta anke minn qabel.  Għalkemm ma kienux qed jinbnew il-katidrali Gotiċi enormi bħalma kien qed isir fil-bqija tal-Ewropa, xi kappelli bikrin li għad fadlilna llum inbnew f’dan il-perjodu.

Il-Medju Evu tista’ tgħid li ngħalaq bil-vjaġġ ta’ Kristofero Columbus u l-iskoperta tal-Amerika fl-1492.  Għalina l-Maltin, dan il-perjodu tista’ tgħid li ngħalaq ftit snin wara fl-1530 bil-miġja tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta.

Affresk fil-kappella tal-Hal Millieri fiz-Zurrieq

Kant Medjevali ta’ żmien il-Kavallieri Templari ta’ żmien il-Kruċjati – Salve Reġina, kantata mill-Ensemble Organum

 

Il-Perjodu Barokk

Il-perjodu Barokk għall-istudjużi tal-istorja fl-Ewropa jimmarka l-perjodu bejn wieħed u ieħor bejn l-1600 u l-1750 meta dan l-istil beda jinfluenza l-arti, l-arkitettutra u l-mużika.  Il-kelma hija mnissla minn kelma Portugiża li tfisser “perla b’forma irregolari”.  Għalhekk, għall-bidu kien terminu li jintuża b’mod dispreġġjattiv biex jindika stil biżżarr, opulenti u eċċessiv .  Kien biss fis-seklu 20 li t-terminu beda biss jindika perjodu fl-istorja.

L-arkitettura Barokka ċertament hi stravaganti.  Forom ikkomplikati, kurvaturi wiegħsa,  kolonni mibrumin fuqhom infushom, turġien wisgħin u grandjużi u koppli għoljin huma ftit mill-karatteristiċi tal-arkitettura Barokka.  Fl-arti bdejna naraw pitturi li juru mumenti drammatiċi, kuluri qawwija u kuntrast qawwi bejn id-dawl u d-dlam.   Fil-mużika nħolqot it-tonalità, żdied bil-qawwi l-ornamentazzjoni fil-mużika, saru bidliet kif kienet tinkiteb il-mużika kif ukoll inħolqu forom ġodda tal-mużika, inkluża l-opra, li għadna nużawhom sal-lum.

Dan il-perjodu f’Malta tista’ tgħid jikkonċidi mal-għażla tal-Ordni ta’ San Ġwann li jitfgħu l-ankri f’Malta b’mod permanenti wara li kienu kważi tilfu kollox l-Assedju l-Kbir tal-1565.  Id-Direttur Artistiku tal-Valletta International Baroque Festival 2013, is-Sur Kenneth Zammit Tabona, fil-programmi ta’ dan il-Festival, jirrimarka li “l-Barokk Malti hu riżultat ta’ ġrajja marbuta ma’ Ordni Kavalleresk u Sovran li spiċċa f’Malta kważi b’kumbinazzjoni, f’post li qabel ma ġew il-Kavallieri ma kienx wisq aktar minn blata f’nofs ta’ baħar.  Huwa każ uniku ta’ wirt kulturali li għandna aħna l-Maltin u li jista’ kultant jidħol fil-konxju tagħna mingħajr lanqas biss nindunaw.”

L-ewwel knisja fuq stil Barokk li nbniet f’Malta kienet dik tal-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta li ġiet iddisinjata u mibnija fl-1638 minn Francesco Buonamici.  Ismijiet oħra marbutin ma’ dan il-perjodu f’Malta huma Romano Carapecchia, Lorenzo Gafà u Francois de Mondion fl-arkitettura, Mattia Preti, Michelangelo Merisi da Caravaggio, Gieseppe d’Arena, il-familja Erardi u Melchiorre Gafà fl-arti, kif ukoll Girolamo Abos, Benigno Zerafa u Francesco Azzopardi fil-mużika.

Barokk - Manoel Theatre - Ritratt: Carol Ciantar


Ara biċċa opra f' teatru Barokk: Mill-film "Farinelli" - "Ombra fedele anch'io" mill-opra Idaspe (1730) ta' Riccardo Broschi.

 

Portiku

Diversi knejjes għandhom loġġa jew loġoġ quddiem l-entratura prinċipali, li tagħmel parti integrali mill-faċċata tal-knisja. Xi uhud minnhom huma ddekorati ukoll. Il-korsija kienet isservi bħala kenn għall-pellegrini li kienu jiġu jżuru dik l-knisja partikolari. Fil-fatt il-portiċi l-iktar li nsibuhom huma f'tempji Marjani li fihom kienu jsiru ħafna pellegrinaġġi. Fi żmienijit fejn it-trasport kien biss permezz ta' xi bhima jew inkella bil-mixi, il-portiċi kienu importanti ħalli wara vjaġġ kemmxejn twil sakemm jaslu, in-nies kien ikollhom fejn jistkennu mill-qilla tax-xemx fis-sajf jew inkella minn xi ħalba xita fix-xitwa. Hemmhekk kienu jistennew sakemm tiftah il-knisja, jisimgħu il-quddiesa u jitolbu għall-bżonnijiet tagħhom. Ma kienx jonqos illi l-pellegrini kienu jġibu xi ftit ikel u xorb magħhom biex qabel ikomplu t-triq lura sad-dar jitrejqu ftit.

Fost l-isbaħ portiċi li nsibu fi knejjes tagħna hemm dak tal-Knisja tal-Madonna tal-Providenza fis-Siġġiewi u dak tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena l-Qrendi. Knejjes ohrajn li għandhom devozzjoni kbira u għandhom portiku jew loġġa huma tal-Madonna tal-Ħlas bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi, is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u s-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara. Jingħad illi fil-loġoġ li hemm mas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas, kien hemm nisa li kienu jmorru jwelldu t-trabi hemmhekk minħabba d-devozzjoni li hemm marbuta ma’ din il-knisja.  Portiku sabieħ ieħor hu dak tal-kappella ta’ Santa Katerina t’Alessandria li hemm fil-Belt Valletta.
 

Santa Katerina t'Alessandria, il-Belt - Ritratt: Noel Ciantar

 

Privileġġ

Fil-kitbiet li għandna fis-sezzjoni fuq il-kappelli niltaqgħu ta' sikwiet mal-kliem li altar huwa "privileġġjat".  Il-privileġġi kienu jirriflettu maħfriet għal dnubiet (ara wkoll “indulġenzi”) għal min jisma’ quddies imqaddes fuq l-altar partikolari jew jitlob xi talb partikolari quddiem l-istess altar.

Għalhekk meta altar ikun ipprivileġġjat dan ikun ifisser li min jitlob quddiemu jingħata ammont ta' ġranet ta' maħfra. Il-ġranet ta' indulġenza mirbuħa jvarjaw skont id-devozzjoni tal-artal u dawn ivarjaw minn ftit granet sa anki snin. F'każijiet oħrajn l-indulġenza tinqala' jekk t-talb jingħad f'ġurnata partikolari bħal ngħidu aħna nhar il-Lunzjata, jew jum it-twelid tal-Madonna

Għalkemm għadna nsibu ħafna altari ipprivileġġjati, għax fil-passat dawn kienu popolari ħafna, illum it-twaqqif ta' altari ipprivileġġjati naqas ħafna minħabba tibdil fit-twemmin ta' kif tingħata l-maħfra.

Altar Privileggjat - Tal-Herba, Birkirkara - Ritratt: Noel Ciantar

 

Ir-Rollo ta’ de Mello tal-1436

Senatore de Mello kien saċerdot Spanjol li jgħix f’Catania, fi Sqallija. Kien ġie nominat Isqof ta’ Malta mill-Papa Ewġenju IV fit-13 ta’ Frar, 1432. Dak iż-żmien l-isqfijiet ta’ Malta kienu jgħaddu żmien twil fi Sqallija, għaliex kienu jibżgħu mill-attakki tal-furbani, għax Malta kienet għadha nieqsa ħafna mill-protezzjoni adekwata. F’Malta kienu jħallu saċerdot Vigarju biex imexxi d-djocesi. Fl-1436 l-Isqof de Mello ġie Malta biex iwaqqaf Kummissjoni ta’ erba’ kanonċi tal-katidral biex jiġbru l-lista tal-prebendi, kanonikati u benefizzji fil-gżejjer Maltin, id-dħul finanzjarju minn kull wieħed, u l-ismijiet tas-saċerdoti li kienu jgawduhom. Dan għamlu biex tiġi solvuta darba għal dejjem kwistjoni bejn il-kleru ta’ Malta u dak ta’ Għawdex, dwar xi taxxi li kellhom jitħallsu. Hekk bis-saħħa ta’ din il-lista jew rollo (Il-'Quinterniolus pro Concordia Taxarum') għandna tagħrif interessanti fuq mija u erbgħin benefizzju. Fosthom jissemmew tnax-il cappella (l-ewwel forma ta’ parroċċi kif nafuhom illum). Inklużi ma’ dawn it-tnax kien hemm il-cappelle ta’ Castrum Maris (illum Kastell Sant’Anġlu) fil-Birgu u San Paulu di Fora (Rabat), kif ukoll l-għaxar cappelle tal-kampanja. Dawn il-cappelle rurali kienu l-cappelle ta’ Birkirkara, Naxxar, Ħal Qormi, Siġġiewi, Bisqallin (Żejtun), Casal Tartarni (Ħad Dingli), Ħaż Żebbuġ, Mellieħa, Żurrieq u Bir Miftuħ. Ma jfissrix li dawn il-cappelle kollha twaqqfu fl-1436 kif jistgħu jaħsbu xi wħud: fil-fatt il-parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara kienet ġiet msemmija f’kuntratt li sar fl-1402. Iżda li hu żgur hu li f’dik is-sena kienu diġa jeżistu bħala cappelle.

Ara wkoll hawn.
 

Arma tal-Isqof Senatore de Mello

 

Is-Salib tad-Dejma

Madwar l-gżejjer tagħna għadna naraw ammont sabiħ ta' slaleb fuq kolonna. Dawn kienu jsiru meta kien ikun hemm xi kappella jew knisja li għal xi raġuni tkun twaqqgħet kien isir dan is-salib bħala tifkira tagħha. L-iktar li nsibu minnhom huma fl-irħula l-qodma u l-iktar li nsibuhom hu fiċ-ċentru l-antik tar-raħal. Uħud minnhom spiċċaw; oħrajn ġew irrestawrati u għadna narawhom f’kundizzjoni tajba ħafna. Oħrajn jinsabu mitluqin u kważi waslu biex jiġġarfu. Wieħed minnhom li għandu storja makabra marbuta miegħu hu dak li jinsab fil-limiti ta’ Birkirkara quddiem l-entratura tal-Isptar Mater Dei, magħruf aħjar “Is-Salib ta’ rajt ma rajtx, smajt ma smajtx”. Ma' dan hemm marbuta storja li tgħallimna biex nogħqodu attenti ma' min ngħidu dak li nkunu rajna għax jaf ikollu konsegwenzi traġiċi, kif fil-fatt kellu fl-istorja li hemm marbuta ma' dan is-salib.

Dawn is-slaleb kienu magħrufin ukoll bħala "tad-Dejma", minħabba li kienu jintużaw bħala post fejn jiltaqgħu il-Maltin meta jkunu mgħajta ħalli jiddefendu Malta, jekk kien isir xi nżul mill-furbani jew pirati. Il-Maltin, maqsumin f'distretti, kellhom post fejn jiltaqgħu ħalli minn hemm kienu jingħataw l-ordnijiet preċiżi fejn kellhom imorru biex jilqgħu lill-għadu. Minħabba f'hekk li uħud minn dawn is-slaleb għadhom magħrufa bħala Is-Salib tad-Dejma.
 

Salib Rajt ma Rajtx - Hdejn l-Isptar Mater Dei -  Ritratt: Roderick Busuttil

 

Santwarju

Fil-gżejjer tagħna nsibu għadd ġmielu ta' Santwarji, li huma postijiet ta' devozzjoni kbira u li jiġbdu fihom għadd kbir ta' devoti li jżuruhom. Bil-kelma “Santwarju” nifhmu knisja jew post qaddis fejn għal mottiv ta' devozzjoni l-insara jmorru f'pellegrinaġġi numerużi u ta' spiss bl-approvazzjoni tal-Isqof ta' dik id-djoċesi fejn jinsab. Skont il-Kanonku Nicholas Vella Apap li kiteb fuq is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara, huma s-Santa Sede jew il-konferenza episkopali lokali tal-Isqfijiet li huma l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu l-kodiċi li jwaqqaf Santwarju u li jipprovdi r-rikonoxximent għall-kwalifika ta' Santwarju "internazzjonali" jew "nazzjonali" rispettivament.

Il-kelma santwarju timplika li din il-knisja hi aktar għażiża minn knejjes oħra, u li fiha seħħew affarjiet tal-għaġeb bħal qliegħ ta' grazzji speċjali. Fis-Santwarji normalment insibu xbiehat devoti, xi kultant mirakolużi, tal-Madonna li f'diversi okkazzjonijiet jiġu nkurunati. F'uħud mis-Santwarji tagħna nsibu għadd ġmielu ta' kwadri tal-wegħda jew "ex voto" li jkomplu jixhdu d-devozzjoni li jkun hemm għal dawn it-tempji. Xi ftit eżempji ta' kappelli u knejjes żgħar li ġew mogħtija titli ta' Santwarji f'pajjizna huma dawk tal-Madonna tal-Ħlas f'Ħal Qormi, tal-Madonna tal-Ħniena l-Qrendi, tal-Madonna tal-Mellieħa u tal-Madonna tal-Ħerba f'Birkirkara. F’Għawdex jispikka s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, fl-Għarb, fost oħrajn.

Is-Santwarju tal-Madonna tal-Herba, f'Birkirkara - Ritratt: Noel Ciantar

 

Is-Sibi

Is-Sibi kien piraterija tal-baħar liċenzjat mill-awtoritajiet ċivili tal-pajjiż, u għalhekk legali, fosthom il-Viċi Re Ammirall ta’ Sqallija u aktar tard, l-Ordni ta’ San Ġwann. Għalhekk kien ukoll meqjus bħala sengħa li ġġib il-qliegħ għax is-sibbien kienu jħallsu t-taxxa fuq dak li jaqbdu. Barra minn hekk, kienu wkoll iservu ta’ deterrent għall-għadu biex ma jbaħħarx lejn xtutna. Il-Maltin, imdawwrin bil-baħar, għarfu jisfruttaw din is-sengħa matul is-sekli u sa mill-għaxar seklu wara Kristu, is-sibbien Maltin kienu meqjusin fost l-aqwa fis-sengħa tagħhom. Ix-xogħol tas-sibi kien iħaddem miegħu mhux biss il-baħħara iżda wkoll il-bennejja tal-opri tal-baħar, ta’ dawk li jagħmlu l-qlugħ u l-ħbula, ta’ dawk li jagħmlu l-armi, ta’ dawk li jipprovdu l-ikel u x-xorb lill-bastimenti - insomma, ħafna snajja oħrajn li jmantnu din l-attivita. Il-Birgu kien il-port tas-sibbien Maltin. Għadd ta’ leġġendi, bħal dik tal-Għarusa tal-Mosta u ta’ Għar Ħasan huma xhieda ta’ attivita tal-furbani madwar gżiritna, kif huma wkoll devozzjonijiet bħal ħafna kwadri ex-voto u d-devozzjoni lejn San Anard. Dusina, li viżta pastorali tiegħu kien għamel xi għaxar snin wara l-assedju tal-1565, kien ipprofana għadd ta’ knejjes u kappelli mitluqin wara sakkeġġ fi żmien l-Assedju l-Kbir. Kliem ieħor li jintuża flok il-kelma “sibi” huma “pirati” (ħallelin tal-baħar) u kursari (“ġerrejja” tal-baħar, li ġejja mill-kelma “corso” li tfisser “ġirja”).  Il-kelma “furbani” hija kelma li ġeneralment tintuża biex tindika il-pirati għadewwa. 

Il-priża li tinqabad titqassam bejn għadd ta’ nies, fosthom il-Gran Mastru li jkun ħareġ il-liċenzja għall-korsa, min ikun iffinanzja l-bastiment, il-Kaptan u ċ-ċorma, it-Tribunal tal-Armamenti, l-Aggużin (il-kap taċ-ċorma) u saħansitra anke s-sorijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann fil-Kunent ta’ Sant’Ursla kienu jbillu subgħajhom fil-priża talli jkunu talbu sabiex il-corsa tirnexxi u kulħadd jasal lura qawwi u sħiħ.

Sibi fil-Mediterran - Ritratt ta' Johan Blomström, minn flickr - uzat skont it-termini tal-permess

 

L-iStatus Animarum

Fil-qedem ma kinux isiru ċensimenti preċiżi bħal ma' jsiru llum. Il-popolazzjoni fi żmien medjevali tiġi kkalkulata mill-istudjużi b'formula, per eżempju, mill-listi tad-dejma fost l-oħrajn. Iżda kalkoli bħal dawn, minn natura tagħhom, huma biss indikazzjonijiet u mhux figuri preċiżi. Aktar tard, il-Konċilju ta' Trentu (1545-1563 - ara wkoll hawn) daħħal ħafna riformi u waħda mill-effetti kienet li kellhom jiġu rreġistrati formalment iż-żwiġijiet li kienu jsiru. Enfasiżża wkoll it-tħaris tal-preċetti, fosthom il-preċett tat-tqarbin almenu darba f'sena fi żmien il-Għid. Għal dan il-għan kien inħass il-bżonn li f'Malta jinħoloq reġistru tal-fidili kollha, l-hekk imsejjaħ "status animarum" ("il-qagħda tal-erwieħ"), sabiex iżomm kont tal-osservanza ta' dan il-preċett. L-ewwel reġistri ta' din ix-xorta kienu dawk f'Għawdex (tal-Matriċi u ta' San Ġorġ) u dak tal-Porto Salvo fil-Belt li lkoll saru fis-sena 1667.

Status Animarum

 

Superstizzjoni, seher u magħmul

Il-kelma “superstizzjoni” hija mnissla mill-kelma Latina superstitio u tirreferi għal twemmin fi ħwejjeġ sopranaturali li jmur 'il hemm minn twemmin reliġjuż ortodoss.  Ħafna drabi dan ikun ġej minn biża’, qtiegħ il-qalb jew injoranza.  Mal-kelma superstizjoni nistgħu inżidu twemmin simili fil-magħmul, astroloġija, maġija, okkult, l-għajn, amuletti, qari tax-xorti, seħer u ħwejjeġ simili.  Il-kelma superstizzjoni tintuża ġeneralment b'mod dispreġġjattiv u t-twemmin bħal dan jitqies li jmur kontra r-reliġjon li wieħed ikun iħaddan għax iqiegħed it-tama fi ħwejjeġ li mhumiex teoloġikament jew liturġikament korretti.  Din id-definizzjoni tgħodd għal kull reliġjon u saħansitra ċertu filosofiji jqisu kull twemmin fis-sopranatural, inkluż kull reliġjon, bħala superstitzjoni.

Il-Knisja Kattolika dejjem qieset dawn il-ħwejjeġ bħala li jmorru kontra t-tagħlim tagħha li jpoġġi kull tama f'Alla u f'Ġesù Kristu biss.  Fi żmien l-inkwiżizzjoni tassew li kien ikun hemm każi serji ta' ereżija jew ta' ċaħda tal-awtorità tal-Knisja iżda ħafna mill-każi kienu jkunu mundani u propju dwar twemmin simili minn nies komuni li ġieli kienu jiġu influenzati mill-prattiċi tal-iskjavi tagħhom. 

 

 



Fuq il-lemin: Il-kitba maġika li l-iskjav Musulman Haisa ta lil Vittorica, imlaqqma “Ta’ Sinen” mill-Belt, li, permezz tal-qawwa tal-okkult, kellha terġa’ tagħaqqadha mal-maħbub tagħha.
 

Superstition

 

Taraġ fl-Entratura

Karatteristika nteressanti tal-Kappelli f’Malta, l-aktar dawk medjevali, hi li biex tidħol għalihom trid tinżel xi turġien. Per eżempju trid tinżel tlett tarġiet biex tidħol fil-Kappella tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri u sitt tarġiet biex tidħol f’dik ta’ Santa Sofia f’Ħal Far. Dan kien isir biex il-kappella tingħata l-impressjoni li hi ankrata mal-art, effett li hu simboliku biex ixebbaħ lil dawn il-kappelli ma’ dawk li kienu jinbnew fl-għerien, hekk imsejjħa knejjes trogloditiċi.

Tarag fil-bieb tal-knisja - Il-Lunzjata ta' Hal Millieri - Ritratt: Noel Ciantar

 

Twieqi fil-Bibien

F’diversi bibien ta’ kappelli nsibu bħal tieqa żgħira li minnha tkun tista' tara l-knisja minn ġewwa. Normalment din kienet issir għad-devozzjoni, biex meta jiġu xi pellegrini u jsibu l-knisja magħluqa jkunu jistgħu jitolbu waqt li jħarsu minn din it-tieqa u jaraw l-artal tal-knisja. Normalment dawn t-twieqi kienu jkunu mbarrati bil-ħadid minn ġewwa għas-sigurta. Sal-lum għadna naraw twieqi bħal dawn, l-iktar f’dawk il-kappelli li għad għandhom l-bieb oriġinali.
 

Twieqi fil-Bibien - Madonna tal-Blat, Qala, Ghawdex  - Ritratt: Noel Ciantar

 

Twieqi mal-Faċċata

F'diversi kappelli nsibu tieqa waħda jew tnejn mal-faċċata, normalment fuq xi naħa tal-bieb. Meta qed nsemmu dawn it-twieqi, m'aħniex qed nirreferu għall-oculus, li kien isir biex idawwal il-knisja minn ġewwa, għax dawn it-twieqi li qed insemmu insibuhom fil-baxx. L-għan ta' dawn it-twieqi, li normalment ikunu mbarrati bil-ħadid minn ġewwa għas-sigurta, jixbaħ ħafna l-għan tat-twieqi li kultant insibu mal-bieb tal-knisja, li hu li jippermetti lill-pellegrini jaraw il-knisja anki meta din tkun magħluqa. B'hekk, jekk xi pellegrin ikun irid jgħid xi talb, ikun jista' jagħmel hekk bl-iktar mod komdu.

Raġuni oħra li tkompli tikkonferma li dawn it-twieqi kienu jsiru għall-pellegrini, hu li xi kultant taħt it-twieqi nsibu ukoll tarġa li tippermetti lil dak li jkun jitla' fuqha u jlaħħaq sew mat-tieqa, jew saħansitra jinżel għarkubtejh u xorta jibqa' jara l-knisja minn ġewwa. Ġieli inkella kienu jkunu baxxi biżżejjed li wieħed ikun irid joqgħod inkin jew għarkobtejħ biex wieħed ikun jista’ jittawwal minnhom.  B’hekk wieħed kien ikollu jrid jew ma jridx jagħmel att ta’ qima u umiltà meta jittawwal minnhom biex jitlob.  Xi kultant fil-ħoġor tat-tieqa kien ikun hemm post fejn jitqiegħdu xi xemgħat jew xi tazzi biż-żejt biex l-pellegrini jħallu l-għotjiet tagħhom. Apparti minn hekk f'hafna minn dawn il-kappelli, fuq l-artal kienu jitħallew xi xemgħat mixgħula biex il-knisja jkollha xi forma ta' dawl u għalhekk l-pellegrini jkunu jistgħu jaraw anki jekk imorru meta tkun niżlet ix-xemx. B'dan wieħed jikkonferma d-devozzjoni kbira li kellhom in-nies lejn il-kappelli u li kienu jinvistawhom kemm filgħodu kif ukoll meta jkun dalam u l-knisja tkun magħluqa.

Tieqa fil-Hajt - Knisja ta' Sant'Anna, fil-Qrendi - Ritratt: Noel Ciantar

 

 

Żerda jew “ientaculum”                           A_Gdid

 

Iż-żerda kienet ikla, jew ikel li kien jitqassam, lil dawk li kienu jattendu għall-festa tal-qaddis li għalih kienet  tkun iddedikata l-knisja.  Fil-gżejjer Maltin, iż-żerda hija drawwa antika ħafna ġeneralment assoċċjata mal-knejjes tal-kampanja u kien ikun hemm l-obbligu li ssir iż-żerda, imniżżel  ma’ piżijiet u obbligi oħrajn, fil-kuntratt li bih kienet tiġi iffondata l-knisja jew xi benefiċju partikolari.  Il-flus għal dawn il-piżijiet kien jiġi minn xi propjetà jew xi għalqa li kienet tiġi mħollija u marbuta mal-knisja  purament għal dan il-għan.  Il-piż ta’ kull obbligu, inkluż dak taż-żerda, kien jintiret mill-werrieta ta’ min ikun għamlu.

Iż-żerda kienet tradizzjoni Għarbija tat-Tramuntana tal-Afrika.    Fil-ktieb “Tunisie: ‘Les Guides Bleus’ (Parigi, 1971)”, insibu li sa ftit ilu d-drawwa ta’ dawn iż-żjarat għas-santwarji tal-qaddisin [Misilmin] kienet issir fuq skala kbira, anki minn pajjiżi fil-qrib. Kienu jiġu ġgajtiet ferħana, joqtlu l-bhejjem f’gieħ il-qaddis u jieklu xi ftit minn laħamhom flimkien. Kienet qisha ikla komunali.   M.D. Beaussier jgħid  li ż-żerda kienet issir fuq qabar ta’ xi marabout (qaddis Musulman) biex isir patt ta’ paċi solenni bejn żewġ tribù wara xi tilwin qalil.  Fit-Tuneżija Habib Bourguiba qata’ ż-żerda fil-bidu tal-ħakma tiegħu. Id-dħul mill-fundazzjonijiet taż-żerda mar għal skopijiet oħra.  F’Malta, iż-żerda qatgħatha l-Knisja nnifisha, minħabba f’dawk li ssejħu abbużi, lejn il-bidu tas-seklu sbatax, jekk mhux ukoll ftit qabel.   Wettinger, fil-ktieb “Kliem Malti Qadim”, jagħti xi eżempji ta’ fejn tissemma’ l-kelma żerda u jżid jgħid li kultant, għalkemm il-kelma nnifisha ma tidhirx fil-kuntratt notarili, issir referenza għal prattika b’mod ieħor.

Id-dokument li qed inġibu ma’ din il-kitba huwa meħud mid-dokumenti tan-nutar Paolo Bonello (Not. Paolo Bonello, Ms 588/1, 1467, f. 11v.- l-Atti tan-nutar Paolo Bonellu huma l-aktar dokumenti antiki li għadhom jeżistu fl-arkivju notarili ta’ Malta) u hu mislut mit-testment ta’ Ricca, l-armla ta’ Michael sive Cathaldus Muchumud li sar fid-9 ta’ Settemberu tal-1467. Dan ir-ritratt qed jintuża bil-permess tal-Arckivji Notarili – ħajr lil  Dr.  Christina Meli, il-PRO tal-Archivji Notarili għal dan il-permess kif ukoll lis-sur Victor Bonnici li tana traduzzjoni bl-Ingliż ta’ dan id-dokument.

Il-kuntratt hu bil-Latin u bil-Malti jgħid hekk:  “Ricca tħalli bħala werrieta universali tagħha lin-neputijiet tagħha, l-aħwa Federiku u Bartilmew Chabela, b’kundizzjoni li mid-dħul ta’ għalqa magħrufa bħala Landar ta il Geuenie, huma jagħmlu żerda fil-knisja ta’ Santa Marija fil-villaġġ ta’ Ħal Għaxaq u li jagħmlu quddiesa nhar il-festa marbuta ma’ din il-knisja bil-kundizzjoni wkoll li jekk xi wieħed miż-żewġ aħwa msemmija, Federiku jew Bartilmew, imutu mingħajr tfal subien (“filio”) jew ulied leġittimi, il-wirt jaqa’ fuq ħuħ l-ieħor.  L-eredi ukoll ma jistgħux ibigħu jew ineħħu l-propjetà minn taħt idejhom iżda liema propjetà għandha tibqa’ tintiret minn eredi għall-ieħor.”  (Not. Paolo Bonello, Ms 588/1, 1467, f. 11v.  Ara S. Fiorini (ed.) Documentary Sources of Maltese History, Part 1/3, #18)

Nota:  Il-kelma “ientaculum” kienet kultant tintuża flok il-kelma żerda u hija l-kelma Latina għall-ewwel ikla ta’ filgħodu tar-Rumani, dak li llum bl-Ingliż insejħulu l-“breakfast”.

 

ZERDA - Notary Paolo Bonello, MS 5881, 1467, f. 11v


In reliquibus vero bonis suis tam mobilibus quam stabilibus sibi instituit suos heredes universales Fridericum et <fr.> Bartholomeum Chabela fratres, suos nepotes, cum condicione tamen quod dicti heredes de fructibus unius galce vocate Landar ta il Geuenie debeant facere zerdam in ecclesia Sancte Marie Casalis Axac et celebrare facere missam die festi ecclesie predicte cum condicione etiam quod si alter dictorum Bartholomei et Friderici morietur sine filio seu filiis legitimis descendentibus ex suo corpore quod alter superstes ei succedat et succedere debeat et e converso et quod dicti heredes non possint nec valeant bona ipsa vendere neque alienare nisi quod bona ipsa sint de herede in heredem.



 

 

Żjajjar Pastorali

 

Fl-imgħoddi l-knejjes u l-kappelli kien ikollhom viżti regolari minn Isqfijiet biex jaraw li qegħdin jinżammu f’kundizzjonijiet tajbin. L-iktar żjara msemmija kienet dik li saret minn Monsinjur Pietro Dusina li ntbagħat mill-Vatikan wara xi tilwim li kien qam bejn l-Isqof ta’ Malta u l-Gran Mastru. Fiż-żjara tiegħu Dusina fl-1575, żar il-knejjes u l-kappelli kollha li kien hawn Malta, li kienu jlaħħqu iktar minn 400. Fl-atti tiegħu nsibu rapporti dettaljati minn xiex kienu jikkonsistu u x’kien fihom l-knejjes, u fejn ħass ta rakkomandazzjonijiet biex isir tibdil u tranġar. Din iż-żjara tibqa’ mportanti ħafna storikament, għax l-atti tagħha jagħtu stampa ċara tal-istat tal-Knisja Maltija fis-sittax il-seklu.

Għal aktar dettalji u listi ara hawn

 

VizitaDuzina

 

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com