KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Malleus Maleficarum - Il-lista ta' kotba projbiti

  Inkwiżituri li servew f’Malta

Għal xi wħud, il-kelma “Inkwiżizzjoni” llum il-ġurnata saret tfisser “intolleranza reliġjuża” filwaqt li għal oħrajn tevoka xeni ta’ torturi ta’ nies imsejknin li jkunu waqgħu taħt il-madmad tal-Inkwiżitur. Iżda l-fatti juru li l-Inkwiżizzjoni ma kenitx xi ħaġa omoġenja u l-istess kemm mal-medda tas-snin kif ukoll fl-applikazzjoni tagħha f’pajjiżi differenti. Fuq kollox, meta wieħed janalizza l-istorja irid janalizza l-fatti (li dejjem jibqgħu fatti) fid-dawl u l-kejl ta’ meta seħħew u mhux janalizzahom bil-kejl tal-lum. Illum nafu li għalkemm rigoruża, l-Inkwiżizzjoni ma kinitx il-mostru li l-immaġinazzjoni tan-nies tpinġiha.

L-Ikwiżizzjoni kienet istituzzjoni tal-Knisja Kattolika Rumana li kienet twaqqfet biex tikkumbatti u xxejjen l-ereżija. Iżda l-kelma tintuża wkoll anke b’referenza għal tribunali ekklezjastiċi li kienu attwalment iwettqu dan ix-xogħol kif ukoll għall-proċess ġudizzjarju li kien jgħaddi minnu persuna akkużata bl-ereżija.

Erba’ mewġiet ta’ Inkwiżizzjoni

L-istudjużi jagħrfu erba’ mewġiet ta’ Inkwiżizzjoni. L-Inkwiżizzjoni Medjevali seħħet bejn l-1184 u l-1230 (circa), dik Spanjola seħħet bejn l-1478 u l-1834, dik Portugiża li seħħet bejn l-1536 u l-1821 u dik Rumana li seħħet bejn l-1542 u l-1860. Ta’ min jgħid li f’Malta kien hawn biss l-Inkwiżizzjoni Rumana u din intemmet ħesrem fl-1798 mal-miġja tal-Franċiżi f’Malta. L-istituzzjoni tal-Inkwiżizzjoni fil-Knisja Kattolika llum ħadet postha l-Kongregazzjoni tad-Dutrina tal-Fidi, li għandha l-istess għan li tħares il-Fidi, għalkemm, naturalment, il-metodi biex jintlaħaq dan l-għan illum huma kompletament differenti.

L-Inkwiżizzjoni Rumana twaqqfet fl-1542 mill-Papa Pawlu III, ftit snin qabel il-Konċilju ta’ Trentu. Huwa waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sant’Uffizju tal-Inkwiżizzjoni bi skop li tiddefendi l-integrita tat-tagħlim tal-Fidi skont it-tagħlim tal-knisja filwaqt li tikkumbatti d-dutrina falza, l-aktar bit-tixrid tal-Protestanteżimu. L-Inkwiżizzjoni Rumana f’Malta daħlet fl-1561 u kienet ikkonsidrata li kienet anqas ħarxa mill-Inkwiżizzjoni Spanjola. Qabel il-miġja tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta kien hawn tribunal tal-Inkwiżizzjoni Medjevali taħt l-awtorità tal-Isqof ta’ Palermo.

L-Inkwiżizzjoni f’Malta

Fit-tribunali tal-Inkwiżizzjoni f’Malta, it-tortura (“rigoroso esame”) qatt ma kienet tingħata bħala kastig iżda biss biex “tħeġġeġ” lill-akkużat biex jgħid il-verità u kienet l-eċċezzjoni u mhux ir-regola – dan għall-kuntrarju tat-tribunali ċivili tal-istess żmien. Mhux hekk biss. L-Inkwiżitur kien ikun irid jikseb il-permess minn Ruma biex japplika t-tortura u nies b’mard kroniku li jkunu meqjusin li ma jifilhux għat-tortura ma kinux jgħaddu minn dan il-proċess. Tortura fuq nisa u tfal ukoll kienet tiġi evitata. Kien hemm ukoll proċess meqjus ta’ kif għanda tiġi applikata t-tortura u dan il-proċess kien jiġi osservat rigorosament. Ħafna drabi, il-biża’ li l-akkużat ikun ser jinagħta tortrura kien ikun biżżejjed biex dan jikkopera ma’ min ikun qed jinvestigah. F’Malta qatt ma nħarqu nies ħajjin pubblikament kif ġieli sar f’pajjiżi oħrajn. Dak li wħud jirreferu għalih bħala “l-bir tas-skieken” fil-Palazz tal-Inkwiżitur tal-Birgu mhu xejn għajr bir f’forma ta’ qanpiena u li bħalu hemm madwar 12 taħt dan il-palazz. Iżda l-immaġinazzjoni tal-pubbliku dawrithu f’bir ta’ tortura – u forsi kien ikun ukoll vantaġġ tattiku tal-Inkwiżizzjoni li dawn l-għajdut ma jixxejjnux bħala gidba.

L-Inkwiżitur f’Malta kien ifittex li jikkumbatti l-ereżija, l-aktar dik Protestanta, li ħafna drabi kienet tkun imxerrda b’kotba projbiti (Index Librorum Prohibitorum). Iżda kienu jitrattaw ukoll każi ta’ maġija u superstizzjonijiet, dagħa, bigamija (li tkun miżżewweġ darbi oħrajn meta l-ewwel mara tkun għada ħajja) u l-apostasija, jiġifieri li taqleb għal reliġjon oħra. Il-miġja tal-Kavallieri f’Malta għamlet lill-pajjiż aktar kożmopolitan u għalhekk bdew jinxterdu aktar l-idejat diversi fosthom dawk Protestanti. Iżda s-superstizzjonijiet u l-maġija, hekk kif mifruxin mill-iskjavi, l-aktar dawk Misilmin, kompliet toktor u tinferex fost il-poplu Malti ukoll.

L-Inkwiżituri

L-ewwel żewġ Inkwiżituri, Domenico Cubelles u Martino Royas da Porta Tubeo kienu wkoll l-Isfijiet ta’ Malta. Dawn kienu jagħmluha wkoll ta’ Inkwiżitur f’materji ta’ stħarriġ tal-ereżija. Wara tilwima li nqalgħet bejn il-Gran Mastru La Cassiere, il-Papa bagħat lil-Mons. Pietru Dusina bħala medjatur. Dusina kien ukoll Viżitatur Appostoliku u żar il-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex u ħalliena dokument importanti dwar l-istat tal-Knisja Maltija fl-1675. Iżda Mons. Dusina kien ukoll maħtur bħala Inkwiżitur. Minn Mons. Dusina sa ma’ spiċċat l-Inkwiżizzjoni f’Malta, l-Inkwiżitur u l-l-Isqof ta’ Malta bdew ikunu dejjem żewġ persuni differenti.

L-Inkwiżitur kien ukoll il-Legat (ambaxxatur) tal-Papa u ġeneralment kellu poter akbar kemm mill-Isqof ta’ Malta u saħansitra wkoll mill-Gran Mastru n-nifsu. Prelati ambizzjużi kienu jużaw iż-żmien tagħhom bħala Inkwiżituri f’Malta biex jiksbu l-esperjenza meħtieġa biex jimxu ‘l quddiem fil-karriera ekkleżjastika tagħhom. 28 Prelat li servew ta’ Inkwiżitur f’Malta fi żmien il-Kavallieri imbagħad saru Kardinali meta spiċċaw it–terminu tagħhom hawnhekk u tnejn minnhom, Fabio Chigi u Antonio Pignatelli, saru wkoll papiet bl-isem Alessandru VII u Innocent XII rispettivament.
 

Fabio Chigi - Alexander_VII

Antonio Pignatelli - Pope_Innocent_XII

Il-Papa Alessandru VII

Il-Papa Innocent XII


L-Inkwiżituri kienu joqgħodu fil-Birgu, fil-palazz li qabel kien iservi ta’ Castellania (Il-Qorti tal-Kavallieri). Meta l-Kavallieri bnew u marru jogħqodu fil-Belt Valletta, dan il-palazz safa battal u inagħta lill-Inkwiżitur bħala r-residenza tiegħu kif ukoll bħala lok fejn isiru l-proċessi tal-Inkwiżizzjoni. Saru ħafna tibdiliet f’dan il-palazz matul il-ħatriet ta’ Inkwiżituri differenti. Aktar tard, fis-seklu sbatax, inbena l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Girgenti bħala r-residenza tas-Sajf tal-Inkwiżitur.
 

Il-Palazz tal-Girgenti

“Iżda l-fatti juru li l-Inkwiżizzjoni ma kenitx xi ħaġa omoġenja u l-istess kemm mal-medda tas-snin kif ukoll fl-applikazzjoni tagħha f’pajjiżi differenti.

San Duminku jahraq il-kotba tal-Katari
L-arma tal-Inwizizzjoni

Alessandro VII

Innocenzo XII

“L-Inkwiżitur kien ikun irid jikseb il-permess minn Ruma biex japplika t-tortura u nies b’mard kroniku li jkunu meqjusin li ma jifilhux għat-tortura ma kinux jgħaddu minn dan il-proċess. Tortura fuq nisa u tfal ukoll kienet tiġi evitata. Kien hemm ukoll proċess meqjus ta’ kif għanda tiġi applikata t-tortura u dan il-proċess kien jiġi osservat rigorosament.”

Inkwiżituri li servew f’Malta - Lista miġbura minn għadd ta’ sorsi

Domenico Cubelles, Isqof ta’ Malta bejn l-1541 u l-1566

1562 – 1566

Martino Royas de Portalrubeo, Isqof ta’ Malta bejn l-1566 u l-1577

1572 – 1574

Pietro Dusina, il-Viżitatur Appostoliku

1574 – 1575

Pietro Sant'Umano

1575 – 1577

Rinaldo Corso

1577 – 1579

Domenico Petrucci

1579 – 1580

Federico Cefalotto

1580 – 1583

Pietro Francesco Costa

1583 – 1585

Ascanio Libertano

1585 – 1587

Gio Batta Petralata

1587

Paolo Bellardito

1587 – 1591

Angelo Gemmario

1591

Paolo Bellardito

1592 - 1592

Giovanni Ludovico dell’Armi

1592 - 1595

Innocenzio del Bufalo de’ Cancellieri (wara sar Kardinal)

1595 - 1598

Antonio Ortensio

1598 - 1600

Fabrizio Verallo (wara sar Kardinal)

1600 – 1605

Ettore Diotallevi

1605 – 1607

Leonetto della Corbara

1607 - 1608

Evangelista Carbonese

1608 – 1614

Fabio della Lagonessa

1614 - 1619

Antonio Tonielli

1619 - 1621

Paolo Torello (wara sar Kardinal)

1621 - 1623

Carlo Bovio

1623 - 1624

Onorato Visconti

1624 - 1627

Niccolo Errera

1627 - 1630

Ludovico Serristori

1630 - 1631

Martino Alfieri

1631 -1634

Fabio Chigi (wara sar Kardinal u mbagħad sar Papa bl-isem Alexander VII bejn is-snin 1655 u l-1667)

1634 - 1639

Gio Batta Gori Pannellini

1639 - 1646

Antonio Pignatelli (wara sar Kardinal u mbagħad sar Papa bl-isem Innocent XII bejn is-snin 1691 u l-1700)

1646 - 1649

Carlo Cavalletti

1649 - 1652

Federico Borromeo (wara sar Kardinal)

1653 - 1654

Giulio degli Oddi

1655 – 1658

Gerolamo Casanate (wara sar Kardinal)

1658 - 1663

Galiazzo Marescotti (wara sar Kardinal)

1663 - 1666

Angelo Maria Ranuzzi (wara sar Kardinal)

1667 - 1668

Carlo Bichi (wara sar Kardinal)

1668 - 1670

Giovanni Tempi

1670 - 1672

Ranuccio Pallavicini (wara sar Kardinal)

1672 – 1676

Ercole Visconti

1677 – 1678

Giacomo Cantelmo (wara sar Kardinal)

1678 – 1683

Innico Caracciolo (wara sar Kardinal)

1683 - 1686

Tomaso Vidoni

1686 - 1690

Francesco Aquaviva d’Aragona (wara sar Kardinal)

1691 - 1694

Tomaso Ruffo (wara sar Kardinal)

1694 - 1698

Giacinto Filiberto Ferrero di Messerano

1698 - 1703

Giorgio Spinola (wara sar Kardinal)

1703 - 1706

Giacomo Caracciolo

1706 - 1710

Rainero d’Elci (wara sar Kardinal)

1711 – 1715

Lazzaro Pallavicino

1718 – 1719

Antonio Ruffo (wara sar Kardinal)

1720 - 1728

Fabrizio Serbelloni (wara sar Kardinal)

1728 – 1730

Giovanni Francesco Stoppani (wara sar Kardinal)

1731 - 1735

Carlo Francesco Durini (wara sar Kardinal)

1735 – 1739

Lodovico Gualtiero Gualtieri (wara sar Kardinal)

1739 – 1743

Paolo Passionei

1743 - 1754

Gregorio Salviati (wara sar Kardinal)

1754 – 1759

Angelo Maria Durini (wara sar Kardinal)

1760 - 1766

Giovanni Ottavio Manciforte Sperelli (wara sar Kardinal)

1767 - 1771

Antonio Lante (wara sar Kardinal)

1771 – 1777

Antonio Felice Zondadari (wara sar Kardinal)

1777 – 1785

Gio. Filippo Gallarati Scotti (wara sar Kardinal)

1785 - 1793

Giulio Carpegna (wara sar Kardinal)

1793 - 1798

Carpegna mar Ruma f’Mejju tal-1798. Ħalla warajħ lir-Reverendu Giovanni Battista Gatt bħala Pro Inkwiżitur li, xahrejn wara f’Ġunju tal-istess sena, kellu hu wkoll iħalli Malta fuq ordni ta’ Napuljun Bonaparte li kien ħa lil Malta taħt idejħ.


Kitba: Noel Ciantar
Illustrazzjonijiet: mill-Internet

Joseph-Nicolas Robert-Fleury: Galileo quddiem l-Inkwizizzjoni Rumana
Il-bitha tal-Palazz tal-Inkwizitur fil-Birgu
Bernard Picart: Sala tal-Inkwizizzjoni Rumana, 1722
Tortura
Monument -  Papa Innocent XII

“Prelati ambizzjużi kienu jużaw iż-żmien tagħhom bħala Inkwiżituri f’Malta biex jiksbu l-esperjenza meħtieġa biex jimxu ‘l quddiem fil-karriera ekkleżjastika tagħhom. 28 Prelat li servew ta’ Inkwiżitur f’Malta fi żmien il-Kavallieri imbagħad saru Kardinali meta spiċċaw it–terminu tagħhom hawnhekk u tnejn minnhom, Fabio Chigi u Antonio Pignatelli, saru wkoll papiet bl-isem Alessandru VII u Innocent XII rispettivament.”

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com