Qabel il-Konċilju ta’ Trentu (1545 sa 1563), l-Isqfijiet li kellhom Malta taħt idejhom qajla kienu jersqu ‘l hawn minħabba diversi raġunijiet. Kienu jgħixu fi Sqallija, li kien post b’anqas periklu minn Malta peress li Malta ta’ spiss kienet tiġi attakkata mill-furbani. Barra minn dan Malta kienet biss wieħed minn għadd ta’ benefiċċji li seta’ jkollhom dawn l-Isqfijiet u għalhekk ma kellhomx inċentiv li joqgħodu hawn b’mod permanenti. Kien hemm min ġieli żar Malta imma din kienet xi ħaġa mhux regolari. Il-Konċilju ta’ Trentu u l-miġja tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta ftit snin qabel biddlu dan kollu.
Il-Konċilju ta’ Trentu
Dan il-Konċilju kien id-19-il Konċilju Ekumeniku tal-Knisja Kattolika. Kien beda bħala r-risposta tal-Knisja Kattolika għall-Protestanteżmu, l-aktar dak Ġermaniż ta’ Luteru. Dam ftit biex inagħta l-ħajja minħabba intriċċi politiċi tal-mexxejja Ewropej kif ukoll minħabba l-letarġija għat-tibdil li kienet tirrenja fil-Knisja tas-seklu sittax.
Il-Konċilju sar fi Trentu fl-Italja u sar fi tlett sessjonijiet taħt tlett Papiet differenti, jiġifieri bejn l-1545 u l-1547 taħt Papa Pawlu III, bejn l-1551 u l-1552 taħt Papa Ġulju III u bejn l-1562 u l-1563 taħt il-Papa Piju IV. Il-Papa Piju IV għalaq u kkonferma d-digrieti kollha tal-Konċilju fl-1564. L-attendenza għall-Konċilju ħafna drabi kienet kemxejn fqira u ġeneralment iddominata mid-delegati klerikali Taljani u Spanjoli. Id-digrieti tal-Konċilju ma ġewx infurzati f’kull pajjiż mill-ewwel jew indaqs u fi Franza, il-mexxejja politiċi lanqas biss irrikonoxxewhom.
L-impatt tal-Konċilju ta’ Trentu fuq il-Knisja Kattolika
Fejn tidħol materja ta’ Duttrina, il-Konċilju reġa’ afferma l-eżistenza tas-seba’ Sagramenti, id-Duttrina tat-Transubstanzazzjoni, il-Pugatorju, il-ħtieġa tas-Saċerdozzju u d-Dutrina tal-Ġustifikazzjoni mhux biss bil-Fidi imma wkoll bl-egħmejjel. It-Tradizzjoni inagħtat importanza daqs l-Iskrittura bħala sors ta’ tagħlim, bil-Knisja żżomm il-prerogattiva ta’ kif għandha tiġi nterpretata l-Bibbja. Il-Konċilju ipprojbixxa wkoll it-tqarbin biż-żewġ speċi għall-lajċi għajr jekk ma jkunx hemm permess mill-Papa n-nifsu.
Inżammu wkoll l-użanzi taċ-ċelibat u tal-monastiċiżmu u nħargu digriet dwar l-Indulġenzi, ir-Relikwi u dwar il-qima lejn il-Madonna u l-Qaddisisn. Il-valur tal-pellegrinaġġi u atti ta’ penitenza reġa’ ġie affermat.
Iżda fl-istess waqt il-Konċilju għamel ukoll riforma f’dawk il-prattiċi li l-abbuż tagħhom kien ta bidu għall-Protestanteżimu. Fost id-digrieti li nħarġu u li affetwaw l-aġir tal-Isfijiet ta’ Malta kien hemm ewleni d-digriet li ordna lill-Isqfijiet biex jgħixu fid-Djoċesi tagħhom u l-kontroll fuq l-ammont ta’ benefiċċji li seta’ jkollhom. Barra minn dan kien hemm attentat ta’ riforma ta’ ċertu ordnijiet monastiċi kif ukoll moviment sabiex il-kleru jkun ta’ stoffa u ppreparat aħjar bit-tagħlim billi kellhom jinfetħu Seminarji f’kull Djoċesi. L-Isqfijiet u l-Kleru ħtieġilhom ukoll li jippridkaw b’mod regolari.
Il-Konċilju ħalla f’idejn il-Papa r-reviżjoni tal-Missal tal-Quddiesa, ir-reviżjoni tal-Brevjar, il-kompilazzjoni tal-katakiżmu kif ukoll ir-reviżjoni tal-lista tal-kotba projbiti. Inagħtaw ukoll struzzjonijiet fuq il-mużika u l-arti sagra. Fuq kollox, il-Konċilju għaraf lill-Papa bħala l-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art.
Dan il-Konċilju ta’ Trentu ta arja ta’ qawmien ġdid fil-Knisja Kattolika u kien hemm tiġdid fost il-kleru u l-lajċi li wassal għal riżultati sustanzjali fis-seklu sbatax.
|