Il-medjuevu kien perjodu ta’ attività qawwija u taqlib kontinwu fil-gżejjer Maltin, l-aktar fil-medjuevu tardiv wara l-miġja tal-Konti Ruġġieru II f’Malta. Jekk trid tara aktar x’kienu u l-implikazzjonijiet tat-taqlib li sar fil-gżejjer Maltin fil-perjodu ta’ meta ġew in-Normanni u wara , ara x’konna ktibna dwar dan is-suġġett meta konna ddiskutejna l-isfond storiku tal-kappella tal-Vitorja fil-forti Sant’Anġlu fil-Birgu.
Riċerka
Iżda sfortunatament dan il-perjodu juri nuqqas qawwi ta’ dokumentazzjoni miktuba u għalhekk, l-istorja trid tissawwar fuq ħjiel li jinġabar minn skavi arkejoloġiċi. Madankollu fdalijiet arkejoloġiċi fil-kampanja minn dan il-perjodu huma ftit rari bejn għax il-binjiet kienu jkunu kkonċentrati fl-ibliet (fil-Birgu, madwar il-Casrum Maris, u fl-Imdina) kif ukoll għax missirijietna ma kinux jiddejqu jirreċiklaw ġebel minn binjiet li ma jkunux baqgħu jintużaw – il-ħela kienet għlihom dnub mejjet u r-reċiklaġġ kien jiġi qabel il-preservazzjoni storika.
Għalhekk meta tinstab xi binja minn dan il-perjodu, din tkun xi ħaġa rari u tqajjem interess fost l-istudjużi. Hekk seta’ ġara meta fl-1994 il-Professur tal-Istorja tas-Sorbonne f’Pariġi, Alain Blondy, indika lill-Professur Mario Buhagiar mill-Universita ta’ Malta li seta’ kien hemm kappella medjevali li konna għadna ma’ nafux biha fir-raħal rurali medjevali tas-Simblija. Fl-1995 taħt il-gwida tal-Professur Buhagiar, erba’ studenti tqabbdu jagħmlu studju tal-inħawi billi jagħmlu survey li kellu jinkludi disinnji tal-preżunta knisja, il-faċilitajiet tal-madwar kif ukoll biex jindikaw dawk il-karatteristiċi tal-lokal, kemm naturali kif ukoll dawk magħmulin mill-bniedem li kellhom ċerta mportanza arkejoloġika, artistika jew ekoloġika. Fl-1998 is-sit inagħżel mill-Ministeru tar-Riżorsi bħala l-proġett Malti għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett “Aramis” tal-Unjoni Ewropeja.
L-ewwel nukleju tar-raħal Malti: Ir-rażżett
L-ewwel nukleju tar-raħal Malti kienu l-irziezet li bdew ifaqqsu fil-kampanja Maltija ‘il hinn miċ-ċentri urbani bejn it-tnax u s-sittax il-seklu. Fil-medjuevu bikri, bejn is-sitt u l-ħdax il-seklu, ma jidhirx li kien hawn xi attività qawwija fil-kampanja. Dan beda jinbidel mal-miġja tan-Normanni għax inagħraf li l-kampanja setgħet issir sors ta’ qliegħ ieħor għall-ħakkiema l-ġodda. Iżda l-Professur Buhagiar jatribwixxi din il-firxa bikrija wkoll għal raġunijiet soċjo-reliġjużi peress li l-ħakkiema Normanni mhux dejjem raw għajn m’għajn ma’ dik li kienet essenzjalment popolazzjoni Musulmana tal-lokal. Każi ta’ moħqrija, persekuzzjoni, fastidji u diskriminazzji saru wkoll. Għalhekk mhux ħaġa kbira li seta’ kien hemm dan l-inċentiv ukoll biex xi wħud joħorġu mill-ibliet u jibdew jabitaw fil-kampanja.
Il-kelma razzett ġejja mill-Isqalli “rizetu”, li minn naħa tagħha ġejja mill-Latin “receptus”, jiġifieri “ilqugħ” jew “refuġju”. Mill-banda l-oħra, il-partijiet prinċipali tar-razzett, bħalma ngħidu aħna “l-għorfa”, għandha nisel semitiku. Dan jirrifletti l-fatt li f’dan iż-żmien kienet qiegħda sseħħ il-bidla tal-kultura minn dik Għarbija għal dik Sikulo-Normanna Latina. Ir-razzett għalhekk jista’ jitqies li kien mera tad-dar tipikament Maltija tal-ibliet medjevali li ġiet addattata għall-ambjent rurali li sabet ruħha fih waqt din il-qalba soċjokulturali u reliġjuża li kienet qed isseħħ.
Il-lokalità tas-Simblija
Dan il-lokal jinsab fil-punent tar-Rabat, ħdejn Wied Ħażrun u wieħed jista’ jaħseb li dan għadu fi stat preservat tiegħu minħabba li qiegħed tassew maqtugħ mill-bqija tal-irħula tal-madwar. Il-valur arkeoloġiku tiegħu qiegħed fil-fatt li dan jippreserva l-apparenza u l-karatteristiċi ġenerali ta’ kif kienu jkunu l-ewwel irħula żgħar fil-medjuevu tardiv. Jissejjaħ “viridarium”, għax kien marbut mal-attività agrikola fl-inħawi. Viridarium kien ikun territorju agrikolu ċkejken iżda li fih kont issib dak kollu li hu meħtieġ għal dawk li jaħdmuħ. Dawn il-komunitajiet kienu jinbnew b’taħlita ta’ għerien, ħitan tas-sejjiegħ u kultant kienu wkoll jinkludu bini b’ħitan miżmum bit-tajn. Il-viridarium tas-Simblija huwa l-uniku wieħed f’Malta ta’ dak iż-żmien li baqa’ jeżisti. Ma nafux meta beda, iżda l-art tal-madwar hija fertili u hemm l-ilma u għaldaqstant jista’ jkun li hu qadim ħafna.
|
Dan ir-raħal għalhekk kien jilqa’ fih il-bdiewa (skjavi u/jew serfi li oriġinarjament kienu magħrufin bl-isem ta “beduini” u li minnha ġejja l-kelma “bdiewa”) li kienu jaħdmu l-egħlieqi tas-sultan (“masserie”) li kienu fil-qrib. Ir-raħal kien magħmul minn taħlita ta’ għerien addattati għall-użu għan-nies u l-bhejjem kif ukoll xi bini mibni bil-ġebel imdawwrin ma’ misraħ ċkejken. Dan ir-raħal kellu knisja, għerien fejn joqgħodu n-nies u l-bhejjem, centimolo (mitħna tal-qamħ imħaddma minn bhima – l-imtieħen tar-riħ daħlu f’Malta mal-miġja tal-Kavallieri aktar tard fil-bidu tas-seklu sittax), kċina b’forn, bini ieħor tas-sejjiegħ jew b’ħitan miżmumin bit-tajn, spażju fejn kienu jidirsu l-qamħ, ġibjuni u galleriji tal-ilma u ħwejjeġ oħrajn li għalkemm sempliċi fin-natura tagħhom kienu jagħmlu l-lokal indipendenti. Il-binjiet prinċipali biss bħalma kienu il-knisja, il-forn u l-mitħna kienu jdawwru l-misraħ li kien ukoll maqtugħ mill-bqija tal-bini l-ieħor b’xatba tal-injam miżmuma f’ħoloq tal-ġebel. Dan l-arranġament jitfa’ dawl fuq kif kienet topera s-soċjeta dak iż-żmien u nistgħu insibu dan l-arranġament ukoll fl-irħula trogloditiċi oħrajn bħal Għar il-Kbir, Għar San Niklaw fil-Mellieħa u Għar San Pietru fin-Naxxar.
Ġrajja mill-istorja: Ġużeppi Callus u Mattew Falzon
Riċerka tal-Professur Fiorini sabet li ċertu Ġużeppi Callus kellu propjetà f'Wied ir-Rum li kien biegħ f'Marzu tal-1561. Iżda hu żamm il-jedd fuq il-kappella li kien hemm fl-inħawi. Callus, iben Hyeronimus, kien kjeriku miżżewweġ li kien ukoll tabib ta' ċerta fama. Hu kellu sehem importanti fil-protesti li n-nobbli Maltin kienu għamlu kontra t-tmexxija ħarxa tal-Gran Mastru de Valette , l-aktar minħabba t-tneħħija tad-drittijiet u l-privileġġi tal-Università, li minnha hu (Callus) kien jagħmel parti. Kienet inkitbet ittra lir-Re Filippu II ta' Spanja iżda din l-ittra qatt ma waslet għand ir-Re iżda spiċċat f'idejn de Valette li kkunsidra din l-ittra bħala tradiment. It-tradizzjoni tgħid li kien Callus li kiteb l-ittra u għal dan il-Gran Mastru de Valette iġġustizzjah. Id-dokument tal-bejgħ tal-propjetà ta' Callus f'Wied ir-Rum tal-1561, li nstab fil-Monasteru ta' San Pietru fl-Imdina, jirreferi għall-Callus bħala li kien (diġà) mejjet.
Ġużeppi Callus iħalltuħ ma’ Mattew Falzon u b’mod żbaljat jirreferu għalih bħala “Mattew Callus”. Mattew Falzon ukoll kellu viridarju fl-inħawi ta' Wied ir-Rum u ftit snin wara l-mewt ta' (Ġużeppi) Callus ittellgħa quddiem l-inkwiżitur minħabba l-ereżija u hu ukoll ġie kkundannat għall-mewt u ġie ġġustizzjat fl-1575. Kemm il-propjetà ta' Callus kif ukoll dik ta' Falzon kienu kkonfiskat u saru jagħmlu parti mill-artijiet tal-Ordni.
Dokument tal-1622, attribwit mill-Professur Wettinger lil Dun Filippu Borgia, isemmi l-ġrajja ta’ dan Callus u jirreferi għalih bħala “una persona di qualità di nome Maltese Matteo Callus Medico Fisico salariato d’essa Citta”. Minn dak inhar bqajna nsejjħu b’mod żbaljat ‘l dan Ġużeppi Callus bl-isem ta’ “Mattew”. Mhux hekk biss. Billi dawn iż-żewġ persuni kienu jgħixu fl-istess żmienijiet u fl-istess inħawi u preżubilment mietu l-istess mewta traġika, ħafna jħalltuhom flimkien u spiss naqraw dwar “Mattew Callus” speċjalment fil-kitba popolari, fosthom il-ktieb rumanz ta’ Ġuże Muscat Azzopardi bl-isem “Mattew Callus”. Iżda llum nagħrfu ‘l dawn it-tnejn bħala żewġ persuni differenti u distinti minn xulxin. Mietu t-tnejn iġġustizzjati iżda għal raġunijiet differenti.
Il-knisja medjevali
Il-knisja f’dan ir-raħal ċkejken medjevali għandha lok prominenti fil-misraħ iżda minn barra m'hemm xejn li jindikaha li hija knisja u li hi xi ħaġa differenti mill-bini ta' madwarha. Is-saqaf xi ftit imxaqleb bil-ponta fin-nofs, li normalment jikkaratterizza l-knejjes kontemporanji, ma jeżistix f'din il-knisja li għandha saqaf ċatt. Iżda minn ġewwa għandha dawk il-karatteristiċi fl-istruttura tagħha li nassoċċjawhom mal-knejjes tal-medjuevu tardiv Malti. Il-knisja hija parzjalment imħaffra fil-ġebel u għandha saqaf tax-xorok li qed jistrieħu fuq tlett arkati li ġejjin ftit għall-ponta. Il-bieb prinċipali mhux fin-nofs tal-faċċata, kif wieħed imdorri jara llum, iżda fil-ġenb. Dan għandu tieqa żgħira fuqu li tagħti ftit dawl lill-intern tal-knisja. Il-ħajt tal-lemin ukoll fiħ tieqa. Il-knisja m'għandiex apside jew xi daħla fejn normalment ikun hemm l-altar. L-altar jistrieħ direttament mal-ħajt li jagħti għal Lvant. Mal-ħajt tax-xellug jidhru strutturi li jista’ jkun li huma dikkiena Din il-binja hi relattivament żgħira u jekk tassew kienet tintuża għall-kult, setgħet kienet tesa’ biss bejn ħmistax u għoxrin persuna.
|
Hemm żewġ kappelli oħra f'Malta li jqarrbu lejn din il-kappella: dik ta' San Mattew tal-Maqluba fil-Qrendi, li wkoll għandha saqaf ċatt u oħra ddedikata 'l San Mikiel il-Sanċir fi Ġnien is-Sultan fil-limiti tar-Rabat li ukoll m'għandiex apside jew xi forma ta' daħla għall-altar. Din ta' l-aħħar ukoll kienet taqdi l-ħtiġijiet ta' lokal agrikolu (ta' Ġnien is-Sultan).
Il-knisja tas-Simblija kienet diġà tinsab desakrata fis-sena 1621, u rapport tat-Teżor ta' dak iż-żmien jiddeskriviha sempliċiment bħala "kamra bi tliet arkati".
Fir-rapport tiegħu tal-1575 il-monsinjur Dusina jsemmi ħames knejjes fl-inħawi ta' Wied ir-Rum u Wied Ħażrun. Waħda minnhom hija ddedikata 'l San Nikola u kella parti minnha mħaffra fil-ġebel. Mill-erbgħa l-oħra, tnejn minnhom huma assoċjati mal-istorja ta' Ġużeppi Callus u Mattew Falzon. Waħda minnhom kienet iddedikata lit-Twelid tal-Madonna u li kienet tinsab fil-viridarium ta' Mattew Falzon fl-inħawi ta' Wied Ħażrun. L-oħra kienet knisja wkoll iddedikata 'l San Nikola u kienet tinsab fil-viridarium (tal-mejjet) Ġużeppi Callus fl-inħawi ta' Wied ir-Rum.
Jista' jkun li l-knisja li nsibu llum fis-Simblija hi dik iddedikata 'l San Nikola iżda għal dan għad m'hemmx provi. Din il-knisja kienet miżmuma tajjeb skond ir-rapport ta’ Dusina tal-1575 u kienet tiġi ċċelebrata l-festa ta' San Nikola bir-reċtar tal-uffiċju tal-qaddis u bit-tqassim ta' ikel lill-fqar kif kienet id-drawwa dak iż-żmien. Fil-visti ta' wara, ma tissemma l-ebda knisja ddedikata 'l San Nikola iżda tissemma minflok knisja ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta' Marija magħrufa bħala "Tal-Callus". Din il-knisja kienet ġiet formalment ipprofanata fl-1636 għax kienet waqgħet f'telqa u ma kenitx għadha tintuża bħala knisja iżda kienet tintuża biss bħala maħżen għall-għalf tal-bhejjem. Jista' jkun għalhekk li f'xi mument fiż-żmien il-knisja nbidillha d-dedika tagħha. Mill-banda l-oħra jista' jkun ukoll li fil-fatt kien hemm żewġt kappelli tassew distinti minn xulxin. Dan hu x-xogħol ir-riċerkatur li bil-mezzi arkeoloġiċi, xjentifiċi u dawk tar-riċerka jkun jista' jiskopri u jitfa’ ħjiel ta' x'kienet tassew il-verita dwar dan il-lokal importanti kif ukoll affaxxinanti.
Dan is-sit storiku ġie skedat mill-MEPA fl-2006.
Kitba ta’ Noel Ciantar, il-webmaster tas-sit www.kappellimaltin.com Ritratti ta’ Tony Bonello, Noel Ciantar (il-webmaster) u mill-Internet
|