KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja tal-Vitorja
~ Fil-forti Sant’Anġlu, Birgu ~

Il-Kastell Sant’Anġlu huwa l-forti prinċipali tal-Birgu, li jħares il-belt il-qadima min-naħa tal-baħar fil-Port il-Kbir. F’dan il-post xi darba kien hemm tempju ta’ Astarte (Ġuno), idolu tal-Feniċi u aktar tard tar-Rumani. Jingħad li fuq il-fdal ta’ dan it-tempju issa naraw knisja ddedikata lil Marija Bambina, jew kif nafuha aħjar aħna l-Maltin, il-Vitorja.

Il-kalendarju liturġiku jikkommemora biss żewġ festi li jfakkru t-twelid ta’ qaddis apparti, naturalment, il-Milied. Dawn huma l-festi li jikkommemoraw it-twelid tal-Madonna u dik tat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista. Hemm evidenza li l-festa tat-Twelid tal-Madonna kienet diġà tiġi ċċelebrata f’Ruma lejn it-tmiem tas-seklu VII.  Fil-Lvant, hemm min jgħid li din il-festa bdiet eżatt wara l-Konċilju ta’ Efesu fil-ħames seklu, iżda ma jidhirx li din il-festa kienet tiġi ċċelebrata f’Kostantinopli qabel is-seklu VIII.


Ritratt - minn-Wkipaedia - Il-Vitorja SantAnglu


Ħadd ma jaf meta din id-devozzjoni lejn it-Twelid ta’ Ommna Marija daħlet f’Malta iżda din id-devozzjoni llum tiġi t-tieni biss wara dik lejn it-Tlugħ is-Sema ta’ Marija (Santa Marija).  L-ewwel dokument miktub li jitfa’ ħjiel fuq din id-devozzjoni hu dokument tal-1274 li jirreferi appuntu għall-knisja mibnija fil-Castrum Maris, kif kien magħruf il-forti Sant’Anġlu dak iż-żmien. Il-ko-inċidenza tar-rebħa aħħarija tal-Kavallieri fuq it-Torok fl-1565 mal-ġurnata liturġika tal-festa tat-Twelid tal-Madonna tat spinta ġdida lejn din id-devozzjoni f’Malta tant li sal-lum bqajna nsejjħulha wkoll bħala l-festa tal-Vitorja. Il-Gran Mastru de Valette iddedika l-ewwel knisja li nbiet fil-belt il-ġdida imsemmija għalih La Valletta propju għal Madonna taħt dan it-titlu tal-Vitorja.

Origini

Meta l-Maltin irċevew il-magħmudija minn San Pawl għamlu djar għal qima tal-veru Alla. F’dan il-kastell tal-Birgu hija ewlenija l-knisja tal-Madonna li jingħad li waqqaf il-Konti Ruġġieru meta wasal fi xtutna lejn l-egħluq tas-seklu ħdax.

F’din il-knisja jingħad li kien hemm lapida b’kitba bil-Latin li tiġbor il-ġrajja tal-fundazzjoni ta’ dan il-maqdes u li bil-Malti tgħid hekk “Imkeċċija l-Arab minn Ruġġieru n-Normann, u s-sliem imwaqqaf qalb l-Insara: In-nies tal-Kastell ħasbu jibnu din il-kappella l-ewwel waħda f’dawn l-inħawi, għall-ġieħ tal-Omm ta’ Alla fis-sena 1090.” Din il-lapida llum ma tidher imkien u jekk attwalment qatt kienet teżisti, la nafu eżatt fejn kienet imwaħħla u lanqas fejn tinsab issa.  Dwar dak li suppost tgħid din il-kitba ara aktar ‘il quddiem.

Xi storiċi jirraġunaw li l-forma ta’ din il-knisja, mħaffra fil-blat, turina li kienet użata mill-Insara żminijiet qabel ukoll, billi l-Maltin kienu baqgħu jgħożżu l-fidi Nisranija wkoll taħt il-ħakma tal-Għarab.  Hugh Braun ixebbaħ din il-knisja mħaffra fil-blat ma’ dik tal-Mellieħa u l-Grotta ta’ San Pawl. Il-kanonku G.M. Farrugia, teologu u studjuż tal-ġrajja tal-Birgu, jgħidilna li din il-knisja hija l-fdal tat-tempju ta’ Ġuno u li wara kienet użata mill-Insara. Billi l-Fidi ma kenitx ħielsa fi żmien l-Għarab, u l-Konti Ruġġieru jingħad li ħeles lill-Maltin minnhom, il-kelmiet “l-ewwel waħda f’dawn l-inħawi” jistgħu jiftehmu li l-Konti Ruġġieru waqqafha għall-Insara preżubilment ħielsa issa mill-Għarab.   Kif ser naraw fil-paragrafu li jmiss, studji aktar riċenti jgħidu mod ieħor.

Sfond storiku

Għalhekk, hawn irridu nanalizzaw l-isfond storiku ta’ dan kollu u dan irid isir fid-dawl ta’ riċerka aktar riċenti. Irid isir hekk sabiex jinfirdu l-veritajiet ippruvati xjentifikament mill-ħrejjef li setgħu bdew il-ħajja tagħhom minn teoriji mhux ippruvati u żbaljati.

L-ewwel nett knejjes imħaffrin fil-blat żgur li mhumiex xi fenominu ristrett għall-era pre-Normanna. Allura, il-forma ta’ din il-knisja mhix prova biżżejjed li kienet użata mill-Insara qabel il-miġja tan-Normanni f’Malta. Mario Buhagiar jikteb f'artiklu fil-Melita Historica Vol. XIII no, 3 tal-2002 li d-data tal-knejjes trogloditici Maltin ma tistax tkun magħrufa b’mod ċert għax m’hemmx dokumentazzjoni iżda hu jindika l-perjodu post-Iżlamiku bikri (jiġifieri dawk is-snin immedjatament wara l-1091) bħala l-aktar wieħed probabli fid-dawl tal-evidenza li għandna bħalissa.  Għalkemm dan ma jeskludix li wħud jafu l-oriġini tagħhom qabel il-perjodu Għarbi f’Malta, meta wieħed iqis l-arkitettura u l-ikonografija tagħhom il-maġġoranza tagħhom jidhru li għandhom l-oriġini tagħhom fil-Medju Evu tardiv. Dan ifisser li fin-nuqqas ta’ dokumentazzjoni, ma nistgħux nikkonkludu li din il-knisja kienet eżistenti fil-perjodu Għarbi jew saħansitra anke qabel.

It-tieni nett, mhux minnu li l-Konti Ruġġieru keċċa lill-Għarab minn Malta meta ġie fl-1091 (Anthony Lutrell jagħti d-data bħala 1091 u mhux 1090 kif normalment kien maħsub sa ftit żmien ilu).  In-Normanni mponew il-ħaraġ fuq l-Għarab lokali u dawn saru t-tributarji tagħhom. Prova ta’ dan, fost oħrajn, hija l-ħaġra ta’ Majmuna.  Id-data 1173 li hemm miktub fuqha turi li l-Għarab baqgħu f’Malta jaqdu d-dmirijiet tar-reliġjon tagħhom almenu sa dik id-data.

Mhux talli hekk. Għarab Maltin bħall-poeta Abd-al-Rahman għamlulna ġieħ kbir fil-qorti ta’ Ruġġieru II, iben il-Konti Ruġġieru lie kien ġie f’Malta fl-1091, fi Sqallija u taw sehemhom fir-rinaxximent artistiku u letterarju li kien mibdi minn dan Ruġġieru II.  In-Normanni fi Sqallija u l-inħawi kienu jħallu l-popolazzjoni tibqa’ tgħix kif kienet qabel iżda taħt il-ħakma tagħhom billi jħallsu l-ħaraġ bħala tributarji.  Fis-sena 1175, l-Ambaxxatur ta’ Frederiku Barbarossa għadda minn Malta fi triqtu għal għand Saladin u kiteb li l-gżira fil-biċċa l-kbira tagħha kienet mgħammra minn nies ta’ nisel Għarbi (a sarracenis inhabitata). Allura, wieħed jista’ jifhem li l-lapida li rreferejna għaliha aktar ‘l fuq li tgħid li “l-Konti Ruġġieru keċċa ‘l Għarab” tista’ tkun qed tiġbor fiha t-tradizzjoni żbaljata ta’ għadd ta’ ġenerazzjonijiet li rrepetew kitbiet u stejjer mhux riċerkati. L-istess nistgħu ngħidu għall-oriġini tal-bandiera Maltija, li t-tradizzjoni tgħid li tahilna l-Konti Ruġġieru I meta ġie f’Malta fl-1091. Standardi u bnadar li jissimbolizzaw nazzjonijiet bdew jintużaw biss ħafna snin wara x’aktarx lejn it-tmiem tas-seklu erbatax.

Wieħed ukoll jista’ jistaqsi kif, jekk din kienet knisja mħaffra fil-blat (trogloditika), din il-knisja setgħet ukoll kienet mibnija fuq maqdes li kien iddedikat ‘l Ġuno.   Mario Buhagiar jikteb fl-artiklu li semmejna aktar ‘l fuq li l-eqdem referenza li għandna ta' din il-kappella tinsab f'dokument tas-sena 1274, fejn hemm referenza għall-kappella ddedikata lil Sant'Anġlu fil-Castrum Maris. Dan id-dokument fih ukoll inventarju tal-ħwejjeġ li kienu jinsabu f'din il-kappella u fil-kappella l-oħra ta' Santa Marija li kienet fin-naħa ta' fuq tal-forti u li wara inbidlitilha d-dedika u saret il-kappella ta' Sant'Anna. Il-kappella ta' Sant'Anġlu wara xi żmien inbidlitilha wkoll id-dedikazzjoni u saret iddedikata lit-Twelid tal-Madonna.

Fuq kollox, ir-rikristjanizzazzjoni ta’ Malta wara l-miġja tan-Normanni saret bil-mod. Studjużi bħal Mario Buhagiar isostnu li Malta ġiet rikristjanizzata bil-miġja ta’ patrijiet Bażiljani minn Sqallija u dan hu ndikat b’għadd ta’ knejjes u kappelli ddedikati lill-qaddisin tal-Orjent bħalma huma San Ġorġ, Santa Katerina, San Bażilju u oħrajn. Studjużi oħrajn bħal Stanley Fiorini jsostnu li Malta ġiet rikristjanizzata minn komunitajiet f’Għawdex li, waqt il-ħakma tal-Għarab f’Malta, sabu kenn hemm u komplew jipprattikaw il-fidi tagħhom f’dik il-gżira. Naturalment dawn iż-żewġ teoriji ma jeskludux waħda lill-oħra u jista’ jkun li kien hemm influenza tat-tnejn fir-rikristjanizzazzjoni ta’ Malta. Jidher ukoll li seta’ kien hemm sitwazzjoni fejn ir-rit Latin kien jiġi pprattikat fl-ibliet fejn kienu joqgħodu l-ħakkiema, jiġifieri fil-Kastell t’Għawdex, fl-Imdina u fil-Castrum Maris filwaqt li fil-kampanja, il-popolazzjoni tal-lokal li kellha proporzjon kbir ta’ ħaddiema villani fl-artijiet tal-ħakkiema (masserie) u li kienet ta’ reliġjon Musulmana, kienet influwenzata l-aktar mir-rit Biżantin. Hu x’inhu, l-fatt jibqa’ li l-rikristjanizzazzjoni ta’ Malta ma saritx f’daqqa waħda iżda ħadet numru twil ta’ snin.

Fl-aħħarnett, l-influenza tal-ħakkiema Normanni li kienu jużaw it-rit Latin u mhux dak Biżantin tidher fil-fatt li Malta fl-aħħar mill-aħħar addottat dan ir-rit għal kult tagħha.  L-influwenza tal-kult Latin jinħass l-aktar fil-perjodu qasir Anġevin bejn l-1268 u l-1282. F’dan il-perjodu nsibu l-ewwel evidenza dokumentata għall-knejjes u minnhom wieħed jista’ jinduna kemm kienet organizzata sew il-Knisja Latina f’Malta u x’saħħa politika kellu l-kapitlu tal-Katidral, għalkemm il-katidral jissemma’ għall-ewwel darba biss fl-1299. Il-knisja ta’ Santa Marija (il-kappella ta’ fuq) fil-Castrum Maris insibulha inventarju fis-1274 li diġà juri li kienet mgħammra sew b’ikoni, fidda, paramenti sagri u kotba illuminati għall-użu tal-kult.

Il-knisja fi żminijiet aktar tard

Intant, il-knisja ġiet imbierka mill-isqof Gaultieri bħala l-ewwel parroċċa għan-nies tal-Kastell. Fis-sena 1409 ir-Reġina Bianca ta’ Sqallija kienet tat din il-knisja lil wieħed kanonku Malti dun Ruġġieru Segona biex jieħu ħsiebha u jservi lin-nies tal-inħawi li ta’ spiss waqt kull ħbit tal-għedewwa kienu jiġru għall-kenn tal-kastell. Meta għadda ħafna żmien u l-parroċċa l-oħra mwaqqfa fl-istess żmien fil-Birgu saret aktar iffrekwentata, din il-knisja sar jagħmel minnha l-Arċipriet tal-Birgu.

Meta l-Ordni ta’ San Ġwann ħa l-pussess tal-Kastell, din il-knisja xorta baqgħet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Isqof u għalhekk baqa’ jagħmel minnha l-Arċipriet tal-Birgu. Iżda sa minn dejjem kellha ċerta awtonomija għax sa minn żmien medjevali, din il-knisja kellha ċerta mportanza qawwija. Fil-ħmistax-il seklu, il-festi tal-Kandlora u ta’ Corpus Christi kienu jsiru fiha biss fil-Birgu. Il-festa tal-Kandlora tissemma’ speċifikament f’dokument tal-1445 fejn jingħad li kienet issir hemm biss. Fl-1519 l-arċipriet tal-Birgu kien ordnat biex ma jagħmilx il-purċissjoni ta’ Corpus billi din il-festa kienet tiġi ċċelbrata minn tlett qassisin fil-knisja tat-Twelid ta’ Marija fil-Castrum Maris. Ir-rettur ta’ din il-knisja kellu dritt jiċċelebra l-festi liturġiċi kollha indipendentament minn kull ġurizdizzjoni li l-arċipriet tal-Birgu seta’ ħaseb li kellu. Fl-1621 l-isqof Calgiares ipprotesta formalment meta sab tfixkil biex jagħmel iż-Żjara Pastorali tiegħu f’din il-knisja li hu kien iqis li kienet taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu.

Il-wasla tal-Ingliżi fissret li dawn ħadu wkoll il-Kastell taħt idejhom.  Imma xorta waħda n-nies tal-Birgu baqgħu igawdu d-dritt li fis-7 u t-8 ta’ Settembru ta’ kull sena jidħlu biex jiffesteġġaw il-Jum tar-Rebħa ta’ Malta nhar it-Twelid ta’ Marija.

Mhux darba jew tnejn inqala’ nkwiet meta xi uffiċjali riedu joftmu lill-Maltin minn dan id-dritt tant li fis-sena 1910 l-Avukat Frendo Azzopardi kien ippreżenta Memorandum dwar il-ħtieġa li jinżamm id-dritt li l-Awtorità Ekkleżjastika kellha biex tiċċelebra l-festa u li l-fidili jidħlu jieħdu sehem. Fl-istess Memorandum jissemma’ wkoll id-daqq tal-qanpiena u l-isparar tas-salut f’ċerti festi.

Għalhekk tul iż-żminijiet, l-Arcipriet u l-Kapitolu tal-Birgu baqgħu ta’ kull sena jidħlu jiċċelebraw il-Vitorja sa ma fis-sena 1940 inqalgħet il-gwerra. F’dik is-sena fl-14 ta’ Ġunju, il-knisja ntlaqtet minn bomba u ġġarfet. Meta ntemmet il-gwerra, ġiet restawrata fis-sena 1955, u reġgħu bdew isiru mill-ġdid il-funzjonijiet ta’ qabel u l-poplu jidħol għalihom ukoll fil-Kastell.

Il-kappella

Fl-antik il-knisja kellha altar wieħed u mal-faċċata kien hemm kwadru ta’ Sant’Anna b’Marija ċkejkna f’idejha. Dan il-kwadru kien ittieħed fil-mużew tal-Kolleġjata u meta kien ġie mnaddaf kienet tidher fuqu s-sena 1462. Fil-Mużew tal-Kolleġjata kien intilef u għalhekk fis-sena 1955 il-Kavallier Rafel Bonnici Calì għamel kopja tiegħu u din tqegħdet mal-faċċata tal-knisja.


Ritratt - Noel Ciantar


Iż-żewġ altari tal-ġnub kienu ġew miżjuda fi żmien il-Kastellani De Nava.  Wieħed minn dawn kien dedikat lil Sant’Anġlu, Martri ta’ Licata, li l-festa tiegħu tkun fil-5 ta’ Mejju. L-ieħor kien iddedikat lil Santa Barbara li l-festa tagħha tkun fil-5 ta’ Diċembru. Huwa magħruf li Sant’Anġlu huwa l-protettur tal-Kastell waqt li Santa Barbara hija l-protettriċi tal-bumbardieri.

Din il-knisja ċkejkna ħafna hija biss twila xi 15-il pied (xi ħames metri) u wiegħsa xi 12-il pied (xi erba’ metri). Għalkemm ta’ stil sempliċi, il-Gran Mastru De Redin fl-1658 kien żejjinha b’xi pilastri ta’ stil Korintu. L-altari tal-ġnub huma f’għamla ta’ “arcoselium” jiġifieri mdaħħla f’arkata bħal dawk li naraw f’katakombi Rumani. Kien hemm dari żewġ kwadri żgħar, wieħed iddedikat lil San Pawl u l-ieħor lil San Ġwann. Dawn kienu saru fl-1670.

F’din il-knisja, għal bosta snin, kienet meqjuma b’venerazzjoni kbira x-xbieha għażiża tal-Madonna magħrufa bħala taċ-“Ċerajwola” (tal-Kandlora). Meta l-Kastell kien okkupat minn bosta suldati, għall-kumdità aktar tan-nies li spiss kienu jinvistaw lil Madonna, dan il-kwadru ttieħed fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz.  Fl-1530, meta l-knisja ta’ San Lawrenz ittieħdet mill-Ordni, il-kappillan ħa dan il-kwadru fil-knisja tal-Lunzjata. Il-kwadru kien ġie meqrud fil-gwerra u floku saret kopja tiegħu. B’din ix-xbieha ta’ kull sena ssir il-festa tal-Vitorja fil-Birgu mill-Patrijiet Dumnikani.

Il-knisja kellha ċensier u kalċi antiki u sbieħ tassew li issa jinsabu miżmumin fil-Mużew tal-Kolleġjata tal-Birgu.

Għeluq

Il-knisja hija miżmuma tajjeb ħafna u ċ-ċavetta tagħha tinżamm bi dritt għand l-Arċipriet tal-Birgu bħala r-rapreżentant tal-Arċisqof, billi l-knisja taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu għalkemm din il-parti tal-Kastell hija f’idejn il-Gvern Malti. Dan id-dritt kien jinżamm anke fi żmien l-ordni.

Il-festa tat-twelid ta’ Marija fil-Kastell bdiet tiġi ċċelebrata malli ntemm l-Assedju l-Kbir u l-Kleru tal-Birgu għadu kull sena jiffunzjona l-Vespri nhar is-7 ta’ Settembru u jagħmel quddiesa solenni l-għada, nhar jum il-Vitorja.

Kitba mibnija fuq artiklu ta’ Lorenzo Zahra, użata bil-permess.
Il-paragrafu dwar l-isfond storiku miktub minn Noel Ciantar
Ritratti ta' Noel Ciantar u mill-Internet.  Ir-ritratt tal-pittura ta’ Perez d’Aleccio hu tan-National Maritime Museum, Greenwich, UK; supplied by The Public Catalogue Foundation.  Użat skont it-termini tal-użu tas-sit.

Ritratt - Noel Ciantar: Nhar il-festa
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - minn Wikipaedia - Il-qabar ta ' Ruggieru II fil-Katidral ta' Palermo
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - min-National Maritime Museum, Greenwich, UK; Supplied by The Public Catalogue Foundation.  Uzat skont it-termini tal-uzu tas-sit.

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017