KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

S. Mattew iż-Żgħir tal-Maqluba
~ Qrendi ~

Fir-raħal tal-Qrendi wieħed isib għad ġmielu ta’ kappelli li wieħed jieħu gost jara li jinsabu fi stat tajjeb. Fit-triq li mill-Qrendi tieħu għal Wied iż-Żurrieq insibu żewġ knejjes imissu ma’ xulxin iddedikati lill-martirju tal-Appostlu San Mattew. Billi ftit ‘l isfel minn din il-knisja, kif taqbad il-wied, hemm ħofra kbira magħrufa bħala “il-Maqluba” din u l-knisja akbar minnha li tmiss magħha flimkien jgħidulhom “tal-Maqluba”.

Ta’ min isemmi li fil-fatt din mhux knisja waħda imma tnejn magħqudin flimkien għax hemm knisja oħra, ħafna akbar u aktar riċenti minnha mwaħħla magħha li hi magħrufa bħala “San Mattew il-Kbir”. Din il-kappella medjevali hi magħrufa wkoll “San Mattew iż-Żgħir”.    Wieħed jinnota li dawn il-kappelli huma magħrufin bħala “iż-Żgħir”  u “il-Kbir” u mhux bħala “iż-Żgħira” jew “il-Kbira” bħalma wieħed jistenna kieku wieħed qed jirreferi għall-knejjes infusom.  Jista’ jkun li dan l-appellattiv jirreferi għal xi statwa jew kwadru tal-qaddis u mhux għall-knejjes infushom.

Għalkemm din il-kappella għandha l-bieb tagħha, illum tista’ tidħol għaliha min bieb u taraġ żgħir fis-sagristija tal-knisja l-kbira.

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-“Maqluba

Il-“Maqluba” hija depressjoni kbira fl-egħlieqi ta’ wara l-knisja. Din iffurmat meta sfrondat l-art, skont il-leġġenda, waqt tempesta u terremot fl-1343. Għalkemm għadd ta’ ħrejjef twieldu biex jispjegaw x’seta’ ġara, illum nafu li ġrajja bħal din hija waħda naturali u tiġri meta jkun hemm ċerta kondizzjonijiet ġeoloġiċi.   Il-fenominu ġeoloġiku jissejjaħ “sinkhole” f’postijiet li ġeoloġiakment jissejħu “Karst”. 

Meta jkun hemm ġebel tal-franka, jista’ jiġri li xita aċiduża tista’ tipperkola minn xi qasmiet u fissuri u tiekol passaġġi taħt il-ġebel u toħloq qasmiet kbar.  Aktar ma jinfetħu passaġġi, aktar ilma aċiduż ikun jista’ jidħol taħt il-blat u l-proċess jitħaffef. It-toqol tal-ġebel fil-wiċċ jista’ mbagħad jisfronda għal għarrieda meta ma jkunx hemm biżżejjed ġebel taħtu biex jistrieħ fuqu.

Il-ħofra tal-Maqluba hi fonda madwar 40 metru, wiesgħa 60 u twila 100. Fil-qiegħ tagħha jikbru għadd ta’ siġar, fosthom tal-għaragħar, u veġitazzjoni oħra.   Billi biex tinżel fil-ħofra hu ftit diffiċli għax perikoluż, l-ambjent fil-ħofra hu xi ftit protett kemm mill-vandaliżmu kif ukoll mill-irjiħat.

Il-leġġenda

Skont it-tradizzjoni fuq din iż-żona kien hemm grupp ta’ nies li kienu jgħixu ħajja ħażina. Il-leġġenda tkompli tgħid li fl-24 ta’ Novembru tal-1343 tempesta kbira u terrimot laqtu l-inħawi u l-post fejn kienu jgħixu dawn in-nies waqgħu b’kollox f’din it-toqba. Kienet mara twajba biss, li f’dak il-ħin kienet qed titlob fil-kappella ż-żgħira, li salvat.

Skont verzjoni oħra tal-leġġenda kienu grupp ta’ sorjiet li salvaw minn dan it-terrimot. Apparti dawn l-istejjer u leġġendi li suppost jispjegaw ir-raġuni għalfejn sfrundat l-art il-veritą hi li dan kien fenominu ġeoloġiku spegabbli u mhux intervent sopranaturali.  Mhux ‘il bogħod minn hemm fiż-Żurrieq insibu l-Maqluba tal-Baħar jew Għar ix-Xagħra, fejn hemm ukoll hemm daħla fil- blat. Dan il-post jinstab viċin Wied iż-Żurrieq.

Il-knisja medjevali, jew San Mattew iż-Żgħir

Din il-kappella jingħad li hi waħda mill-eqdem li nsibu fil-gżejjer tagħna u tista’ tmur lura sa qabel il-ħmistax-il seklu. Iżda din ma tissemmix mal-knejjes u l-kappelli li kien semma Senatore de Mello fir-Rollo tal-1436. Dan seta’ ġara għax fir-Rollo jissemmew biss dawk il-knejjes u kappelli li magħhom kien hemm marbuta xi benefiċċji u introjti oħra, li wara kollox kien l-iskop oriġinali tar-Rollo.   Jista’ jkun li dak iż-żmien din il-kappella ma kellhiex introjti u għalhekk inqabżet.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


L-ewwel darba li tissemma’ hu fl-atti taż-żjara ta’ monsinjur Pietro Dusina tal-1575, fejn jingħad li din il-kappella kienet nieqsa minn ornamenti u dekorazzjonijiet imma kellha dak kollu neċessarju biex fiha tiġi ċċelebrata l-quddiesa. B’differnza ma oħrajn tal-istess epoka, kellha wkoll bieb tal-injam. Dak iż-żmien ma kellhiex rettur u għalhekk Dusina kien fdaha f’idejn Antonina Zammit, armla mill-Imqabba li ngħatat biċċa art biex tibda tieħu ħsieb li fil-festa ta’ San Mattew tiġi ċċelebata quddiesa u jsir il-kant tal-Vespri.

Sas-sena 1618 din il-kappella kienet tagħmel mal-parroċċa taż-Żurrieq imma meta il-Qrendi sar parroċċa, din il-kappella bdiet tagħmel mal-Qrendi.

Il-kappella ta’ San Mattew iż-Żgħir tinsab biswit il-knisja l-kbira ta’ San Mattew fuq in-naħa tax-xellug tagħha u tmiss magħha. Minn barra għandha faċċata semplici b’bieb rettangolari bl-ebda tiżjin ieħor. Għandha tieqa għal ġol-wied u tnejn oħra għal fuq l-għalqa ta’ wara. Dawn żgur li saru wara għax kappelli tal-istess perjodu kulma normalment ikollhom hi tieqa żgħira magħrufa bħala oculus fil-faċċata. Din il-knisja iżda, m’għandiex oculos.

Minn naħa minnhom il-kappella tmiss mal-knisja l-kbira u fuq in-naħa l-oħra nsibu ħajt imżerżaq li donnu qed jirfed u jsaħħaħ l-istruttura tagħha.

Il-ħajt tal-ġenb li jiġi fuq il-Maqluba hu mirfud b'ħajt ieħor oħxon. Minn ġewwa, l-kappella hija żgħira, tant li bilkemm tesa' 20 ruħ. Għandha forma kważi kwadra. Hi msaqqfa bix-xorok li jistrieħu ċatti fuq żewġ ħnejjiet ġejjin naqra għal ponta. L-altar, li hu tal-ġebel, hu mpitter u għandu xi skultura. Qiegħed f'apside nofs tond li għandha l-arzella tagħha mpittra proprju bħala arzella tal-baħar.

L-altar hu skolpit fil-ġebel tal-franka u fuqu nsibu statwa tat-terracotta ta’ San Mattew. Fuq l-altar hemm skolpita d-data tal-1897, li tista’ tfisser li kien appuntu f’dik is-sena meta sar jew ġie rranġat dan l-altar. Jingħad li f’din il-kappella kien hemm ukoll pittura ta’ San Mattew li llum ħadd ma jaf x’sar minnha. Is-saqaf ta’ din il-kappella hu tax-xorok li hu miżmum minn arkati ġejjin għall-ponta.

L-istoriku Ġan Franġisk Abela jsemmi li l-art kienet taċ-ċangatura, ħaġa li llum m’għadniex nistgħu naraw. Wieħed jassumi wkoll li f’din il-kappella kien isir id-dfin bħal ma kien jiġri f’kappelli medjevali ta’ żmienha. L-art li naraw llum tidher li mhux dik oriġinali anzi tista’ tgħid li ma tantx għandha ħafna żmien, għalhekk jekk kien hemm xi oqbra llum dawn m’għadhomx jidhru.

Din il-kappella ċċekknet b’mod drastiku meta sar it-taraġ biex minnha tkun tista’ titla’ lejn il-knisja l-kbira u s-sagristija. Dan jista’ kien il-bidu li din il-kappella bdiet tissejjaħ ukoll “il-kripta”. Bejn li kienet ħafna iżgħar mill-oħra l-kbira, bejn li kien, fi żmien, probabbli jsir id-dfin fiha (iżda kif diġą għedna, din kienet ħaġa komuni f’dawk iż-żminijiet) u għall-fatt li kienet f’livell aktar baxx mill-oħra, jista’ jkun li b’mod żbaljat bdiet tissejjaħ ukoll “il-kripta”. Iżda Dusina jsejjħilha “Ecclesiam ruralem”, jiġifieri “Knisja tal-kampanja” u mkien ma jindika li kienet xi kripta ta’ xi knisja oħra.

Qabel it-tieni gwerra il-knisja kellha kampnar żgħir li hu dokumentat minn ritratti antiki u li jidher li tneħħa wara l-ħsara li ġarrbet flimkien mal-knisja ta’ maġenbha fil-gwerra.   Dan ma reġgħax inbena wara li kien inqered fil-gwerra.

Il-kappella medjevali tinsab tmiss mal-kappella l-kbira fuq in-naħa tax-xellug tagħha. Tista' tidħol għaliha mill-kappella l-kbira billi tinżel 5 tarġiet jew mill-bieb li hemm fil-faċċata li hu sempliċi u baxx. 

Il-knisja tintlaqat fil-gwerra

Din il-knisja ukoll kellha tmissha x-xorti kiefra li tintlaqat fil-gwerra kif ġara fil-każ ta’ diversi knejjes u kappelli oħra fil-gżejjer tagħna. B’xorti tajba f’dan il-każ il-knisja l-kbira l-aktar li saritiha ħsara u ġiet din ġiet irrangata.  Kien it-12 t’April tal-1942 meta waqgħet bomba li għamlet il-ħsara li qed insemmu.  Il-knisja medjevali ta’ San Mattew iż-Żgħir tilfet il-kampnar ċkejken li kellha  li kellha u dan qatt ma reġa’ nbena.

Wara l-gwerra l-arkitett S. Privitera rranġa l-ħsara waqt li l-Kappillan tal-Qrendi dun Mattew Magro kien ħa ħsieb dan ix-xogħol.

Il-festa ta’ San Mattew

Il-jum liturġiku ta’ San Mattew Evanġelista hu l-21 ta’ Settembru. Fil-passat il-festa fil-knisja ta’ San Mattew tal-Maqluba kienet tiġi ċċelebrata bil-kbir. Ħafna nies kienu jmorru għall-festa u fiha kienu jinbiegħu statwetti u pasturi tat-tafal ta’ diversi qaddisin mill-frattelli ta’ diversi frattellanzi.

Illum il-festa għadha ssir f’Settembru, normalment Ħadd wara l-jum liturġiku tal-qaddis, iżda fuq skala ftit iżgħar. Issir fiera li tiġi organizzata minn waħda miż-żewġ baned tal-Qrendi. Il-knisja tiġi armata bid-damask għall-okkażjoni u wara l-quddiesa jkun hemm fiera u daqq ta’ marċi li tagħti ambjent verament sabiħ ta’ festa Maltija.

Il-knisja ta’ San Mattew iż-Żgħira tinstab f’kundizzjoni tajba ħafna u tkun aċċessibbli kull meta l-knisja l-kbira biswitha tkun miftuha.  Naturalment, ma ssir l-ebda attivitą fiha għax kollox isir fil-knisja l-oħra ta’ San Mattew il-Kbir.

Kitba Roderick Busuttil
Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta Caroline Busuttil u Noel Ciantar.  Ħajr lis-sur David Schembri talli dawwarna mal-knisja u tana xi ritratti antiki.

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Qrendi Scout Group
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017