KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja ta' San Ġakbu
~ Belt Valletta ~

Din il-knisja ddedikata lill-Appostlu San Ġakbu tinsab fin-naħa ta' fuq ta' Triq il-Merkanti, kantuniera ma' Triq Melita, ftit 'l isfel mill-Bereġ tal-Italja u ta' Kastilja.

Il-bidu tal-knisja – l-arkitett Romano Carapecchia

Il-knisja li hemm llum inbniet bejn is-snin 1709-1710, iżda f'dan il-post kien hemm oħra li kienet inbniet fl-1612.   Lapida tal-irħam fis-sagristija tgħid li din l-ewwel knisja nbniet fl-1612 u ħallas ħafna mill-ispejjeż għaliha il-Gran Prijur tal-Ordni Fra Pietro (Pedro) Gonzales de Mendoza y Mendoza.   Disinn tal-Kavallier Francesco Antella ta’ din l-ewwel knisja li jinsab fil-ktieb ta’ Giacomo Bosio “Istoria della Sacra Religione di S Giovanni Gerosolimitano” u huwa prova li knisja ddedikata lil San Ġakbu kienet diġà teżisti f’dak is-sit qabel il-pubblikazzjoni tal-ktieb, li l-ewwel parti tiegħu kienet stampata f’Ruma fl-1621.

It-terremot tal-1693 seta’ għamel ħsara estensiva lil din il-knisja u minkejja xi tiswijiet, il-knisja kellha terġa’ tinbena mill-ġdid.  Il-pjanti tal-knisja l-ġdida kienu diġà imħejjin sas-sena 1704.  L-isem tal-arkitett ma jidhirx fil-korrespondenza bejn il-Garn Mastru Perellos u l-Ambaxxatur tiegħu tal-Vatikan Marcello Sacchetti iżda mill-istil tal-bini nafu li kien Romano Carapecchia.  Il-Gran Mastru għamel ħiltu biex iġib lil Carapecchia f’Malta u dan aċċetta li jiġi u ingħaqad mal-Ordni fl-1707.  Hu kien ingħata l-inkarigu ta’ Architetto della Sacra Religione bħala Fontaniere (inġinier tal-ilma) u ingħaqad mal-grupp ta’ enġiniera taħt il-perit François de Mondion.  Għalhekk dawk il-kittieba li fi żmien kitbu li l-arkitett ta’ din il-knisja kien il-Malti Giovanni Barbara kienu żbaljati.  Il-knisja ta’ San Ġakbu ukoll kienet l-ewwel proġett li għamel Carapecchia meta ġie Malta u bħal xi binjiet oħrajn attribwiti lil dan l-arkitett, l-attribuzzoni lejħ hija bbażata fuq l-istil li ġab miegħu minn Ruma.  Carapecchia miet fl-1738.

Romano Carapecchia tana din il-knisja mill-isbaħ iddedikata lil San Ġakbu fl-istil tal-Barokk Ruman. Dan il-perit ħallielna kappelli oħrajn f'pajjiżna fosthom dawk ta’ Santa Katerina u ta’ Santa Barbara, it-tnejn fi Triq ir-Repubblika, Santa Katerina d'Italia u l-knisja tal-Vitorja ħdejn il-Berġa ta' Kastilja, il-knisja tal-Madonna tal-Pilar fi Triq il-Punent, il-knisja ta' Sant'Antnin ta' Padova fil-Forti Manoel u l-knisja ta' San Pietru f'Ħal Lija, u kif ukoll palazzi u bini ieħor fil-Belt u f'irħula oħra.  Carapecchia ħadem bla heda għall-Ordni u mhux binjiet biss.  Iddisinja wkoll funtani, lapidi ta’ oqbra u anke għamara għall-knejjes fosthom l-għamara tas-sagristija tal-knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta u l-Cappella Ardente tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Il-faċċata

Il-knisja hija sabiħa minn ġewwa u għalhekk ma jonqosx li tkun sabiħa wkoll minn barra. Carapecchia fassal faċċata mill-isbaħ fejn it-tiżjin kollu tal-Barokk ma jonqosx. Fiha nsibu pilastri ggruppati, niċeċ, tieqa imponenti, u skultura mill-ifjen. Hija mibnija fuq żewġ sulari. Fin-naħa t'isfel insibu l-bieb imżejjen bl-iskultura u fuqu hemm pediment triangulari maqsum li terġa’ fih insibu pediment segmentali. Pilastri komposti iggruppati jifirdu din il-parti kif ukoll it-tieni sular fi tliet biċċiet. Fil-ġenb tal-bieb hemm żewġ niċeċ vojta, it-tnejn bil-pilastri u saljaturi fil-ġnub u b'pediment segmentali fuqhom. Fit-tieni sular fin-nofs naraw tieqa għolja li fuqha hemm l-arma tal-lingwa ta' Kastilja miżmuma minn żewġ anġli u fuqhom, għal darb'oħra l-arzella. Fil-ġnub tat-tieqa Carapecchia daħħal żewġ panewwijiet bl-iskultura.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Fuq nett tal-faċċata nsibu pediment jew frontispizju segmentali maqsum u fin-nofs pedestall li xi darba kellu salib. Il-ħajt tal-knisja li jagħti fuq Triq Melita huwa wkoll maqsum fuq żewġ sulari u t-tiżjin ukoll m'huwiex nieqes. Fl-antik il-knisja kellha taraġ quddiem il-bieb bħalma hemm quddiem il-knisja tal-Vitorja. Il-knisja għandha sagristija kbira li fiha hemm miżmuma l-armar tal-knisja u apparat ieħor, fosthom ventaltar, pjaneta u żewġ dalmatiċi ħomor li kienu rigal tal-Gran Mastru Emanuel Pinto de Fonseca, u li jġibu l-arma familjari tiegħu, iżda li fi tnejn minnhom il-pożizzjoni tas-salib tal-Ordni u tal-ħames qmura hija bil-maqlub. Fis-sagristija hemm l-irħama li diġà semmejna li tgħid li l-knisja oriġinarjament inbniet mill-Gran Prijur tal-Ordni, Fra Pietro González de Mendoza y Mendoza.

sangakbupjantacarapecchiaLARGE

Il-knisja minn ġewwa

Il-knisja nbniet fuq biċċa art rettangolari iżda minn ġewwa għandha forma elittika, b'żewġ daħliet fil-ġnub u b'kor fond. Tmien pari ta' pilastri skont l-ordni Kompost, jerfgħu l-entablatura għolja li fuqha hemm l-attiku jew sekond'ordni. li fih sitt twieqi li jimlew il-knisja bid-dawl naturali.  Minn hemm titla’ l-koppla elitika li hi nkurunata minn lanterna għolja. Id-doppji pilastri tal-knisja u tal-attiku huma rrepetuti fil-koppla f'għamla ta' kustilji. Bejn id-doppji pilastri hemm erba' bibien u fuqhom gallerija bil-balavostri tal-injam. Hija ħaġa kurjuża li l-ispazju ta' wara ta' dawn il-galleriji huwa msaqqaf b'koppletti. F'ħafna spazji tal-knisja nsibu ħafna skultura ta' anġli, armi, fjuri u weraq, ħafna minnhom indurati.  Fil-fatt il-figura tal-anġlu tispikka ħafna fid-dekorazzjoni ta' din il-knisja, kemm ġewwa kif ukoll barra.

Il-kor huwa wieħed mill-isbaħ li għandna fil-kappelli Maltin. Il-perspettiva jew reredos hija miksija minn fuq s'isfel bl-irħam fin, kif ukoll huwa l-altar waħdieni li hemm, li huwa altar ipprivileġġjat.

Bejn żewġ pilastri għoljin skont l-ordni Kompost jispikka ħafna l-kwadru titulari fejn il-pittur Fjorentin Filippo Paladini jagħtina l-figura monumentali tal-Appostlu San Ġakbu fid-daħla ta' għar, iżomm il-bastun tal-pellegrini u anġlu li jżomm f'idejh il-palma, simbolu tal-martirju. Fuqu hemm tliet anġli fuq is-sħab u aktar 'il fuq l-arzella u żewġ anġli oħra li jżommu salib bażilikali. Sbieħ ħafna huma ż-żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum li jħarsu 'l barra. Dan ir-reredos jew perspettiva huwa mżejjen b'ħafna skultura oħra indurata.

 

Ritratt - Rayden Mizzi

 

Taħt it-titular hemm inkwatru ovali ta' pittura biż-żejt fuq il-kanvas tal-Madonna tad-Duluri, li huwa kopja ta' pittura famuża li tinsab Madrid u li hi magħrufa bħala l-Madonna ta' Solidad. Din ix-xbieha nġiebet Malta fl-1646 minn Kjerku tal-Ordni, li kien ħelisha minn idejn xi suldati li kienu qed jiddisprezzawha billi jagħtuha daqqiet bix-xwabel tagħhom. Fil-fatt dawn id-daqqiet jew tiċritiet żgħar għadhom jidhru. Il-Kavallieri kellhom devozzjoni speċjali lejn din ix-xbieha u fl-1795 kienet twaqqfet f'din il-knisja, Frattelanza tad-Duluri. Sa ftit snin ilu kienet għadha ssir il-festa f'jum id-Duluri tar-Randan. Fil-faċċata tal-mejda tal-altar hemm medaljun tal-bronż li juri lill-Madonna u żewġ anġli. Dan il-kor huwa msaqqaf b'apside bil-kustilji u li fuq fih nofs lanterna li tagħtih id-dawl, kif ukoll żewġ twieqi oħra żgħar fil-ġenb.

Jinsteraq pissidi bl-ostji ikkonsagrati mill-knisja ta’ Bir Miftuħ

Serqa kbira kienet dik tas-24 ta' Jannar 1663, fejn kien insterqu diversi affarijiet u fost dawn kien hemm pissidi b'ostji ikkonsagrati. Dan is-sagrileġġ kbir ġiegħel lill-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien Rafel Kottoner u l-Isqof Balaguer li jikkundannaw dan l-att gravi u ħarġet l-iskomunika lil dawk li għamlu dan l-att faħxi. Dan il-pissidi kien instab fil-knisja ta' San Ġakbu l-Belt (l-ewwel waħda, mhux dik li hemm illum) vojt mingħajr ostji wara tlett ijiem. Il-piena għal dawn l-ħallelin kieku nqabdu kienet tkun il-mewt, għax f’dak iż-żmien l-Inkwizzizzjoni kienet tat is-sentenza tal-mewt għall-offiżi ħafna inqas gravi.

Din is-serqa kienet ġiet investigata b’mod l-iktar rigoruż mill-Inkwizitur, imma l-ħallelin qatt ma kienu nqabdu. Dan minkejja li dak iż-żmien f’Malta kien hawn tlett awtoritajiet reliġjużi ewlenin li kienu l-Kavallieri ta’ San Ġwann , l-Isqof u l-Inkwizitur li għamlu dak kollu possibbli biex ikunu huma li jaqbdu lil dawk li għamlu dan l-att sagrilegu. Ta’ min jgħid li dawn l-ostji li qatt ma nstabu, kien maħsub li intużaw għal riti sataniċi li ġieli kienu ġew irrappurtati li kienu jsiru f’Malta dak iż-żmien.


L'Istituto Maltese di Educazione Cattolica

F'din il-knisja fl-1839, il-Patri Ġiżwita Massimiliano Ryllo kien waqqaf istitut għat-tagħlim tad-duttrina għat-tfal subien. Dan kien taħt il-ħarsien tal-Qalb bla Tebgħa ta' Marija.  Il-pittur Taljan Attilio Palombi kien pitter xbieha tal-Madonna mdawra minn ħames subien libsin is-suttana kaħla skura bil-pulzieri u buttuni ħomor u l-ispellizza, li kienu jilbsu t-tfal tal-kor tal-kant tal-istitut. Dan il-kor tal-kant kien magħruf ħafna man-nies tal-Belt Valletta u kien jieħu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fil-Gara Kateketika u fil-festi tal-Istitut, fosthom il-jum li fih it-tfal kienu jagħmlu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof.

Il-kor kellu surmastrijiet magħrufa fosthom is-Surmast Carlo Diacono. Oriġinarjament fuq dan is-sit konna għidna li Carlo Diacono kien kiteb il-mużika tal-innu tal-isitut “Voce dall’Alto”, fuq kliem tal-poeta Patri Karmelitan il-Prof. Anastasju Cuschieri. Iżda Patri Charlò-Carmel Camilleri, O.Carm. li qed jirriċerka l-kitbiet ta’ Patri Anastasju, bagħat jinfurmana li kien sab kopja tal-innu u li l-mużika kienet tas-Surmast Giuseppi Caruana (1880-1931) li kien kompożitur ta’ ħafna innijiet sagri popolari fosthom “’Tina l-Ħlewwa” u “Fil-Ħlewwa ta’ Mejju.” Din l-informazzjoni sabha fuq programm tal-gara kateketika li kienu jagħmlu u li kienet tiftaħ proprju bl-innu Voce dall'Alto. Fil-parentesi hemm l-isem tal-kompożitur G. Caruana. Din l-informazzjoni kkonfermajniha wkoll mill-bijografija tas-Surmast Caruana li tinsab fl-ewwel volum tal-ktieb Dictionary of Maltese Biographies.

It-tfal tal-istitut kien ikollhom it-tagħlim tad-duttrina matul il-ġimgħa, il-qrar nhar ta' Sibt u l-quddiesa tal-Ħadd fil-għodu. Hija ħasra li dan l-istitut m'għadux jeżisti.

Rabta tal-knisja mal-qaddis  San Ġużeppi Benedittu Labrè

Storja ħelwa ħafna dwar din il-kappella hija dik ta' meta ġie Malta San Ġużeppi Benedittu Labrè. Dan kien iqatta` ħafna ħin fit-talb fil-knisja tal-Ġiżwiti, imma wkoll kien ipoġġi sabiex jiekol u jistrieħ fuq it-taraġ tal-knisja ta' San Ġakbu, għax dan il-qaddis  kien dak li llum insejħulu "homeless".

Ġużeppi Benedettu Labre' twieled f'Boulogne Franza fis-26 ta' Marzu tal-1748 u miet f'Ruma fis-16 t'April tal-1783 fejn indifen fil-Knisja ta' Santa Maria dei Monti. Sar qaddis mill-Papa Ljun XIII fl-1881. F'żogħżitu pprova kemm-il darba jidħol f'xi monasteru, fosthom tat-Trappisti u taċ-Ċisterċensi, iżda qatt ma tħalla għax jidher li ma kienx addattat għal ħajja monastika peress li kien maħsub li ma kienx mentalment kompletament stabbli. Għalhekk, taha għall-ħajja fqira bħala pellegrin, jittallab biex jiekol u jorqod barra. Hu l-qaddis protettur tal-pellegrini kif ukoll dawk morda minn mard mentali jew psikiku.

 

benedict joseph labre1

 

L-Għawdxin tal-Parroċċa ta' San Ġorġ Martri fir-Rabat, jiċċelebraw il-festa tiegħu f'jum mewtu. Għandhom ukoll kwadru tiegħu maħdum minn artist mhux magħruf li iżda sar fl-1882, sena wara l-kanonizzazzjoni tiegħu. Skont it-tradizzjoni tal-Għawdxin, jgħidu li dan il-qaddis, meta ġie f'pajjiżna kien iqatta ħafna ħin f'adorazzjoni tas-Sagrament fil-Bażilika ta' San Ġorġ Martri, ħdejn l-altar tal-erwieħ fejn illum hemm l-istatwa ta' Sant'Antnin ta' Padova. F'Għawdex jingħad li kien joqgħod fil-Kamra tal-Lampa fin-naħa t'isfel ta' Triq ir-Repubblika (illum Triq Fortunato Mizzi). Uħud oħrajn isostnu li kien jorqod barra fuq iż-żuntier tal-knisja ta' San Ġorġ. Oħrajn igħidu li ġie li ssakkar ġewwa l-knisja mis-sagristan li ma kienx ikun induna bih jitlob. Jingħad ukoll li raġel Għawdxi ta' fama qaddisa, Girgor Buttigieg min-Nadur ukoll kien iħobb jagħmel sigħat t'adorazzjoni tas-Sagrament fl-istess post fejn Labre jingħad li kien jitlob.

Leġġenda Għawdxija, ppublikata mill-mibki Ġorg Pisani fil-ktieb tiegħu "Mill-Gżira tal-Ħolm" tirrakkonta kif darba waħda, kif Labre kien għaddej minn triq dejqa biswit il-Bażilika (probabli minn Il-Mandraġġ) ra armla fqira tipprepara naqra minestra għal uliedha. Labrè talabha ftit ikel u minkejja li din kienet diġà ser tibqa' bin-nieqes hi biex titma 'l uliedha, xorta waħda mlietlu platt minestra magħhom. Il-qaddis qal it-talba iżda f'daqqa waħda l-qaddis sparixxa. Minflok il-minestra sabu biċċiet tad-deheb u l-fidda, li setgħu imantnu 'l dik l-armla ġeneruża għal ħafna żmien wara. Ippruvaw ifittxu l-qaddis biex jirringrazzjawħ iżda ma sabuħx.

Il-knisja llum

Il-knisja ta’ San Ġakbu tintuża kuljum billi fiha titqaddes quddiesa f'nofs in-nhar, u nhar ta' Ħadd ikun hemm quddiesa għall-komunità Taljana li tgħix f'pajjiżna. Il-komunità tal-Insara Ortodossi f’Malta wkoll qed tiltaqa’ f’din il-knisja sabiex jitolbu, ikantaw, jistudjaw il-Bibbja u jagħmlu ċ-ċelebrazzjonijiet flimkien.  Ġieli anke saru żwiġijiet tal-Insara Ortodossi f’din il-knisja.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttil, Rayden Mizzi, Anthony M. Brincat u mill Internet

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Rayden Mizzi _
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Mro. Giuseppe Caruana
Ritratt - Rayden Mizzi
benedict joseph labre2

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017