KappelliMaltinTitleBanner
Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Kurżitajiet: Cappella Ardente
fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

Il-prinċpijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann kienu pampaluni kemm fil-ħajja kif ukoll fil-mewt. Fl-1726, fi żmien ir-renju ta’ Manoel de Vilhena, il-Kavallier Franċiż Fra Joseph de Robins de Barbante qabbad lill-Arkitett Kavallier Romano Carapecchia biex jiddisinja Cappella Ardente għall-Konkatidral ta’ San Ġwann li dak iż-żmien kienet il-Knisja Konventwali tal-Ordni. Din kellha tieħu post oħra li kien hemm qabilha u kellha tkun fuq stil Barokk.

Il-Cappella Ardente, li litteralment tfisser “il-kappella li taħraq (jew taqbad)” minħabba l-għadd ta’ xemgħat li kienu jżejnuha (madwar 230) kienet tintuża f’xi mewt tal- Gran Mastru jew tal-Isqof meta dan kien ikun ukoll Kavallier tal-Ordni. Kienet tintrama’ wkoll biex tikkomemora l-mewt ta’ xi Papa, xi Re Kattoliku jew xi Kardinal importanti. Kienet ukoll intramat biex tikkomemora l-vittmi tas-Sette Gunio tal-1919. L-aħħar li din kienet intramat kien fil-mewt tal-Papa Ġwanni XXIII.

Il-xogħol inħadem mill-mastrudaxxa Malti Mikiel Camilleri u kienet magħmula fuq stil Barokk minn injam fin impurtat bħalma hu l-ġewż. Hija għolja madwar 10 metri u għandha bażi ta’ madwar 4.6 metri kwadri, li minnu hemm tarġiet ħerġin ‘l barra. Għanda ħafna disinji minquxa fiha kif ukoll post fejn jitqiegħdu x-xemgħat. Hemm għad ta’ spazji vojta bla disinn fejn wieħed seta’ jdendel kwadri jew armi ta’ dak li kien qed jiġi kkommemorat. Fuq net hemm kuruna rjali, li tissimbolozza s-sovranità tal-Ordni kif ukoll is-Salib ta’ Tmin Ponot li jissimbolizza l-Ordni nfushu. Tista’ titqies bħala kappella żgħira tal-injam f’nofs il-Konkatidral meta din tintrama’

Biż-żmien, speċjalment wara r-riformi tal-Konċilju Vatikan it-Tieni, ċerta pompożità fil-funerali bdiet tinqata’ u din il-kappella kienet tagħmel aktar żmien żarmata fil-Kappella ta’ Bartolott, il-kripta li hemm taħt l-Oratorju fejn hemm il-pittura tal-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista, milli armata kif jixirqilha. Dan kollu safa ta’ dannu għal din il-kappella li ġarbet ħsara bl-umdità u bis-susa. 

Riċentament iżda, din il-kappella reġgħet ġiet restawrata mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann għand id-ditta Maltija ReCoop. Saret analiżi ddetaljata tal-ħsarat u tal-injam li kien użat oriġinarjament. Imbagħad saret id-disinfestazzjoni mill-insetti, tindif, tiswijiet fl-istruttura, tneħħija ta’ restawr antik u trattament tal-partijiet tal-metall li kienu therrew. Inbidlu wkoll xi partijiet li ma setgħux jiġu salvati. L-ispejjeż għal dan ir-restawr laħħqu madwar is-€60,000.

Illum, din il-Cappella Ardente reġgħet ġiet armata u qiegħda għall-wiri temporanjament fis-sagristija tal-Konkatidral. Ghad ma ntqalx x’ser isir minnha u meta ser terġa’ tiġi żarmata u għalhekk min jixtieq jaraha aħjar jaraha issa qabel ma terġa’ tiżżarma. Hija biċċa xogħol tal-arti fl-injam li m’hawnx oħra bħala f’Malta u ta’ min iżurha u jaraha b’għajnejh fil-glorja kollha tagħha sakemm għadu l-waqt.

 

 

 

Kitba ta’ Noel Ciantar, Ottubru 2012
Ritratti ta’ John Portelli u mill-Internet

WEB_CuriousSmall
Il-Cappella Ardente armata fis-Sagristija tal-Kon-Katidral ta' San Gwann - Ottubru 2012 - Ritratt: John Portelli
Cappella Ardente - Old Photo

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017