KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Santu Rokku ta’ Montepellier

Santu Rokku twieled f’Montepellier fl-1295. Jingħad li fuq sidru kellu tebgħa forma ta’ salib. Ta’ 20 sena tilef ‘l ġenituri tiegħu u ddeċieda li jqassam ġidu lill-fqar u rħielha lejn l-Italja. Hawn min jgħid li kien Terżjarju Franġiskan. Waqaf f’Aquapendente li kienet milquta bil-pesta u ddedika ruħu biex jieħu ħsieb ‘l dawk milquta bil-pesta u jfejjaqhom bit-tqegħid tal-idejn u r-radd tas-sinjal tas-salib. Imbagħad mar Cesena, Ruma, Mantova, Padova, Parma u bliet oħrajn tal-inħawi. Kull fejn kien imur, il-pesta donnu kienet tieqaf bis-saħħa tal-mirakli li kien jagħmel.

Fi Piacenza, iżda, l-pesta ħakmet lilu wkoll u n-nies keċċewħ mill-belt tagħhom. Mar jirtira f’foresta fil-qrib biex imut bil-kwiet iżda kelb ta’ wieħed sinjur jismu Gothard kien iġiblu kuljum x’jiekol. Għaldaqstant Rokku fieq u mbagħad reġa’ mar lura f’Montpellier bil-moħbi, b’att ta’ umilta, liebes ta’ pellegrin. Peress li m’għarfuħx, tefgħuh fil-ħabs għax ħasbuħ li kien xi spija. Ħames snin wara miet mewta naturali fl-1327. Kien is-salib fuq sidru u xi dokumenti oħra li ħalla warajħ li għenu jidentifikawħ wara mewtu u dan wassal sabiex inagħtalu funeral xieraq.

Francesco Diedo, il-gvernatur Venezian ta’ Brescia, jgħid fil-ktieb tiegħu tal-1478 (Vita Sancti Rochi) li meta l-Konċilju ta’ Kostanza ġie mhedded li ma jsirx minħabba l-pesta fl-1416, il-fidili ntalbu biex jagħmlu purċissjonijiet u jitolbu ‘l Santu Rokku biex bl-interċessjoni tiegħu jeħlishom mil-flaġell tal-pesta. Iżda l-ewwel kitba dokumentata tal-kult tal-qaddis nisibuha biss wara l-1460.

Il-fdalijiet tiegħu ħaduhom bil-moħbi lejn Venezja fl-1485 fejn għadhom jistrieħu sal-lum. Għadd ta’ konfraternitajiet u fratellanzi twaqqfu f’unur tiegħu. Il-Qaddis ġeneralment jiġi mpinġi liebes ta’ pellegrin fqir, ħafna drabi wkoll qed jgħolli ħwejġu biex jikxef il-ferita tal-pesta fuq kuxtejh. Ikun ukoll akkumpanjat minn kelb li jkun qed iġorr ħobża f’ħalqu. Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fis-16 t’Awwissu.

Il-Kult f’Malta

Alfie Guillaumier jidentifika 7 kappelli ddedikati ‘l Santu Rokku fil-ktieb tiegħu “Bliet u Rħula Maltin”. Dawn huma:

  • Santu Rokku ta’ Ħ’Attard, magħrufa wkoll bħala ta’ Sant’Anna
  • Santu Rokku ta’ Ħal Balzan
  • Santu Rokku ta’ Birkirkara
  • Santu Rokku fil-Furjana (biss fdalijiet)
  • Santu Rokku ta’ Ħaż-Żebbuġ
  • Santu Rokku tal-Imdina, magħrufa wkoll bħala l-Madonna tad-Dawl
  • Santu Rokku tal-Belt Valletta

Il-kult lejn dan il-qaddis jidher ukoll fin-numru kbir ta' statwi u niċeċ iddedikati lill-qaddis imxerrdin fit-toroq tal-irħula tagħna. Nikol Ciantar, f'lista ippublikata fil-ktieb “Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex” (Novembru 2013) jidentifika 36 statwa jew niċċa mqassmin kif ġej:


Balzan  2

Mqabba  1

Sliema  1

Birgu  1

Msida  1

Valletta  2

Birkirkara  2

Qormi  6

Zebbug  7

Ghaxaq  1

Qrendi  1

Zejtun  1

Kirkop  2

San Giljan  1

Zurrieq  2

Lija  1

Santa Venera  1

 

Luqa  2

Siggiewi  1

 


Toroq imsemmija għal Santu Rokku hemm disa’ kif ukoll hemm misraħ kif ġej:

Madwar Malta hemm disa’ toroq imsemmija għal Santu Rokku kif ukoll hemm Misraħ kif ġej:  Birkirkara, Ħal Għaxaq (Triq u Misraħ), Kalkara,  Imdina, Mosta, Qormi, Rabat, Żejtun, Żurrieq.

Kurjuż il-fatt li f'Għawdex ma jidhirx li hemm statwa li turi 'l dan il-qaddis . Jew xi triq imsemmija għalih.  Dan jindika li f’Għawdex m’hemmx il-kult tal-qaddis.Iżda is-Sur Carmel Camilleri, qarrej ta’ dan is-sit, bagħat jgħidilna li ħabib tiegħu miż-Żurrieq jirrakkonta li waħda mill-istatwi li hemm fiż-Żurrieq kienet inġabet minn Għawdex minn missieru stess fuq il-luzzu tiegħu. Għalkemm la liema statwa fiż-Żurrieq ma ġiet indikata u lanqas il-lokal minn Għawdex minn fejn oriġinat din l-istatwa ma qalilna, jidher, li jekk din l-istorja tiġi kkonfermata, Santu Rokku kien wasal Għawdex ukoll. Ħabib tagħna ieħor, is-Sur Marvin Cucciardi miż-Żurrieq jgħidilna li din kienet vara tal-kartapesta, xogħol l-istatwarju Wistin Camillieri. Illum din tinsab fil-knisja parokkjali taż-Żurrieq, propjetą tal-fratellanza tal-istess qaddis. Ta’ min jinnota li fiż-Żurrieq teżisti l-unika fratellanza ta’ dan il qaddis li għandna f‘Malta u Għawdex. Il-fratelli jilbsu muzetta ħadra bl-emblema tal-qaddis irrakmata u kurdun aħdar ma’ qaddhom u kuruna tar-Rużzarju. Il-fratellanza tiċċelebra l-festa fit-3 Ħadd ta’ Settembru.

Il-Pesta

Il-pesta hija marda infettiva trasmessa minn batterju (Yersinia pestis) li jgħaddi mill-annimal infettat, normalment il-ġurdien, għall-bniedem permezz tal-briegħed. Fi żmien il-Kavallieri, din il-marda ħakmet lil Malta fl-1592, 1623, 1655, u 1675-76. Kienet reġgħet tfaċċat ukoll fi żmien l-Ingliżi fl-1813. Il-marda ħafna drabi kienet tibda bid-dħul ta’ xi bastiment li jkun qed iġorr fuqu ġrieden infettati. Għalhekk il-Kavallieri kienu joperaw kwarantina stretta biex jevitaw l-epidemiji. Il Gran Mastru Jean Paul Lascaris bena sptar ta’ iżolament (“Il-Lazarett”) fl-1643 fuq il-gżira Manoel propju biex ikun hemm ta’ kontroll ta’ kwarantina aħjar fuq mard infettiv bħall-pesta u l-kolera. Minkejja dan, il-mard kultant xorta kienet jiskappa l-għassa stretta li kienu jagħmlu.


Meta kienet tfaqqa’ l-epidemija, in-nies ma kienetx titħalla toħroġ minn darha, lanqas għall-quddies u l-qassisin biss kellhom permess joħorġu biex iqaddsu fit-toroq. Joseph F. Grima jikkwota lit-tabib Gio Francesco Buonamico li kien wieħed mill-ewwel tobba li ntebħu li kienet faqqgħet il-pesta fl-1675. Buonamico ħallielna deskrizzjoni preċiża tas-sintomi tal-marda, li kienet toqtol kważi ‘l kull min kienet taħkem fi ftit jiem, kif ukoll spjega ta’ kif xterdet ma’ Malta. L-ewwel każ ta' din l-epidemija faqqa' fl-24 ta' Diċembru tal-1675 għand negozzjant belti Matteo Bonnici. Meta, 9 xhur wara fl-24 ta' Settemberu tal-1676, Malta ġiet iddikjarata ħielsa mill-pesta, kienu mietu (skont J. Micallef ) 11,278 persuna minn popolazzjoni stmata li kienet tlaħħaq għal madwar 51,114.
Fi żmien il-pesta kienu jitolbu l-fejqan bl-interċessjoni ta’ Santu Rokku u San Bastjan, il-protetturi ta’ dawk morda bil-pesta.


Il-Pesta ta' Londra tal-1665

Fejn mar Santu Rokku?

Fil-parti antika ta’ Birkirkara, lejn l-inħawi magħrufin bħala tal-Laqxija, hemm ħafna sqaqien miżgħudin bi djar antiki ferm.  Illum il-ġurnata dawn id-djar qed jiġu rrestawrati b’mod sensittiv ħafna u qed ikunu mfittxija għall-valur arkitettoniku u storiku tagħhom.  It-toroq ukoll qed jiġu rrestawrati b’pavimentar ġdid u b’amara tat-toroq bħalma huma fanali mwaħħlin mal-ħajt fuq stil antik.  Kollox ma’ kollox jidher li hemm sforz biex tiġi ppreservata l-atmosfera ta’ żminijiet oħra li dawn it-toroq idaħħluk fiha meta tgħaddi minnhom.

Waħda minn dawn it-toroq hija Triq Ħas-Sajjied li tinsab fl-inħawi bejn il-kappella tal-Vitorja u l-kappella tal-Madonna tal-Ħerba.  Ħdejn din it-triq hemm ukoll id-dar fejn kien jgħix Sir Anthony Mamo, l-ewwel Gvernatur Malti u l-ewwel President ta’ Malta Repubblika.  F’din it-triq partikolari hemm għadd ta’ djar antiki li ġew irrestawrati b’mod tajjeb ħafna.  Ma’ waħda minnhom kien hemm niċċa li wkoll ġiet irrestawrata.  Illum din tinsab vojta u ma nafx jekk kienx fiha xi statwa fiha qabel ir-restawr għax meta bdejt ngħaddi minn din it-triq fil-mixja tiegħi ta’ kull filgħodu lejn fejn naħdem, ir-restawr kien ilu li beda.  L-Inventarju Nazzjonali tal-Propjetą Kulturali tal-Gżejjer Maltin ma jagħti l-ebda tagħrif fuqha għajr li hija vojta u deskrizzjoni arkitettonika tagħha. 

Illum din in-niċċa tinsab vojta imma mhux minn dejjem kienet hekk.  Meta l-propjetą kienet ġiet finalment irrestawrata, fin-niċċa dehret statwa ħelwa tal-ġebel ta’ kelb.  Iva, sew qed ngħid: kelb – mimdud fl-art qisu qed jistenna ‘l xi ħadd.  Kont nistħajlu l-kelb ta’ Santu Rokku meta dan kien ħalla din id-dinja.  Kienet ħaġa stramba u kurjuża din u billi kont għadni kemm xtrajt camera diġitali ġdida kont ferħan biha u ħadt ftit ritratti ta’ din in-niċċa bil-kelb (ta’ Santu Rokku ?) fiha.

U imn’Alla għax wara xi xaharejn jistenna, l-kelb ukoll sparixxa!  Forsi, kif ħsibt jien, mar ma’ sidu għand il-Mulej jew qabdu l-ġuħ – min jaf?.  Aktar probabbli, imma, li l-istatwa kienet imqiegħda bla permess  u kellha titneħħa jew xi ħadd skrupluż irrapportaha lill-Awtoritajiet li ġielu ‘l sidha ineħħi l-istatwa tal-kelb.  X’ġara eżatt ma nafx għax qatt ma’ staqsejt iżda li naf hu li lil dak il-kelb kont drajtu kuljum ngħaddi minn quddiemu jiena u sejjer għax-xogħol. 

Ir-ritratt qed inġibulkom hawn biex tarawh b’għajnejkom għax mhux żgur qed temmnuni.  Naċċertakom li mhux xi manifattura bil-Photoshop - dan hu tassew ritratt mhux mimsus u juri din in-niċċa kif kienet f’dan ir-ritratt li ħadt jien stess nhar is-Sibt, 13 ta’ Settembru tal-2008 jiena u sejjer għax xogħol fis-6:30 ta’ filgħodu.

Kitba: Noel Ciantar
Ritratti: Noel Ciantar u mill-Internet

St. Roche - wikipedia

DSCF3933

Dettall - Il-bust

Dettall - L-id ix-xellugija

Dettall - Is-sieq ix-xellugija u l-kelb

Dettall - Il-kelb qabel ir-restawr

Berghud li jista' jgorr il-mikrobu tal-pesta
Il-mikrobu tal-pesta fid-demm
Bartolomeo Vivarini - St. Roch and  the Angel
Plague1813
Ritratt: Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com