KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Santa Margerita
ta’ Antijokja fil-Pisidja,
Verġni u Martri

Saint Margaret of Antioch - Stained Glass

Ix-xbieha tax-xebba verġni w’safja li tirreżisti l-invit għad-dnub minn irġiel qawwija iżda pagani u li wara għadd ta' torturi ħorox tikseb il-martirju għall-glorja t'Alla kienet storja popolari tassew fil-medju evu. Dawn it-tip ta' stejjer kienu jimbuttaw l-ideja tal-qawwa tal-fidi f'Alla fuq dak li hu b'saħħtu iżda mundan. Ir-rebħa aħħarija tal-mewt bil-martirju fuq il-ħajja ħażina kienet tappella wisq għall-poplu li ġeneralment kien jgħix ħajja ta' tbatija kontinwa fil-faqar u fil-mard, xi minn daqqiet daqs li kieku kienet martirju u mewt imtawwala fuq medda ta' żmien. U meta l-martirju kien jingħata 'l xi xbejba ħelwa, safja u bla ebda ħtija għajr li tkun tħaddan il-fidi Nisranija, l-għaġeb u l-għoxa lejn dan il-kuraġġ kien jagħti s-saħħa 'l dak il-povru li jkun qed jisma' l-istorja u li meta jiftakar fil-miżerja tiegħu iħoss li din ma' kienet xejn ħdejn dak li kienet għaddiet minnu l-qaddisa martri.

Ħalli nkunu ċari: li l-Insara kienu jiġu ippersegwitati minħabba l-fidi huwa fatt storiku kif ukoll hu fatt storiku li kien ikun hemm min iżomm sħiħ fil-fidi minkejja t-torturi ħorox li l-bniedem kien kapaċi jivvinta, għax il-fidi tagħti 'l bniedem saħħa straordinarja. Il-persekuzzjonijiet fi żmien Neruni u Dijoklezjanu huma xhieda ta' ħruxijiet li saru kontra l-Insara. Iżda ċertu dettall kien jiżdied, jikber, jissebbaħ u jingħata xejra ta' verita matul il-mixja taż-żmien biex jikber l-isem tal-qaddis jew qaddisa. Diġa rrakontajna żewġ stejjer simili (Santa Luċija ta' Sirakuża u Santa Katerina ta' Lixandra) u hawn ser nirrakontaw oħra: dik ta' Santa Margerita ta' Antijokja tal-Pisidja. Il-fatt li jeżistu għadd ta' stejjer bħal dawn kif ukoll il-fatt li l-kult ta' dawn il-qaddisin hu daqsekk mifrux juri l-interess u l-popolarita ta' dawn l-istejjer.

L-Istorja tal-Qaddisa

Santa Margerita twieledet f’Antijokja fl-Asja Minuri fir-reġjun tal-Pisidija, fejn illum insibu t-Turkija [Nota: Din il-Belt ma' kellha x'taqsam xejn mal-"Prinċipat t'Antijokja" ta' żmien "is-Saltna ta' Ġerusalemm" fi żmien il-Kruċjati. Din tal-aħħar kienet tinsab f'dik li llum hija s-Sirja.  Fil-fatt, fiż-żminijiet tal-qedem kien hemm 17-il belt li kienu jġibu l-isem “Antijokja” u għalhekk qed ngħidu “Antijokja fil-Pisidja” u mhux sempliċiment “Antijokja”]. Missierha kien qassis pagan waqt li ommha mietet meta Margerita kienet għadha tarbija. Għalhekk addottatha u ħadet ħsiebha waħda mara twajba li kienet Nisranija fil-moħbi. Din tellgħet liċ-ċkejkna Margerita fir-reliġjon Nisranija wkoll. Margerita trawwmet fil-fidi Nisranija u meta kibret offriet lilha nnifsha lil Alla. Meta missierha sema’ b’dan ma riedx jaf aktar biha u għalhekk baqgħet tgħix ma' dik il-mara twajba li kienet qed trabbiha.

DijoklezjanuĠurnata waħda waqt li kienet qed tirgħa l-merħla fl-għelieqi, lemaħha wieħed Ruman jismu Olbyrus, li miġbud mis-sbuħija tagħha, xtaqha u riedha għalih. Iżda hi ma ridetx taf bih għax kienet wegħdet il-verġinita tagħha lil Alla. Olbyrus għadab bil-kbir għal Margerita u ħadha quddiem l-awtoritajiet f’Antijokja u akkużaha li kienet Nisranija. Għalkemm Margerita ġiet mhedda bil-mewt jekk ma tiċħadx il-fidi tagħha, din ix-xbejba qaddisa baqgħet soda fil-fidi. Hawnhekk għaddewha minn ħafna torturi biex jippruvaw ibbidlulha fhemtha. L-ewwel ippruvaw jaħarquha imma ma ġralha xejn. Imbagħad rabtulha jdejha u saqajha u tefgħuha f’kaldarun bl-ilma jagħli, imma t-talb tagħha instama' għal darb'oħra għax il-ħbula nħallu u hi ma ġralha xejn. Fl-aħħar ġie ordnat li tinqatgħalha rasha – din id-darba kisbet li riedet u mietet bħala martri. Jingħad li l-martirju tagħha seħħ fis-sena 304 WK, fl-eqqel tal-presekuzzjoni ta' Dijoklezjanu iżda lanqas dan mhu żgur.


Il-Leġġenda

Jingħadu diversi stejjer “straordinarji” dwarha. Fost l-aktar komuni nsibu li kien dehrilha x-xitan taħt forma ta' dragun meta hi kienet mitfuha l-ħabs. Jingħad li dan kien belgħaha imma s-salib li dejjem kienet iġġor magħha irrita l-istonku ta’ dan id-dragun u hekk hi rrnexxielha taħrab. Għal din ir-raguni din il-verġni martri kienet tqieset ukoll għall-diversi sekli bħala l-patruna tan-nisa tqal – referenza għal ħruġ mirakoluż minn żaqq id-dragun.

Santa Margerita hija ippreżentata fl-arti bħala ragħaj, jew inkella bħala dik li qed tmexxi dragun. Normalment tkun qed iġorr ukoll salib u kultant anke x-xabla li qatgħulha rasha biha u/jew palma. Il-palma, u kultant ukoll il-kuruna fuq rasha, huma s-simboli tal-martri u jgħinuna biex niddistingwu 'l din il-qaddisa minn Santa Martha li wkoll iġġib is-salib u d-dragun bħala simboli tagħha. Kultant ipinġuha ħdejn il-kaldarun ta’ l-ilma li ppruvaw joqtluha fih.

Ir-relikwi tagħha jingħad li jinstabu madwar diversi partijiet tal-Ewropa fosthom Ruma, Montefiascone, Brussell, Bruġ u Pariġi fost oħrajn. Fl-Ingilterra biss hemm mill-anqas 250 knisja ddedikata lilha. Dan juri kemm kien qawwi u mifrux madwar l-Ewropa l-kult tagħha. Santa Margerita kienet meqjusa wkoll bħala waħda mill-erabatx "qaddis ajjutant" għall-Insara, jiġifieri waħda minn erbatax-il qaddis/a li t-talb indirizzat lejhom kien jinqala' l-aktar. Jingħad ukoll li kienet il-vuċi tagħha, fost oħrajn, li semgħat Joan of Arc u li fl-ahħar wasslitha biex hi ukoll tingħata l-mewt mill-Ingliżi.

Liturġikament il-festa ta’ Santa Margerita tiġi iċċelebrata fl-20 ta’ Lulju.

agia-marina1Il-Kult ta’ Santa Margerita

Il-qima lejn Santa Margerita bdiet fil-knejjes tal-Lvant fejn kienet magħrufa bl-isem ta' "Marina". Marina hu l-isem Latinizzat tal-Grieg "Pelagja" – m'hemm xejn x'juri li dik li llum nafuha bħala Santa Margerita mhix l-istess waħda li nafuha bħala Santa Pelaġja.

Ir-rebħa tagħha fuq id-dragun, li jippersonifika l-ħażen, għamlitha l-protetriċi kontra is-setgħat tal-ħażen. Meta l-kult tagħha, bis-saħħa tal-kavallieri li kienu jirritornaw mill-Kruċjati lura lejn pajjiżhom, beda jinfirex fil-punent, kibret il-qima lejha. Il-qawwa tal-interċessjoni tagħha kibret u kienu jitolbuha biex tipproteġi t-trabi kontra l-ħażen kif ukoll kontra xi mard jew diżabilità. Saret magħrufa wkoll bħala l-protetriċi ta’ l-ommijiet u t-tfal kemm waqt il-ħlas kif wkoll wara, għalkemm it-talb kien ġeneralment aktar jikkonċerna l-omm li kienet ser twelled milli t-tarbija.

Minkejja d-devozzjoni, dubji serji dwar il-verità tal-istorja ta' ħajjitha eżistew sa mill-eqdem żminijiet. Fis-sena 494 WK il-Papa Gelasius iddikjara li l-istorja tagħha kienet waħda apokrifa, jiġifieri mhux parti mit-twemmin uffiċjali (kanoni) tal-Knisja, iżda aktar tard id-devozzjoni lejha reġgħet kibret, kif għidna, bir-ritorn lura tal-kavallieri mill-Kruċjati.

L-episodju ta' meta belgħaha d-dragun kien jitqies bħala wieħed suspett anke fi żminijiet imgħoddija meta n-nies forsi kienet temmen aktar kull ma kien jingħadilha milli llum. Jacobus de Voragine, il-kittieb tal-Legenda Aurea (sensiela ta' ħajjiet tal-qaddisin) jiddikjara hu stess li l-episodju tal-qaddisa u d-dragun li hu stess kien għadu kif irrakkonta hu wieħed apokrifu u għalhekk m'għandux jittieħed b'serjeta żejda. Kittieba oħra sabu modi oħrajn kif jippreżentaw dan l-episodju u jagħtuh sura li tista' titwemmen ftit aktar. Uħud qalu li Santa Margerita ma rnexxiliex taħrab għax raddet is-salib biss, imma minħabba salib vera ta’ Kristu li hi dejjem kienet tgħożż u li preżubilment użat biex toftoq żaqq id-dragun. Oħrajn jgħidu li d-dragun kulma għamel hu li qabadha f’ħalqu imma ma belahiex u ħarbitlu filwaqt li oħrajn qalu li d-dragun kien għadu kemm qabad rasha ġo ħalqu meta rasu stess inqasmet.

Iżda dawn l-istejjer fantastiċi ħadd ma seta' jħassarhom minn moħħ in-nies għax in-nies kienet tagħraf lil Santa Margerita propju mill-ikoni li kienu jpinġu din il-grajja, vera jew mhix! Jista' jkun ukoll li n-nies ukoll riedet xi eroj b'qawwa sopranaturali biex teħlishom mill-madmad tal-ħażen tax-xitan u l-figura tax-xebba ġwejda li tirbaħ lid-dragun kienet figura li toqgħod sew għal dan l-iskop, għax kultant il-moħħ jemmen dak li jkun jixtieq li jseħħ tassew.

Il-Kult tal-Qaddisa f'Malta

Fil-gżejjer tagħna hawn parroċċa u ħames kappelli iddedikati lil din il-qaddisa. F'Għawdex hemm il-parroċċa f'ta' Sannat. Il-ħames kappelli ddedikati lilha jinsabu kollha f'Malta u jinsabu fil-lokalitajiet ta' Bormla, Burmarrad, il-Mosta, San Ġwann u s-Siġġiewi.

Nikol Ciantar, f'lista ippublikata fil-ktieb “Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex” (Novembru 2013), jidentifika 5 niċeċ fit-toroq li juru l-figura ta' Santa Margerita. Dawn jinsabu kollha f'Għawdex, erbgħa f'Ta Sannat u waħda fil-Munxar.

It-tixrid u l-firxa tad-devozzjoni lejn Santa Margerita jista' wkoll jiġi mkejjel minn għadd żgħir ta' toroq u pjazzez f'Malta u Għawdex li jgħajjtu lilha. It-toroq jinsabu f'Bormla, fil-Mosta, f'San Ġwann, fis-Siġġiewi u f'Tas-Sliema filwaqt li nsibu wkoll pjazza f'Ta' Sannat u Misraħ ukoll f'Bormla msemmijin għaliha.

Għeluq

Wieħed jista' jirraġuna u jistaqsi għalfejn qed nirrepetu dawn l-istejjer meta, bħal ma qalu uħud minn ta' qabilna kif diġa semmejna, hemm dubji serji dwar l-awtentiċità tagħhom. Għalkemm li din hi domanda leġittima, irridu niftakkru li dawn l-istejjer huma parti mill-istorja tagħna wkoll għax kienu huma li spiraw u mbuttaw 'il missirijietna biex jibnu tempji ta' kull daqs biex iqimu 'l dak jew 'il dik il-qaddisa. Żgur li m'aħniex qed nipprovaw nikkonfermaw jew niċħdu xjentifikament dawn l-istejjer. Qegħdin biss intennu dak li kienu, ħażin jew tajjeb, jemmnu fih missirijietna u nħallu lill-qarrejja tagħna jaħsbu dak li jridu huma.

Kitba ta’ Caroline Busuttil;
Ritratti ta’ Philip Xuereb u mill-Internet

Ventaltar li juri xeni mill-hajja ta' Santa Margerita
St Margaret of Antioch - Peter Candid
Map
St Margaret of Antioch

Ir-rebħa tagħha fuq id-dragun, li jippersonifika l-ħażen, għamlitha l-protetriċi kontra is-setgħat tal-ħażen.

Santa_Marina-Margherita-dAntiochia_di_Pisidia_Q
Santa Margerita - Kwadru li xi darba kien fil-kappella taghha f'San Gwann - Ritratt:  Philip Xuereb
St Margaret - Victoria and Albert Museum

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com