KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Palazzo Chigi - Ariccia - Giovan Battista Salvi il-Sassoferrato - St Lucy

Santa Luċija ta’ Sirakuża
Protettriċi ta’ dawk morda b’għajnejhom

Santa Luċija ta' Sirakuża hi qaddisa martri li għexet f'bejn is-snin 283 u 304 wara Kristu, jiġifieri fiż-żmien il-persekuzzjoni ta' Dijoklezjanu. Il-festa tagħha tiġi ċċelebrata fit-13 ta’ Diċembru, li fil-kalendarju Ġuljan kienet l-iqsar ġurnata tas-sena. Isimha ġej mill-kelma Latina “lux” li tfisser “dawl” u għalhekk il-festa tagħha ssir f’din il-ġurnata, għax titqies bħala l-qaddisa li ddawal it-triq ta’ l-Insara.

Santa Luċija hija meqjuma wkoll mill-Insara Ortodossi u hija waħda mill-ftit qaddisin li l-festa tagħhom hija ċċelebrata mill-Luterani, l-aktar tal-pajjiżi Skandinavi. Hija wkoll waħda mill-biss seba’ nisa, minbarra l-Madonna, li jissemmew b’isimhom fil-kanoni tal-quddiesa fir-rit kattoliku. Fl-ikonografija Santa Luċija tiġi rraffigurata iżżomm platt f’idejha b’par għajnejn ġo fih, li talludi għal parti mill-leġġenda fuq ħajjitha. Fl-ikonografija, l-għajnejn fil-platt jindikaw li l-qaddisa raffigurata hi Santa Luċija u mhux Santa Odilja li normalment tintwera ġġor għajnejha fuq Bibbja. Għaldaqstant, Santa Luċija hija l-patruna tal-għomja, ta’ dawk morda b’għajnejhom kif ukoll tal-professjonisti li jikkuraw l-għajnejn. Hija wkoll il-qaddisa patruna ta’ Sirakuża.

Il-Leġġendi

L-informazzjoni li għidna s’hawn hi magħrufha bħala li ġrat tassew. Il-bqija iżda hu mistur f’leġġendi u tradizzjonijiet mhux verifikati. Il-qima lejha u l-kult tagħha inxtered tant malajr li sas sitt seklu l-Knisja kollha kienet diġa tagħraf il-kuraġġ tagħha quddiem it-theddida tal-martirju.

Skont l-istorja tradizzjonali, twielded fis-sena 283 Wara Kristu minn missier Ruman li miet meta Luċija kienet għadha żgħira. Ommha kienet ta’ oriġini Griega u kien jisimha Eutychia. Sa minn mindu kienet għadha żgħira, Luċija ddedikat ħajjitha għas-servizz tal-fqar biex togħġob lil Alla. Biex togħġob ‘l Alla wkoll hi wegħdet lilu l-verġinita tagħha.

Għalkemm ommha ma tantx għoġbitha din il-ħaġa, Luċija pperswaditha biex tmur magħha sa Catania biex titlob fuq il-fdalijiet ta’ Sant’Agata, (verġni u martri li kienet inqatlet xi ħamsin sena qabel waqt il-persekuzzjonijiet taħt l-Imperatur Decius) sabiex ommha tfieq minn emoreġija li kienet tbati minnha. Omma fieqet u aċċettat li Luċija tqassam ġidha lill-foqra.

Din il-ġenerożita qajjmet l-għira ta’ żgħażugħ għani Ruman li lilu Luċija, kontra r-rieda tagħha, kienet imwiegħda. Dan irraputaha lil Paschasius, il-Gvernatur ta’ Sqallija fis-sena 303, waqt il-qilla tal-persekuzzjoni fi żmien Dijoklezjanu. Dan ikkundannaha għal ħajja ta’ prostituzzjoni iżda Alla salvaha billi ta’ s-saħħa li ma tiċċaqlaqax u ħadd ma rnexxielu jeħodha fil-burdell. Imbagħad, amar li jaħarquha ħajja, u dawwruha bil-ħatab u tawhom in-nar. Iżda Alla reġa salvaha Fl-aħħarnett allura nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina u rebħet il-Martirju għall-imħabba t’Alla.

Kitbiet dwar il-Qaddisa

Minkejja li din hi storja ħelwa, ma nafux kemm minnha hu ġrajja li seħħet. Din l-istorja nsibuha fl-Acta Sanctus tal-ħajja tagħha li ssawru probabilment fis-seklu ħamsa. L-istorja tixbaħ għadd ta’ stejjer oħrajn tal-eopka dwar verġnijiet/martri. Jista’ jkun ukoll li l-episodju ta’ Eutychia ddaħħal minn-narratur sabiex jgħaqqad lil Santa Luċija ma’ Sant’Agata, żewġ qaddisin Sqallin.

Fis-sitt seklu, San Adelmu kien l-ewwel kittieb li kiteb l-istorja ta’ ħajjitha, liema storja bbażaha fuq l-Acta. Dan jagħmlu kemm f’kitbiet bi proża kif ukoll b’peożija. Aktar tard, il-Venerabbli Bede żied l-istorja tagħa fil-ktieb tal-Martri tiegħu. Fil-Medju Evu xi kitbiet iżidu li qabel inqatlet, kienu qalgħulha għajneha iżda oħrajn kienu jsostnu li dan kien sar li kienet qatathom barra hi stess wara li xi ħadd kien qalilha li għandha għajnejha sbieħ – l-istorja tkompli li Alla reġa’ taha d-dawl bħala tpattija għal dan il-ġest sabiħ minn naħa ta’ Luċija. Jacobus de Voragine iżda ma jsemmix dan l-episodju fir-rakkont tiegħu tal-ħajja ta’ din il-qaddisa (il-Leggenda Aurea).

Dante isemmi l-Luċija fid-Divina Comedia (Inferno, Canto II) bħala l-messaġġier li tgħid ‘l Betarice biex tibat ‘l Virġilju għand Dante sabiex ikun jista’ jigwidah fil-mixja tiegħu fl-infern u fil-purgatrorju. Mhux magħruf sew għalfejn Dante jagħmel dan iżda Dante juri li kellu ċerta stima lejn din il-qaddisa għax qiegħda ħdejn Adam fil-Paradiso (Canto XXXII). John Donne ukoll isemmi ‘l qaddisa fil-poeżija tiegħu ”Nocturnal upon St. Lucie’s Day”

Il-Kult tal-Qaddisa

Il-qima lejn Santa Luċija nfirxet mad-dinja kattolika sa mill-bidu nett. Kitba tal-bidu tal-ħames seklu Wara Kristu, mnqaxxa fuq lapida li tirreferi għall-qaddisa, għadha teżisti f’Sirakuża sal-lum. Knejjes iddedikati lilha nbnew f’Ruma, Napli u Venezja. Il-fdalijiet tal-qaddisa damu f’Sirakuża għal 400 sena iżda mbgħad dawn ittieħdu f’Korfinju fl-Abruzzo fl-Italja. Imbagħad, fid-972 l-Imperatur Otto ħadhom f’Metz fil-knisja ta’ San Vinċenz. Kien minn din il-knisjka li wieħed mid-driegħ tal qaddisa ittieħed fil-monasteru ta’ Luitburg, kif jgħidilna Seigbert fis-“sermo de Sancta Lucia” li kien kiteb. B’xi mod, imbagħad, il-fdalijiet tagħha waslu Kostantinopli fl-1038 biex aktar tard, fl-1204 ittieħdu f’San Giorgio Maggiore f’Venezja.

Il-fdalijiet imbagħad ittieħdu fil-Knisja tal-Lunzjata f’Venezja stess fl-1280. Il-knisja twaqqgħet u reġgħet inbiet u ssemmiet għall-qaddisa fl-1313. Din il-knisja wkoll twaqqgħet u reġgħet inbniet għal bosta drabi biex 1860 twaqqgħet għall-aħħar darba sabiex jinbena stazzjon tal-ferrovija minflokha. Fl-1513, in-nies ta’ Venezja kienu taw ras il-qaddisa lir-Re Lwiġi XII ta’ Franza li dan qiegħdha fil-Katidral ta’ Bourges. Il-bqija tal-fdalijiet tal-qaddisa ttieħdu fil-parroċċa ta’ Santa Germenia, fejn għadna nistgħu narawhom f’post li nbena apposta fl-1930. Il-katafalk li qiegħda fih kien sar fl-1981.

Il-festa ta’ Santa Luċija hija ċċelebrata f’ħafna pajjiżi, iżda fost l-aktar pajjiżi li jiċċelebrawha bil-kbir huma l-pajjiżi Skandinavi, bl-Isvezja u n-Norveġja jkunu fost ta’ quddiem. Il-festa ssir nhar it-13 ta’ Diċembru f’jum il-qaddisa, u għalkemm mhix festa nazzjonali fis-sens dejjaq tal-kelma, tiġi ċċelebrata madwar il-pajjiż kollu. Il-festa hi magħrufa bħala Luciadagen jiġifieri “jum Santa Luċija”.

Kmieni fil-għodu, qabel tlugħ ix-xemx, tfajla żagħżugħa li normalment tkun l-iċken tifla fil-familja, tilbes libsa bajda b’faxxa ħamra mdawwra ma’ qaddha. F’xi villaġġi, din tkun l-akbar tfajla fil-familja. It-tfajla jsejjħulha Lussibruden, jiġifieri “Luċija l-għarusa”. Il-libsa bajda tfisser l-għerusija lu Luċija ċaħdet iżda wkoll l-għerusija spiritwali ma’ Kristu li hi għannqet bil-martirju tagħha. L-abjad jissimboliżża l-kastita u l-verġinita tagħha filwaqt li l-faxxa ħamra tissimboliżża l-mewt tagħha bis-sikkina. F’rasha jlibbsulha kuruna bix-xemgħat jixgħelu li jissimbolożżaw id-dawl. F’idejha jkollha platt bil-pastini taż-żaffran (imsejjħin Lussekator, jiġifieri “l-qtates ta’ Luċija”) u kafe’ sħun u ddur mal-familja biex tqajjimhom wieħed wieħed. F’xi villaġġi żgħar, din iċ-ċerimonja issir bieb bieb minn dar għal dar. Fl-ibliet il-kbar, din iċ-ċerimonja ssir ukoll fi sptarijiet, skejjel u istituzzjonijiet oħra bħalma jsir it-tqassim tar-rigali tal-Milied minn Santa Klaus f’għadd ta’ pajjiżi.

Din iċ-ċerimonja għandha rabta qawwija ma’ riti pagani ta’ qabel il-Kristjaneżmu. L-isem ta’ Luċija, li jfisser “dawl” kif ukoll il-fatt li l-festa tagħha taqa’ fl-iqsar ġurnata tas-sena skont il-kalendarju Ġuljan għenu biex jagħtu sens Kristjan lil-ċerimonji li kienu diġa jsiru qabel. Filwaqt li l-pastini jissimboliżżaw l-għotjiet lil fqar li Luċija kienet tagħmel, il-fatt li huma forma ta’ qtates (Lussekator) juru wkoll rabta ma’ l-alla mara Freya, alla tal-Vikingi li wkoll kienet meqjusa bħala l-“għarusa tal-allat”. Dan forsi jispjega kif qaddisa li mietet fi Sqallija għandha kult daqstant qawwi f’pajjiżi Skandinavi.

Il-Kult f’Malta

F’Malta hawn 6 kappelli jew knejjes iddedikati ‘l Santa Luċija. Dawn jinsabu fir-raħal ta’ Ħal Għaxaq, fin-Naxxar, fil-Belt Valletta, fl-Imtarfa kif ukoll fis-subborg ta’ Kerċem li jġib l-isem ta’ Santa Luċija u fil-lokalita ta’ Santa Luċija (limiti ta’ Ħal Tarxien) f’Malta. Hemm ukoll kappella oħra ddedikata 'l Santa Luċija flimkien ma' San Nikola fil-Buskett fil-limiti ta’ Ħad Dingli. Dwar din il-kappella hemm xi ftit nuqqas ta' qbil ma' liema raħal tagħmel. Hawn min jinkludiha mas-Siġġiewi u oħrajn ma' Ħad Dingli. Din il-kappella hija ġuspatronat u tappartjeni lill-Familja Nobbli ta' Testaferrata Moroni Viani. Għalhekk ma tidhirx inkluża fil-lista tas-sit tal-Arċidjoċeżi ta' Malta. Iżda kappella oħra fil qrib, dik ta' San Anton Abbati tal-Palazz Verdala, hija nkluża fil-lista tal-parroċċi filjali tar-Rabat. Alfie Guillaumier fil-ktieb tiegħu “Bliet u Rħula Maltin” ukoll jinkludiha mar-Rabat.

Nikol Ciantar, f'lista ippublikata fil-ktieb “Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex” (Novembru 2013), jidentifika biss żewg niċċeċ jew statwi li juru ‘l qaddisa.  Dawn jinsabu.fil-Belt Valletta u fis-subborg ta’ Kerċem li semmejna hawn fuq.

Jeżistu wkoll 7 toroq jew pjazzez imsemmijin għal qaddisa. Dawn huma f’Raħal Ġdid, tnejn (triq u pjazza) f’Kerċem, fl-Imtarfa, fin-Naxxar, fil-Belt Valleta u fiż-Żejtun.

Il-lokalita ta’ Santa Luċija f’Malta nħolqot b’Avviż Legali f’Lulju tal 1961 li wkoll indika l-konfini tal-lokalita u taha isimha li inagħta minħabba ‘l kappella ddedikata ‘l qaddisa li kienet fil-qrib. Is-subborg ta’ Santa Luċija f’Kercem, f’Għawdex huwa ħafna aktar antik u għadu wieħed mill-ftit eżempji ta’ ħajja rurali fuq stil antik li għad għandna f’pajjiżna.

Billi Santa Luċija kienet meqjusa bħala protettriċi tal-għajnejn, in-nies kienet iddur lejha meta kien jinqala xi għawġ fl-għajnejn.   Fost il-mard tal-għajnejn fejn tissemma’ Santa Luċija hemm dik li tissejjaħ “il-qarnita” (pterygium) minħabba li titrabba forma ta’ qarnita mal-ħabba tal-għajn.  Il-fejqan kien jiġi attentat b’ritwal li kien jinkludi l-hekk imsejjaħ “ċurkett tal-qarnita”, li kien ikollu fossa li l-għamla tagħha kienet tixbaħ lill-qarnita.  It-taqbila li kienet tintuża fir-ritwal biex jiskunġra din il-kundizzjoni kienet din:

      Iltqajt ma’ Ġesł Bambin
      Qalli “Int fejn sejra?”
      Għidtlu “għandi għajni tuġagħni.”
      Qalli “Mur fil-ġnejna tiegħi,
      Hemm Busbiesa ħelwa, ħelwa
      Żrajtha b’idejja,
      Saqqejtha bi dmugħ għajnejja.
      Issib lil Santa Margerita
      Tneħħi l-għabra u l-qarnita;
      Issib lil Santa Luċija
      Ttiik id-dawl u d-dija.”

Nhar Santa Luċija f’Malta, bħal f’xi pajjiżi oħrajn Ewropej, jibdew jingħadu l-Irwiegel (plural ta’ riegli jew regola).  Fil-Belt Valletta, wara l-quddiesa li ssir fil-kappella tagħha, jibda jingħad li “f’Santa Luċija jibdew l-irwiegel”.  L-irwiegel huwa tbassir tat-temp fil-futur billi wieħed jinnota kif ser ikun it-temp fit-tnax-il ġurnata li jkun għad fadal sal Milied.  Kull ġurnata kienet tindika temp ta’ xahar.  Kien hemm ukoll min jibda’ jbassar fit-12 tax-xahar sabiex ikollu it-tlettax il-perjodu tal-qamar aktar milli t-tnax il-xahar tal-kalendarju.


Kitba ta’ Noel Ciantar;
Ritratti mill-Internet
 

Għalkemm ommha ma tantx għoġitha din il-ħaġa, Luċija pperswaditha biex tmur magħha sa Catania biex titlob fuq il-fdalijiet ta’ Sant’Agata.”

stlucaesagota
Dante ta'  Domenico di Michelino 1465
lucia_7

“Din iċ-ċerimonja għandha rabta qawwija ma’ riti pagani ta’ qabel il-Kristjaneżmu. L-isem ta’ Luċija, li jfisser “dawl” kif ukoll il-fatt li l-festa tagħha taqa’ fl-iqsar ġurnata tas-sena skont il-kalendarju Ġuljan għenu biex jagħtu sens Kristjan lil-ċerimonji li kienu diġa jsiru qabel.

St Lucia Buns
Pterygium
Anon - Il-Leggenda ta' Santa Lucia

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com