KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Saint Catherine by Olga Christine

Santa Katerina ta’ Lixandra
Il-Kult Tagħha

“Katarina ta’ Lixandra. Qaddisa martri.” B’dal-kelmiet jiftaħ l-artiklu dwar din il-qaddisa fl-enċiklopedija tal-qaddisin ippubblikata mill-Universitą Pontifiċja tal-Lateran. Ftit huwa magħruf dwar il-ħajja ta’ din it-tfajla, imma l-kliem “qaddisa” u “martri” huma biżżejjed biex inżommuha bħala mudell tagħna. Katarina toffri eżempju lil kulħadd.

L-Istorja tal-Qaddisa

L-istorja tal-eroina ta’ Lixandra tibda meta Massiminu Daia laħaq sultan tal-Imperu tal-Lvant. Fil-bidu tas-seklu erbgħa f’Lixandra ħareġ editt li ordna biex kulħadd imur joffri s-sagrifiċċji lill-allat fit-tempji. Min ma marx kien akkużat li hu nisrani u ġie arrestat jew ingħata l-mewt. Mill-folla nqalgħet tfajla nobbli jisimha Katarina li ċanfret lis-sultan talli ġiegħel lil niesu jqimu allat foloz.

Massiminu ordna li tittieħed il-palazz tiegħu u ġab xi għorrief biex jibdlulha fehmitha dwar il-fidi. Katarina, iżda rnexxiela twaqqagħlhom l-argumenti tagħhom kollha. Is-sultan xegħel bil-qilla u ordna li l-għorrief jinqatlu u li t-tfajla tiġi arrestata. Fawstina, mart is-sultan, u l-uffiċċjal tal-palazz Porfirju żaruha kemm-il darba fiċ-ċella u huma wkoll, flimkien ma’ xi suldati, saru nsara. Meta s-sultan sar jaf qatilhom ilkoll. Lil Katarina ried iqattagħha biċċiet ġo rota tax-xfafar, imma r-rota tfarrket bla ma’ għamlitilha ħsara. Wara dan kollu Massiminu ordna li tinqatgħalha rasha. Dan seħħ fis-sena 305 W.K.

Kitbiet

Prattikament dan huwa kullma nafu fuq dil-qaddisa mill-kitbiet antiki tas-seklu VI li għandna dwar ħajjitha.

Tajjeb li ngħidu li l-eqdem kitba, imsejjħa il-Passio, li nafu biha hija ta’ madwar mitejn sena wara li mietet Katarina. Studjużi kbar tal-aġjografija bħal Bronzini jaħsbu li din kienet xi traduzzjoni bil-Grieg ta’ test aktar antik li presumibilment inkiteb minn xi kjeriku ta’ Lixandra jew xi monaku tal-monasteru tas-Sinai. Huwa maħsub ukoll li diversi episodji mirakolużi u ambigwi żdiedu f’din it-traduzzjoni u f’oħrajn aktar tardivi mal-qalba storika ta’ ħajjet dil-qaddisa. Episodji bħall-għerusija mistika ta’ Katarina mal-Bambin Ġesł u stejjer dwar it-tfulija tax-xebba ta’ Lixandra u l-magħmudija tagħha jidhru għall-ewwel darba fil-kitba tas-seklu X msejjħa l-Conversio.

M’għandniex inħallu s-silenzju letterarju dwar il-ħajja ta’ Katarina fl-ewwel żewġ sekli wara mewtha jdaħħlilna dubju dwar l-awtentiċitą tagħha. Il-venerazzjoni lejn qaddis jew qaddisa ma tiddependix biss mix-xhieda mħollija bil-miktub dwaru jew dwarha. Irridu nżommu f’moħħna wkoll il-fatt li matul is-snin, speċjalment fi żmien il-persekuzzjonijiet, kitbiet dwar il-ħajjiet tal-qaddisin kienu jiġu meqruda flimkien mal-knejjes u mal-qtil tal-insara.

Fis-seklu VIII, iġifieri mitt sena wara l-kitba ta’ dil-verżjoni Griega li semmejna, wieħed patri li kien jgħix fil-monasteru li hemm fuq il-muntanja Sinaj kellu viżjoni li fiha ġie ndikat il-post fejn kien hemm tfajla martri midfuna. Dal-lok kien jinsab aktar ‘il fuq fl-istess muntanja, f’parti li għadha ġġib l-isem ta’ Ġebel Katarin. Dal-patri mar ma’ xi oħrajn ifittex dal-lok u sabu kif kien ra fil-viżjoni. Ġo qisu għar sabu l-fdalijiet ta’ ġisem ta’ tfajla. Dawn ġew imniżżla fil-monasteru u ndifnu hemm fil-kappella prinċipali. Minn dak iż-żmien il-monasteru sar iċ-ċentru tad-devozzjoni lejn Santa Katarina, u wara xi snin bidel ismu għal Monasteru ta’ Santa Katarina tas-Sinai kif għadu magħruf sal-lum. B’xorti tajba, meta l-insara tal-lvant qerdu l-ikoni tal-qaddisin li kien hemm fil-knejjes tagħhom, l-ikona ta’ Santa Katarina li kienet f’dal-monastertu ma ntmessitx. Apparti minn dan, meta l-Musulmani kissru l-knejjes kollha fl-Afrika ta’ fuq u fil-lvant nofsani, dal-monasteru baqa’ sħiħ għax fih Mawmettu kien waqaf biex jistrieh u l-monaċi laqgħuh.

Il-Kult fil-Medju Evu

Fis-seklu XI wieħed monaku ta’ dal-monasteru jismu Xmun mar Rouen fi Franza u miegħu ħa partijiet mill-għadam tax-xebba ta’ Lixandra u ħallihom fl-abbazija Benedittina ta’ Trinité-au-Mont, li wara ħadet l-isem ta’ Sainte Catherine-au-Mont.  F’nofs is-seklu XI diġą kien hemm xhieda li l-festa f’ġieħ Santa Katarina kienet tiġi ċċelebrata f’din l-abbazija. Minn hawn il-qima lejn il-qaddisa għarusa ta’ Kristu xterdet mal-Ewropa kollha. Sas-seklu XIII il-festa liturġika kienet tiġi ċċelebrata b’solennita’ kbira mill-monaċi Ċisterċensi u Klunjaċensi flimkien mal-patrijiet tal-Ordnijiet mendikanti.

Fl-1229 Katarina kienet ġa ġiet maħtura patruna tal-Fakultą tat-Teoloġija fis-Sorbonne, l-ewwel universitą tad-dinja. Mas-snin, flimkien mat-teologi ingħaqdu l-filosfi, il-priġunieri, il-ħaddiema fir-roti, it-taħħana, ix-xebbiet, il-kurdara u l-studenti li għażlu lil Katarina bħala l-protettriċi ewlenija tagħhom. Ma nistgħux ma nsemmux qaddisin kbar oħrajn li kienu msemmijin għaliha jew li kienu devoti kbar tagħha bħal Santa Katarina ta’ Siena, Santa Katarina Vigri, Santa Katarina Ricci, Santa Katarina Labouré, Santa Tereża ta’ Avila, San Duminku u Santa Ġovanna ta’ Arco li mingħand Katarina rċeviet messaġġi biex tmexxi l-armata Franċiża fil-gwerra kontra l-protestanti.

Bil-Kruċjati tal-ewwel sekli tat-tieni millennju l-kult ta’ Santa Katarina kompla jinfirex mal-Knisja kollha tal-Punent, u biż-żmien saret waħda mill-aktar qaddisin popolari u invokati fl-Ewropa. Kienet meqjusa bħala waħda mill-erbatax-il qaddis u qaddisa li l-aktar jaqalgħu grazzji, imsejjħin il-qaddisin awżiljaturi. In-numru tal-knejjes iddedikati lilha kien enormi. Fis-seklu XIV il-Papa Ġwanni XXII daħħal il-festa tagħha fil-kalendarju Ruman bħala tifkira obligatorja fil-Knisja tal-Punent kollha.

L-artisti kollha minn kull epoka għamlu użu mid-diversi rakkonti straordinarji b’konnessjoni mal-ħajja tagħha, tant li Santa Katarina saret (u għadha) l-aktar qaddisa li tagħha nsibu pitturi madwar id-dinja. F’Malta stess diffiċli ssib knisja parrokkjali antika li ma jkunx fiha mqar xbieha waħda tagħha.

Il-Kult tal-Qaddisa f’Malta

F’pajjiżna fost l-eqdem xhieda tal-kult lejn din il-qaddisa insibu l-fdalijiet tal-knisja ta’ Santa Katarina f’Tal-Baqqari, limiti taż-Żurrieq, li nbniet lejn tmiem is-seklu XIII. Minħabba n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni storika, il-waqfa li jmiss fl-istorja ekkleżjali ta’ pajjiżna twassalna għas-sena 1436, meta fir-Rollo tal-isqof Senatore de Mello nsibu żewġ parroċċi minn tnax iddedikati lilha. Sa daż-żmien il-qima lejn Santa Katarina kienet stabbilita sew. L-ikonografija tagħha f’pajjiżna lejn tmiem il-Medju evu turi l-kobor tal-popolaritą li kellha, tant li sa nofs is-seklu XVI il-qaddisa ta’ Lixandra kienet waħda mill-qaddisin l-aktar importanti ta’ Malta.

Jidher illi l-aktar ċentru mportanti tat-tixrid tad-devozzjoni lejn din it-tfajla kienet il-knisja parrokkjali l-antika taż-Żejtun fejn kull nhar ta’ Tnejn kienu jinġabru bosta Maltin jitolbu l-interċessjoni tagħha fit-twegħir tagħhom. Barra minn hekk ta’ min isemmi li sa l-1794 iż-Żejtun kien jidher fil-mapep bħala Terrę Sanctę Catherinę.  Fl-1575 l-Inkwiżitur Pietro Duzina żar il-knejjes kollha ta’ Malta – it-tielet l-akbar grupp ta’ knejjes kienu ddedikati lilha, mgħoddija biss mill-knejjes iddedikatli lill-Verġni Mbierka taħt diversi titli u minn dawk iddedikati lil San Nikola. Il-knejjes tagħha kienu jinsabu fiż-Żejtun u ż-Żurrieq, fir-Rabat, fin-Naxxar, f’Birkirkara, fis-Siġġiewi, f’Ħal Qormi, f’Bir Miftuħ, fl-Imqabba, fil-Gudja, f’Ħal Lew, fil-Birgu, fil-Qrendi, fil-Mellieħa, fil-Belt Valletta u fil-Gran Kastell ta’ Għawdex. Barra minn hekk kien hemm artali ddedikati lilha f’numru kbir ta’ knejjes oħra.

Santa Katerina - xeni minn hajjitha


Fi Żmien il-Kavallieri u Wara

Matul il-mitejn u sebgħin sena li l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann damu Malta, huma komplew ixerrdu d-devozzjoni lejn din il-qaddisa, minħabba li huma vvenerawha bħala patruna tagħhom sa mit-twaqqif tal-Ordni f’nofs is-seklu XI. Il-kavallieri tal-Italja ma naqsux milli jibnulha knejjes kull fejn marru: fil-belt ta’ Rodi, fil-Birgu u fil-Belt Valletta. Kien ukoll bil-kontribut tagħhom li l-knisja flimkien mal-monasteru ta’ Santa Katarina tal-Belt setgħu jitlestew mill-bini fl-1766. Dal-monasteru li semmejn fih tliet xbiehat ferm sbieħ ta’ dil-qaddisa. L-eqdem waħda hija pittura formidabbli ta’ Francesco Zahra li turi l-għerusija mistika ta’ Katarina ma’ Ġesł. Din fl-imgħoddi kienet fuq wieħed mill-artal laterali tal-knisja. Xbieha oħra nsibuha fil-pittura tal-Madonna tal-Konsolazzjoni, xogħol Pietru-Pawl Caruana, li ħadet post il-pittura ta’ Zahra fl-1851. Reċentament saret ukoll statwa ta’ dil-qaddisa minn Manwel Zammit.

Santa Katarina baqgħet iżżomm postha f’diversi aspetti tal-ħajja soċjali Maltija. Insibu isimha mdaħħal f’diversi qwiel bħal il-qamħ ta’ Santa Katarina, it-tiben u t-tagħam jagħtina, Santa Katarina lesti x-xbiek għal ġol-kantina, Santa Katarina lejn darna mexxina, Santa Katarina sal-Milied xahar ġentili ttina, iċ-ċief jiġi nhar San Mattija u jitlaq f’Santa Katarina. Ma naqsux li jitwaqqfu fratellanzi f’ġieħha fil-parroċċi taż-Żurrieq u tal-Birgu, flimkien ma’ soċjetą msemmija għaliha mwaqqfa mill-Isqof Gaetano Pace-Forno fl-1863 fil-knisja ta’ San Rokku f’din il-Belt li kellha tieħu ħsieb it-tagħlim tad-duttrina għat-tfajliet. Insibu wkoll numru kbir ta’ toroq u djar imsemmijin għaliha, flimkien ma’ diversi faċċati li fihom tidher ix-xbieha tagħha jew is-simboli tal-martirju li laqgħet.


stcatherinezejtun
StCatherineZurrieq

Santa Katerina, Żejtun

Santa Katerina, Żurrieq


Il-popolaritą ta’ dil-qaddisa baqgħet dejjem tikber sakemm fl-1969 il-festa tagħha tneħħiet mill-kalendarju liturġiku tar-rit Ruman. Għad-differenza ta’ dak li jaħsbu u jgħidu xi wħud, it-tneħħija tagħha mill-kalendarju ma kienetx tfisser li l-Knisja qed tiċħad il-qima lejn Santa Katarina; kullma qalet il-Knisja kien li ladarba xi aspetti minn ħajjitha m’għandhomx bażi storika, ma kienx għadu l-każ li l-festa tagħha tibqa’ tiġi ċċelebrata b’mod obbligatorju fil-Knisja kollha. Id-dokumet ta indikazzjonijiet ċari li l-qima tagħha għandha tibqa’ tiġi rispettata u mħarsa fil-knejjes u l-parroċċi ddedikati lilha.

Meta l-Papa Ġwanni Pawlu II kien qiegħed jagħmel il-pellgrinaġġ ġubilari fl-Art Imqaddsa fis-sena 2000, hu ma naqasx li jmur fil-monasteru tas-Sinaj u hemm jagħti qima lir-relikwi ta’ dil-qaddisa. Dan wassal biex fl-2002, fl-edizzjoni l-ġdida tal-Missal Ruman, il-festa tagħha reġgħet iddaħħlet fil-kalendarju liturġiku universali tal-Knisja Kattolika, fil-ġurnata proprja tagħha, il-25 ta’ Novembru. Bla dubju li dan il-ġest sabiħ ġab ferħ kbir fost il-ħafna devoti ta’ dil-qaddisa. Perņ tkun ħaġa ferm isbaħ jekk fil-figura ta’ Santa Katarina naraw tama ġdida fil-ħidma tal-għaqda bejn il-knejjes tal-Lvant u l-Puntent, minħabba li Katarina hija waħda mill-qaddisin li jgawdu venerazzjoni kbira mill-fidili taż-żewġ knejjes appostoliċi.

Ikun xieraq għalhekk li aħna d-devoti ta’ dil-qaddisa kbira inġeddu mill-ġdid l-imħabba u l-qima tagħna lejha u lejn l-għarus Divin tagħha, niftakru fix-xhieda li tat elf u seba’ mitt sena ilu u mmexxijin minn dik l-istess imħabba għal Kristu li kellha hi, ngħidu flimkien magħha t-talba mill-antifona tat-tieni għasar “Sinjur Ġesł, nirringrazzjak talli żammejtli riġlejja fis-sod u talli mexxejt il-passi tiegħi (…) ftakar f’dawk li llum bis-saħħa tiegħi jsejjħu l-isem qaddis tiegħek, sabiex il-ħolqien kollu jfaħħar il-kobor tiegħek.”


Ave virginum gemma, Catharina. Ave sponsa Regis regum gloriosa. Ave viva Christi hostia; tuam venerantibus memoriam desiderata, non deneges suffragia.

Sliem għalik o Katarina, ġawhra tal-verġni. Sliem għalik għarusa glorjuża tar-Re tar-rejiet. Sliem għalik vittma ħajja ta’ Kristu, iċċaħħadniex mill-għajnuna tiegħek, lilna li b’tant għożża nqimu t-tifkira tiegħek.




Diskors mogħti nhar il-Ħadd 6 ta’ Novembru 2005 waqt akkademja mużiko-letterarja fil-Monasteru ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tas-Sbatax-il Ċentinarju mill-martirju u l-glorifikazzjoni ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra.

Kitba ta’ Rev. Jonathan Farrugia, użata bil-permess tal-awtur.
Ritratti mill-Internet u Noel Ciantar

Massimu Daia
St Catherine Monastery - Sinai

M’għandniex inħallu s-silenzju letterarju dwar il-ħajja ta’ Katarina fl-ewwel żewġ sekli wara mewtha jdaħħlilna dubju dwar l-awtentiċitą tagħha.

Herman Paul - Jean Limbourg - Angels carrying body of St Catherine
Universita - La-Sorbonne
Caravaggio - Santa Katerina
Mattia Preti-S. Caterina d'Italia - valletta

Santa Katarina baqgħet iżżomm postha f’diversi aspetti tal-ħajja soċjali Maltija. Insibu isimha mdaħħal f’diversi qwiel bħal il-qamħ ta’ Santa Katarina, it-tiben u t-tagħam jagħtina, Santa Katarina lesti x-xbiek għal ġol-kantina, Santa Katarina lejn darna mexxina, Santa Katarina sal-Milied xahar ġentili ttina, iċ-ċief jiġi nhar San Mattija u jitlaq f’Santa Katarina.

Palma_Giovane-Martyrdom_of_St_Catherine_of_Alexandria
Santa Katerina d'Italia, fil-Belt Valletta - Ritratt: Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com