KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

San Bażilju l-Kbir

F'Malta ma jidhirx li kien hawn xi kult qawwi ta' San Bażilju. Hawn biss kappella waħda u triq waħda ddedikati lil dan il-qaddis. It-tnejn li huma jinsabu fl-Imqabba. Sa fejn nafu aħna, ma jidhirx li hawn xi statwa jew niċċa f'xi triq f'Malta li turi lilu. Iżda l-importanza ta' dan il-qaddis fl-istorja tal-Knisja kif ukoll l-importanza arkitettonika tal-knisja iddedikata lilu iġegħluna li ninkludu 'l dan il-qaddis f'din is-sezzjoni. Dan l-artiklu jitfa' wkoll ftit dawl fuq il-ħajja monastika bikrija kif ukoll fuq it-taqlib li kien hemm fil-ħsibijiet tat-tejoloġi ta' dak iż-żmien.

Bażilju twieled f’Pontu, fl-Ażja Minuri, lejn is-sena 329 f’familja tat-tajjeb li kienet batiet ħafna fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Massiminu Galerju (305-314). Hu kellu trobbija nisranija, imma ma tgħammidx meta kien tarbija peress li d-drawwa kienet li l-insara jitgħammdu kbar wara xi xhur ta’ katekumenat.


Il-Katidral ta' San Bazilju fil-Pjazza l-Hamra fl-1613

 

Studja f’Ċesarija, f’Kostantinopli u f’Ateni – l-aqwa bliet akkademiċi ta’ dawk iż-żminijiet. Sieħbu fl-istudju kien il-qaddis Girgor Nazjanzenu. Mill-kitbiet ta’ San Girgor nafu li Bażilju wera minn kmieni l-kwalitajiet intellettwali straordinarji li kellu: kien jinqala’ fir-rettorika, fil-filosofija, fil-matematika, fl-astronomija, fil-mediċina u fil-grammatika. Nistgħu ngħidu li kien ġenju għal żmienu. Meta spiċċa mill-istudji tgħammed u mar lura lejn pajjiżu, u hemm, bil-għajnuna ta’ oħtu, Santa Makrina, beda jinteressa ruħu aktar fil-Fidi, u beda dejjem aktar ifittex il-perfezzjoni.

Wara xi żmien Bażilju waqqaf l-ewwel monasteru ċenobitiku f’Pontu. Il-monaċi ċenobiti jgħixu ħajja ta’ eremiti, maqtugħin mid-dinja barra mill-monasteru, imma jgħixu wkoll bħala komunità. Minkejja li s-silenzju u l-kontemplazzjoni huma r-regola prinċipali, ikollhom mumenti ta’ rikreazzjoni u talb flimkien. Hu kiteb ukoll Regula għal din it-tip ta’ ħajja – b’hekk dal-qaddis baqa’ magħruf bħala missier il-monastiċiżmu tal-Lvant.

Lejn is-sena 360 inqala’ xi nuqqas ta’ qbil fit-tagħlim li wassal biex reġgħet tfaċċat l-ereżija serja ta’ Arju, li ċaħad id-divinità ta’ Kristu. Bażilju kien wieħed mill-ħafna eremiti li kellhom jitilqu mill-monasteri biex imur Kostantinopli u jiddefendi l-verità. Huwa żamm mad-duttrina li kienet ġiet definita fil-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, li Kristu huwa magħmul mill-istess sustanza tal-Missier u li hu daqsu u etern bħalu.

Fis-sena 365 ġie ordnat saċerdot u ħames snin wara sar l-isqof ta’ Ċesarija. Matul l-episkopat tiegħu ħadem ħafna biex iġib l-għaqda fost l-insara li żammew mal-Fidi u l-oħrajn li ngħaqdu ma’ xi moviment eretiku.

Hu kien wieħed minn ta’ l-ewwel qaddisin tal-Lvant li għarfu l-isqof ta’ Ruma (il-papa) bħala l-kap tal-Knisja kollha, fil-fatt għadhom jeżistu xi ittri li bagħat lill-Papa Damasu I li fihom ħeġġu biex jikkundanna kull ereżija li titfaċċa, mhux biss fil-Punent, imma fil-Knisja kollha.

Il-ħidma bla waqfien fid-djoċesi tiegħu, is-sagrifiċċji li kien jagħmel, flimkien ma’ marda fil-fwied wasslu biex Bażilju miet fl-età ta’ madwar 50 sena, fl-1 ta’ Jannar 379. Baqa’ magħruf bħala wieħed mill-ikbar qaddisin ta’ l-ewwel sekli tal-Knisja, u ġie ddikjarat Duttur tal-knisja għall-ħafna kitbiet li ħalla dwar id-duttrina tat-Trinità. Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit-2 ta’ Jannar.
 

Kitba ta’ Rev. Jonathan Farrugia;
Ritratti mill-Internet
 

basil_of_caesarea

“Il-Patrijiet Bażileni tal-Knisja Griega Melkite huma patrijiet li jużaw ir-rit Ortodoss tal-Lvant iżda li huma magħqudin mal-Knisja Kattolika ta’ Ruma.  Għalhekk huma differenti mill-Griegi Ortodossi li nqatgħu mill-Knisja ta’ Ruma wara x-xiżma bejn il-knejjes ta’ Ruma u tal-Lvant.”

Basilean Melkite Monks
St. Josephat's Monastry - Basilean Monks

Angelopoulos Byzantine Choir ikantaw biċċa mużika miktuba minn San Ġwann,
Surmast tal-Mużika Biżantina.

Artist Simon Kozhin St. Basil's Cathedral

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com