KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

San Leonardu ta’ Limoges
(San Anard Abbati, protettur
tal-Ħabsin u l-Ilsiera)

Skont il-ktieb Aurea Legenda (Leġġendi tad-Deheb) tal-1275 ta' Jacobus de Voragine Arċisqof ta' Ġenova, San Leonardu għex fis-sitt seklu ta' wara Kristu, iżda d-devozzjoni lejh kibret biss lejn is-seklu ħdax. Għalkemm dan it-test ma fiħ l-ebda valur ta' natura storika preċiża, jindikalna kemm kienu popolari ċertu qaddisin u jirrakkonta l-leġġendi marbuta magħhom. Fost dawn insibu l-istorja ta' San Anard.

Leonardu twieled għand familja nobbli fi Franza u kien midħla tar-Re Clovis I, ir-re tal-Franki. Ikkonverta għall-Kristjaneżmu flimkien mar-Re, u ġie mgħammed fil-Milied tal-496 minn San Remiġju, l-Isqof ta' Reims. Hu rrifjuta li jsir Isqof iżda talab lil Clovis biex jagħtih is-setgħa li jeħles lill-priġunieri meta jrid.

Leonardu sar raħeb f'Micy u għex ta' eremita f'Limoges. Permezz tat-talb tiegħu, ir-Reġina tal-Franki weldet tifel b'saħħtu wara li kellha ħlas diffiċli. B'ringrazzjament, ir-Re taħ art f'Noblac, xi 20 kilometru 'l bogħod minn Limoges. Hawn hu waqqaf l-abazzija ta' Noblac. Priġunieri li kienu jitolbuħ kienu jinħelsu b'miraklu mill-ktajjen tagħhom u kienu jmorru fl-abazzija f'pellegrinaġġ ta' ringrazzjament. Ħafna kienu jibqgħu hemm, jaħdmu l-art li kien jagħtihom sabiex ikunu jistgħu jaqilgħu il-ħobża ta' kuljum b'mod onest.

Jingħad li San Leonardu miet fis-sena 559 wara Kristu, iżda d-devozzjoni lejħ hija biss dokumentata mis-seklu ħdax 'l quddiem. Id-devozzjoni lejh xterdet bil-kbir ma' l-Ewropa kollha. Bħala eżempju, fil-belt ċkejkna ta' Inchenhofen fil-Bavarja hemm madwar 4000 każ dokumentat ta' grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu. In-nies kienet titolbu l-aktar għall-ħelsien mill-ħabs (priġunieri, lsiera u dawk maqbudin fil-gwerrer) kif ukoll dawk in-nisa li kienu wasslu biex iwelldu sabiex ikollhom ħlas ħafif. Fi tmiem is-seklu ħdax il-fama tiegħu kienet diġa mxerrda sew mill-kavallieri tal-kruċjati, l-aktar dawk li jkunu nqabdu mill-għadu Mislem.

San Leonardu ġeneralment jiġi raffigurat iżomm xi ktajjen f'idejħ. Il-festa tiegħu taħbat nhar is-6 ta' Novembru.

Il-Kult ta’ San Leonardu f’Malta

Alfie Guillaumier jidentifika 3 kappelli ddedikati 'l San Anard: waħda f'Ħaż Żabbar, waħda fis-Siġġiewi u l-oħra fil-Mosta. Jidher li kien hawn diversi kappelli oħra ddedikati lil dan il-qaddis imma spiċċaw (Ara wkoll in-nota tas-Sur Philip Xuereb aktar ‘l isfel). Fost dawn insibu waħda f'Ħal Balzan li kienet biswit il-kappelli ta' Santu Rokku u tal-Lunzjata. Din wara li ġiet ipprofanata, inbidlet f'dar privata.

Minn naħa tiegħu, il-Kanonku Grech Cremona minbarra l-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Kirkop, isemmi wkoll is-Santawarju tal-Lunzjata fil-Mensija li hu ko-dedikat lil San Leonardu, knisja oħra fil-Mosta u waħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żabbar li jiddeskriviha bħala fi stat ħażin ħafna. Hu jsemmi wkoll li l-Knisja ta’ San Publiju, fl-Għammar f’Għawdex kienet inbniet fuq uħra li oriġinarjament kienet iddedikata ‘l San Leonard. Isemmi wkoll il-Knisja ta’ San Leonardu f’Għajn Lukin bejn ir-Rabat u x-Xagħra li kienet ipprofanta fl-1644.

Il-Kanonku Grech Cremona isemmi wkoll devozzjonijiet lejn San Leonardu fil-knejjes tal-Lunzjata tal-Karmelitani fir-Rabat (statwa tal-qaddis), fil-Knisja parrokkjali taq’ Ħal Tarxien (artal iddedikat lill-qaddis), pittura sabiħa ta’ San Leonardu tal-pittir Ġużeppi Hyzler fil-kolleġġjata ta’ San Pawl fil-Belt Valletta u kwadru ieħor tal-Qaddis fil-Knisja tal-Vitorja f’Ħal Qormi.

Mill-banda l-oħra Nikol Ciantar, f'lista ippublikata fil-ktieb “Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex” (Novembru 2013), jidentifika 6 statwi u niċeċ li juru 'l dan il-qaddis. Dawn kollha jinsabu fit-toroq ta' Ħal Kirkop, raħal antik li l-parroċċa tiegħu hi ddedikata wkoll lil dan il-qaddis. Mhux magħruf kif id-devożżjoni lejn dan il-qaddis bdiet f’dan ir-raħal iżda wieħed jista’ jispekula li setgħet kienet xi devozzjoni ta’ xi ndividwu partikolari li x-xewqa tiegħu prevaliet meta, fl-1592, il-lokalita saret parroċċa.

F’Malta hawn erba' toroq imsemmijin għal San Anard u sitta msemmjijin għal San Leonardu. San Anard hu mfakkar b'misraħ f'Ħal Kirkop, b’toroq f'San u f'Ħal Tarxien u bi sqaq fiż-Żurrieq. L-isem ta' San Leonardu jidher fi pjazza fil-Mosta u f'toroq fil-Kalkara, f'Ħal Kirkop, fir-Rabat Għawdex, fix-Xgħajra u f'Ħaż-Żabbar.

Qaddisin u Beati b’isem Leonardu

L-isem Leonardu kien isem kemxejn popolari matul iż-żminijiet u hemm sitt qaddisin u erba’ beati li jġibu dan l-isem u għalhekk jista’ jkun hemm xi taħwid għal min wieħed ikun qed jirreferi. Il-Kanonku Grech Cremona jelenkahom hekk:

  • San Leonardu, Abbati f’Noblac fi Franza. Dan hu l-qaddis li qed niktbu fuqu f’dan l-artiklu. Hu miet madwar is-sena 559.
  • San Leonardu, Abbati ta’ Vandoevre, fi Franza li miet madwar is-sena 570.
  • Beatu Leonardu, Isqof ta’ Avranches fi Franza li miet madwar is-sena 614.
  • Beatu Leonardu, Eremita Benedittin f’Camaldoli fl-Itaja, li miet madwar is-sena 1250.
  • Beatu Leonardu, Abbati Benedittin f’Cava dei Tirreni fl-Italja li miet fl-1255.
  • San Leonardu ta’ Reresby ħdejn York fl-Ingilterra. Dan kien suldat tal-Kruċjati tas-seklu tlettax.
  • San Leonardu Wegel, Kappillan ta’ Gorkum fl-Olanda, li miet martri ma’ 18 oħrajn fid-9 ta’ Lulju, 1572.
  • Beatu Leonardu Kimura, Brother Ġiżwita f’Nagasaki fil-Ġappun, li miet maħruq ħaj fl-1619.
  • San Leonardu minn Porto Maurizio fl-Italja. Saċerdot Fraġiskan tal-Minuri Reformati, li miet f’Ruma fis-26 ta’ Novembru, 1751.
  • San Leonardo Murialdo, saċerdot minn Turin fl-Italja, fundatur tal Kongregazzjoni tal-Ġużeppini. Miet fl-1900.

L-Ilsiera

Il-jasar hu istituzzjoni antika ħafna. Saħansitra nsibu referenza għall-ilsiera fil-Babilonja tal-qedem, fosthom il-Lhud li ttieħdu hemm wara l-waqa' ta' Ġerusalemm. Ruma klassika wkoll inbniet bl-ispallejn tal-iskjavi. Fiż-żminijiet Medjevali, forsi minħabba t-tixrid tal-Kristjaneżmu kif ukoll bl-iżvilupp tas-sistema fewdali, il-qbid tal-ilsiera beda jiġi ndirizzat l-aktar lejn il-pajjiżi tal-Mislem. Huwa stmat li waqt il-ħakma tal-Kavallieri f'Malta, kien ikun hawn madwar 2000 skjav jaħdmu fuq il-bini ta' swar, qdif fuq il-bastimenti tal-Ordni, bini tal-vapuri u xogħol ieħor. Dawn kienu jirrapreżentaw madwar 5% tal-popolazzjoni u kellhom ċertu influwenza fuq dawk ta' madwarhom. Alessandru Bonnici jikkwota lill-Inkwiżitur Federico Borromeo, li fl-1653 jatribwixxi ħafna mis-superstitzzjonijiet, inkluża dik tal-għajn jew magħmul, lil dawn l-iskjavi.

Iżda bħalma l-Kavallieri kienu jirbħu 'l għadu fuq il-baħar u jaqbdu xi priża li jkollha numru sostanzjali ta' Misilmin fuqha li jkunu jistgħu jiġu mjassrin, kultant kienet tiġi ħażina u jkunu l-isara li jispiċċaw f'idejn il-Mislem. Biex nisrani kien jista' jeħles mill-jasar, kien ikollu jew jaqleb twemminu, jew jiġi mibdul ma' skjav ieħor jew jitħallas riskatt għaliħ. Iżda kemm il-bdil kif ukoll ir-riskatt kien iġib il-problema tal-istima tal-valur monetarju tal-iskjav. Naturalment, xi ħadd li kien ġej minn familja sinjura kellu aktar possibilta li jinħeles minn xi ħadd ġej minn familja fqira.

Wara priedka mqanqla fl-1607 minn Patri Rafel, Kapuċċin Taljan, kif ukoll bl-għajnuna ta' xi kavallieri, l-Ordni ta' permess biex jitwaqqaf il-Monte di Redenzione degli Schiavi, speċi ta' fond biex ikunu jistgħu jinfdew u jinxtraw lura Nsara maqbudin bħala lsiera mill-Mislem. Il-ħsieb kien li kemm is-sinjuri kif ukoll il-foqra li jinqabdu bħala lsiera jkunu jistgħu jinfdew. Għalkemm diffiċli tgħid kemm kien joħroġ għal kull individwu partikolari peress il-prezz kien ivarja skont għadd ta' parametri, il-fond kien joħroġ sa madwar mitejn skud biex jifdi kavallier (li imbagħad kellu jirrifondi s-somma lura) u sa madwar sebgħin skud għal insara oħrajn. Il-Gran Mastru Wignacourt appunta 4 Kummissarji, avukat u 'l Patri Rafel innifsu biex imexxu l-fond. Dan kien tant immexxi tajjeb, li malajr akkwista assi kbar li gew investiti f'artijiet u propjeta.

Il-fond ħa spinta 'l quddiem meta fl-1619 l-armla Katerina Vitale ħallietlu ġidha kollu fil-wirt, li kien jinkludi l-artijiet kollha fejn aktar tard inbena l-Palazz ta' Selmun u li appuntu jġib ukoll l-arma tal-Monte della Redenzione fuq il-bieb prinċipali tiegħu. F'dan il-Palazz, li hu maħsub li nbena fuq disinn ta' Domenico Cachia fl-1619, hemm ukoll kappella ddedikata lill-Madonna tar-Riskatt, bi kwadru titulari mpitter minn Antoine Favray fis-seklu tmintax. Dan il-kwadru juri 'l Madonna, raffigurazzjoni ta' Malta, xi lsiera meħlusin kif ukoll 'l Katerina Vitale li kienet il-benefattriċi ewlenija ta' dan il-fond. Katerina, li kellha wkoll ħanut ta' spiżerija, kienet għamlet it-testment tagħha fi Sqallija fl-1618 u mietet sena wara. Il-fdalijiet tagħha nġabu lura f'Malta u tqiegħdu fil-knisja tal-Karmelitani fil-Belt. Meta l-knisja kienet reġgħet inbniet, il-lapida tal-qabar tagħha nżammet u twaħħlet mal-ħajt tal-knisja l-ġdida.

Dan ma jfissirx li qabel ma twaqqaf il-Monte di Redenzione degli Schiavi qatt ma kien sar xejn. Meta fl-1551 Dragut kien attakka 'l Għawdex u jassar il-popolazzjoni kollha tagħha, il-Papa Ġulju III ta ndulġenza 'l dawk li taw il-flus biex jinfdew l-Għawdxin u l-Isqof Cubelles kien ordna l-ġbir mill-knejjes għall-istess għan. Iżda dawn kienu inizzjattivi mbuttati minn xi diżgrazja partikoloari. Il-fond kien inizzjattiva li fittxet li tiġbor il-fondi b'mod regolari.

L-iskjavitu spiċċa darba għal dejjem minn Malta mal-miġja tal-Franċiżi fl-1798. Waħda mill-miżuri li Napuljun ħa fil-ftit jiem li għamel hawn kienet li jabolixxi l-jasar u li jeħles l-ilsiera kollha li kien hawn f'Malta dak in-nhar. Għaldaqstant l-iskop tal-fond kien intemm. In-nutar Emanuele Vitale, qarib ta' Katerina u li wara sar il-Kmandant tal-forzi Maltin waqt l-imblokk tal-Franċiżi f'Malta, kien ipprova jfittex li jieħu lura l-assi li kienet ħalliet Katerina lill-fond, għax, kif argumenta hu, il-fond ma setax aktar jibqa' juntuża għall-iskop oriġinali tiegħu ladarba il-jasar kien abolit. Kif wieħed jista' jimmaġina, dan ma rnexxilux.

Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti mill-Internet

Kitbilna is-Sur Philip Xuereb

Nota mibgħuta mis-Sur Philip Xuereb ftit sigħat wara li dehret din il-paġna. Nirringerazzjawħ tal-interess li għandu fis-sit tagħna u tal-informazzjoni li bagħtilna.

“Kont qed nara l-updates li daħlu llum fis-sit tagħkom u rajt it-tagħrif dwar San Anard. Issemma li jinsabu tliet kappelli/knejjes iddedikati lil dan il-qaddis. Fl-imgħoddi, minħabba ċ-ċirkustanzi u l-possibilta li nies tinqabad fil-jasar, dawn kienu aktar. Irrid hawn insemmi biss li kien hemm waħda f'Birkirkara, f'Ħas-Sajjied, qrib fejn illum hemm il-knisja tal-Vitorja, li minn tagħrifa verbali li għandi, l-aħħar fdal taghha spiċċaw għal kollox xi 20-25 sena ilu minħabba żvilupp fis-sit. Din il-kappella kienet waħda minn dawk li għaddiet mill-għarbiel ta' Dusina fl-1575, li qal li kellha artal, bibien tal-injam u paviment u jiddeskriviha bħala "deċenti" - irridu niftakru li ż-żjara ta' Dusina kienet biss 10 snin wara l-ħerba tal-Assedju l-Kbir. Iżda sal-1716, fiż-żjara tal-Isqof Cannaves, ma tiffigurax aktar fost il-kappelli tar-raħal, iżda San Anard kien inkluż fil-kwadru titulari tal-kappella tal-Vitorja f'Ħas-Sajjied stess.”

Insellmilkom - Philip

San Leonardu iharrab Prigunier - mill-Leggenda Aurea
Statwa ta' San Leonardu fi Frankfurt

“Priġunieri li kienu jitolbuħ kienu jinħelsu b'miraklu mill-ktajjen tagħhom u kienu jmorru fl-abazzija f'pellegrinaġġ ta' ringrazzjament. Ħafna kienu jibqgħu hemm [f’Noblac], jaħdmu l-art li kien jagħtihom sabiex ikunu jistgħu jaqilgħu il-ħobża ta' kuljum b'mod onest.”

Mappa antika ta' Limoges
Vara ta' San Leonardu ta' Hal Kirkop, Malta
Muzajk li juri lil San Leonardu
Il-Galera tas-Sultan - Muzew Marittimu ta' Istanbul
Selmun Favray - Ritratt Caroline Busuttil
Il-Kastell ta' Selmun - Ritratt ta' Caroline Busuttil
L-iskjavitu spicca meta wasal Napuljun f'Malta
Patrijiet jirhanu l-iskjavi Nsara

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com