KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Isqfijiet ta’ Malta

Jeżistu għadd ta’ listi ta’ Isqfijiet Maltin, fosthom dawk ta’ G.A. Vassallo u Achille Ferres fi żminijiet aktar imbegħdin. Għal din il-lista tagħna sa ma ġew in-Normanni f’Malta qadna fuq il-listi mogħtija fil-ktieb tal-Mons. Arthur Bonnici ("A History of the Church in Malta", li jimxi l-aktar fuq il-listi ta’ Gams Pius Bonifacius, Eubel Conradus u Abela-Ciantar) u l-ktieb ta’ Mons. Joseph Bezzina ("L-Istorja tal-Knisja f’Malta"). Għall-ismijiet tal-isqfijiet ta' Malta minn żmien in-Normanni sal-Kavallieri ikkonsultajna l-aktar il-ktieb tal-Mons. Vinċez Borg ("Melita Sacra I - The Maltese Diocese and the Sicilian Environment from the Norman Period to 1500") peress li l-ktieb tiegħu hu l-aħħar wieħed li kien ippublikat (2008) kif ukoll għax il-lista li jagħti fiha d-dettallji kollha tad-dokumenti li jirreferi għalihom.

Inċidentalment, għal min irid jaqra jew iniżżel il-ktieb kollhu ta’ Achille Ferres, jista’ jaqbad ma’ din il-link tal-Google Books.

L-ewwel Isqof ta' Malta

L-Atti tal-Appostli jiddeskrivu l-miġja ta' San Pawl f'Malta bid-dettall. Għalkemm l-Atti ma jindikawx b'mod definittiv jekk San Pawl evanġeliżżax lill-Maltin jew le jew jekk kienx hemm xi konverżjonijiet, wieħed ma jistax jimmaġina li San Pawl għamel tlett xhur f'Malta mingħajr ma sab l-okkażjoni biex jitkellem fuq Kristu, bħalma kien għamel f’Ateni meta ġietu l-opportiunità. Għalkemm il-bniedem fin-natura tiegħu mhux la kemm jaqbad u jibdel twemminu kif ġie ġie, hu wisq probabbli xi wħud setgħu qalbu l-fidi tagħhom għal dik Kristjana.

Meta kien f'Malta San Pawl qagħad għand Publiju, il-Protos tal-gżira. It-titlu ta' Protos jindika li Publiju kien bniedem prominenti li fil-kultura Punika kien ifisser ukoll li kien uffiċċjal kap bi dmirijiet speċifiċi kemm ta' natura fiskali kif ukoll dawk ta' natura reliġjuża. It-tradizzjoni tgħidilna li qabel ma telaq minn Malta, Pawlu għamel lil Publiju presbiteru u isqof. Għalkemm mhix dokumentata, din mhix ħaġa impossibbli, għaliex nafu li Pawlu meta kien iwaqqaf Knisja kien iħalli l-presbiteri biex jieħdu ħsiebha (Ara bħal eżempju l-Atti 14,21-28). Iżda fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni jew provi ċari oħrajn, irridu noqgħodu biss fuq it-tradizzjoni, u tajjeb li wieħed iżomm dan ukoll f’rasu.

L-Għażla tal-Isqof

Wisq probabbli li fl-ewwel sekli tal-ewwel millenju il-komunità f’Malta kienet tagħżel hija stess l-Isqof tagħha. Il-Papa Girgor I (590-604) jgħid lill-Ġwanni, Isqof ta’ Sirakuża, biex iħajjar lill-“kleru u l-poplu (Malti) biex jeleġu isqof ġdid minn fost il-kleru” minflok ċertu Lucillus li kellu jitwarrab. Din għalhekk kienet is-sistema ta’ kif kien jintagħżel l-isqof f’dawk iż-żminijiet. Il-kleru kien jinnomina xi ismijiet u l-fidili kienu jagħżlu isem, liema isem imbagħad kien jiġi approvat mill-kleru. Il-persuna nominata kienet tiġi approvata minn isqfijiet oħra tal-viċin u kkonsagrata isqof mill-Isqof Metropolitan, megħjun minn żewġ isqfijiet Provinċjali oħra. Mis-seba’ seklu ‘l quddiem il-kleru u xi ċittadini prominenti (imsejħa “primates”) kienu jipproponu tlett ismijiet li minnhom kien jintagħżel l-Isqof mill-Isqof Metropolitan. Iżda m’għandna l-ebda dokumentazzjoni jekk attwalment kienx isir hekk jew le f’Malta wkoll. Aktar tard, kien ikun ir-Re li jinnomina 'l min irid isir Isqof ta' Malta.

Isqfijiet ta’ Malta fl-ewwel Millenju

Il-lista tal-Isqfijet ta’ Malta fl-ewwel Millenju hija nieqsa għall-aħħar mid-dokumentazzjoni u għalhekk diffiċċli li qatt xi darba tista' titkompla u ssir sħiħa. Skont it-tradizzjoni, Publju kien l-ewwel Isqof ta’ Malta. Iżda dan jissemma bħala tali biss fil-Martirologu tal-Venerabbli Bede fit-tmin seklu u jerġa’ jissemma’ darb’oħra fil-Martirologu ta’ Adonis fid-disa’ seklu. Dawn iżidu wkoll li Publiju wara sar Isqof ta’ Ateni fejn ħa l-martirju.

It-tieni isem li jissemma’ bħala Isqof ta’ Malta kien ċertu Acacius. Dan l-isem jidher 3 darbiet (bħala Melitenus Episcopus, Melitenæ Episcopus u Melitenorum Episcopus), darbtejn minnhom f’dokumenti relatati mal-Konċilju ta’ Kalċedonja fl-451 imsejjaħ mill-Papa Ljun I. Iżda wħud, fosthom il-Konti G.A. Ciantar, isostnu li dan ma kienx l-Isqof ta’ Malta iżda l-Isqof ta’ Melitene, fl-Armenja. L-istess nistgħu ngħidu għal Constantinus, Episcopus Melitenensis, li fl-501 issejjaħ mill-Papa Symmachus għall-ħames Sinodu ta’ Ruma. Il-Konti Ciantar hawn ukoll jinnota li dan kien jiffirma bħala Episcopus Melitenensis u mhux Melitensis.

L-ewwel Isqof ta’ Malta dokumentat kien Julianus, li f’dokument tal-553 tal-Papa Vigilius, insibuħ imniżżel bħala Julianus Episcopus Melitensis. Peress li fl-istess dokument insibu wkoll ċertu Alessandru Episcopus Melitenæ (ie. ta’ Mileto fil-Kalabrija), għalhekk nafu li ma jistax jiġi mifxul mal-Isqof ta’ Melito, li kienet l-unika belt li isimha kien qrib dak ta’ Malta f’dan id-dokument.

Isqof ieħor ta’ Malta li kien dokumentat kien Lucillus, Melitinæ Civitatis Episcopus. Ismu jidher f’ittra tal-Papa Girgor I li semmejna aktar ‘l fuq. Sfortunatament dan l-isqof nafu biħ biss minħabba abbużi li kien wettaq u għall-fatt li kellu jitwarrab.

Fil-599 laħaq Trajanus, Abbati Benedittin, minflok Lucillus, li kien twarrab. L-ewwel refernza li għanda għal dan kien fis-603, fis-sena li miet.

L-aħħar isem ta’ Isqof ta’ Malta li nafu biħ qabel il-ħakma Għarbija kien ta’ Manas, li skont Gian Frangisk Abela, jingħad kien attenda għat-tmien Konċilju Ekumeniku ta’ Kostantinopli fit-868. Iżda l-firma tiegħu ma tinsab imkien fid-dokumenti li għad fadlilna llum ta’ dak il-Konċilju.

Mill-banda l-oħra, nafu minn dokument ieħor tat-878 li l-Isqof ta’ Malta, li ismu ma jissemmiex, kien diġà priġunier tal-Għarab fil-ħabs ta’ Palermo meta dawn ħadu lil Sqallija taħt idejhom. Din l-ittra tiddeskrivi lill-Isqof ta’ Malta bħala “raġel twajjeb”. Aktar tard fit-883, il-Papa Marinu I kien kiteb lill-Emir ta’ Sqallija sabiex jeħles lill-Arċisqof ta’ Sirakuża u lill-Isqof ta’ Malta mill-ħabs.

In-Normanni u wara

Il-miġja tan-Normanni fl-1091 ma ġabitx bidla fit-tmexxija ta’ Malta mill-ewwel għax il-Konti Ruġġieru ħalla t-tmexxija f’idejn l-Għarab sakemm dawn baqgħu iħallsu l-ħaraġ. Kien biss fl-1127 li l-Ruġġieru II, bin il-Konti Ruġġieru, reġa’ nvada l-gżira u ħadha direttament taħt idejħ.

Fl-ewwel snin tal-ħakma Normanna jissemmew xi isfijiet li, iżda, hemm konfużjoni dwar jekk kinux isfijiet ta’ Malta jew isfijiet ta’ Mileto fil-Kalabrija. Fost dawn jissemmew Gualtierus li ffirma dokument bħala Episcopus Melevitanus fl-1089, Brialdu li jingħad li waqqaf il-purċissjoni “ta’ San Girgor” u li ismu jidher f’dokument tal-Konti Ruġġieru tal-1095 u Joannes, Episcopus Melitensis li ismu jidher fuq dokument tal-Papa Baskal II fl-1113.

Fl-1121 insibu referenza għall-ewwel isqof li nafu biċ-ċert li kien Isqof ta’ Malta. Dan kien Rainaldus, Episcopus Melitensis, li l-firma tiegħu tidher f’dokument tal-Papa Kallistu I tal-1121. Dan id-dokument li għandna mhux oriġinali: huwa kopja ta’ dokument ieħor iżda l-kontentut tiegħu jidher li hu validu. F’dokument ieħor li jġib id-data biss ta’ jumejn wara ta’ dan li qed insemmu, jissemma ċertu Gaufridus Isqof ta’ Mileto. Għalhekk dan juri li l-Isqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Melito kienu żewġ persuni differenti u distinti minn xulxin.

Fl-1154, il-Papa Adrijanu IV iddikjara lil Malta, flimkien ma’ Agriġento u Mazzara fi Sqallija, bħala djoċesi suffraganja tad-djoċesi ta’ Palermo.

Isqof ieħor li ismu jidher fil-listi ta’ Bonnici u ta’ Bezzina iżda mhux fil-lista ta’ Borg hu l-Isqof Stefanus, għalkemm irridu nżidu li Bezzina jqiegħed is-sinjal “?” ħdejn dan l-isem. L-ewwel darba li jissemma’ dan l-isqof kien f’dokument tal-1140. Jista’ jkun li dan hu l-istess isqof li kien Isqof ta’ Malta meta d-djoċesi ta’ Malta saret suffraganja tad-djoċesi ta’ Palermo (1154) u li fil-lista ta’ Borg jidher bħala “Bishop 02 – NN”. Jista’ jkun hekk għax isem Stefanus jerġa’ jidher f’dokument ieħor tal-1157 – dejjem sakemm dan Stefanus kien Isqof ta’ Malta u mhux ta’ Melito.

Minn dawn id-dati ‘l quddiem, qed nimxu mal-lista ta’ Mons. Vinċenz Borg, ippubblikata fil-ktieb tiegħu tal-2008 “Sacra Melita I - The Maltese Diocese and the Sicilian Environment from the Norman Period to 1500”. Għalhekk, min irid ħafna aktar dettalji fuq id-dokumenti li l-Mons. Borg ibbaża l-lista tiegħu jista’ jirreferi għall-ktieb li semmejna. Dawk l-isfijiet indikati bħala NN ifissru li hemm dokumentazzjoni li kien hemm “Isqof ta’ Malta” iżda li ismu mhux magħruf jew ma jissemmiex.

Dati fl-ewwel millenju jindikaw meta jissemmew u mhux meta saru Isqof ta’ Malta.

Il-wasla tal-Ordni ta' San Ġwann

Fl-1530 wasal l-Ordni ta' San Ġwann f’Malta. Dan ikkoinċida, bejn wieħed u ieħor, mal-Konċilju Ekumeniku ta’ Trentu (1545-1563) meta l-Knisja Kattolika bdiet tagħmel, fost ħwejjeġ oħra, aktar enfasi fuq id-dokumentazzjoni.  F'dak iż-żmien l-Isqfijiet kienu obbligati jagħmlu żjarat fil-Kappelli u Knejjes żgħar fuq bażi regolari. Huma kienu jagħmlu rapport fuq dak li kienu jsibu, u f'ċertu każijiet meta kienu jaraw li l-knejjes kienu spiċċaw fi stat ħażin ħafna kienu jipprofanawhom (“jiddekonsagrawhom”).

 

StPeterConsacratingBishopHermagoras - Wikipedia
St. Paul heals Publius' father
Wikipedia-Pope Vigilius
Count Roger II

L-Ewwel Millenju

60 – 67

Publiju, Protos ta' Malta. Isqof ta' Malta skont it-tradizzjoni.  Imsemmi għall-ewwel darba bħala Isqof ta' Malta biss f’Martirologu tat-8 seklu

451

Acacius taħt Papa Ljun I fil-Koncilju ta Kalcedonja.  Jista’ jkun li kien Isqof ta’ Melitene fl-Armenia u mhux l-Isqof ta’ Malta.

501

Kostantinu taħt Papa Simmaku fil-5 Koncilju ta Ruma. Jista’ jkun li dan ukoll kien Isqof ta’ Melitene fl-Armenia u mhux l-Isqof ta’ Malta.

533

Julianus, l-ewwel wieħed li nafu bieh u li għandu bażi storika.

598

Luċillu taħt Papa San Girgor,  li neħħieħ mill-kariga minħabba abbużi.

599

Trajanu , li laħaq flok Luċillu u li kien Abbati f’Monasteru f’Sirakuża.

868

Manas taħt Papa Adrianu II fit-8 Koncilju ta Kostantinopli. Probabbli li kien l-istess “Isqof ta’ Malta” li spiċċa priġunier Sqallija taħt il-ħakma Għarbija.

 

870-1091 - 231 sena taħt il-ħakma Għarbija

 

1091

Gualtieri taħt Papa Urbanu II sar Isqof fi żmien il-miġja tal-Konti Ruġġieru.  Mhux ċert jekk kienx l-Isqof ta’ Mileto fil-Kalabrija jew Isqof ta’ Malta.

1095

Brialdo taħt l-istess Papa Urbanu II.  Mhux ċert jekk kienx l-Isqof ta’ Mileto fil-Kalabrija jew Isqof ta’ Malta.

1113

Ġwanni taħt Papa Baskal II.  Mhux ċert jekk kienx l-Isqof ta’ Mileto fil-Kalabrija jew Isqof ta’ Malta.

 

Wara Ruġġieru II - Il-lista ta’ Mons. Vinċenz Borg (2008)

 

1122

Rinaldus taħt Papa Kallistu II

1154

Bishop 02 – NN.  Jista jkun li hu Stiefnu tal-listi ta’ Bonnici u Bezzina,  maħtur mill-Papa Innocent II u li jissemma’ f’dokument tal-1140. 

1168

Johannes I taħt Papa Alessandru III

1205-1206

Bishop 04 – NN.

1211-1224

Johannes II

1251

Ruggerius ta’ Ċefalù

1254-1257

Bishop 07 - NN

1259

Jacobus (minn Mileto), Dumnikan

1267

Magister Marinus minn Sorrento

1268

Johannes Normandus.  Irriżenja minn Isqof ta’ Malta

 

1268-1272

Is-Sede ta’ Malta baqgħet vakanti

 

1272

Imlaħħaq Prokuratur li ismu mhux magħruf biex jieħu ħsieb is-Sede ta’ Malta

1272/73-1297

Jacobus ta’ Malta O.Min.  Patri tal-Ordni Minuri.  Qatta’ s-snin 1282-1283 fl-eżilju wara li tkeċċa minn Malta mill-Aragoniżi wara l-“Vespri Siciljani”.

 

1299-1304

Is-Sede ta’ Malta baqgħet vakanti

 

1304-1322

Nicolaus, li kien Dekan tal-Katidral ta’ Sirakuża.  L-aħħar li nisimgħu dwaru hu fl-1322, iżda ma nafux meta attwalment miet.

1332-1333

Alduinus

1334-1341

Henericus minn Ċefalù.  Patri Franġiskan Minuri Sqalli taħt Papa Ġwanni XXII.  Miet f’Malta 1341 u ġie midfun fil-Katidral

1342-1343

Nicolaus Boneti O.Min. Patri Frangiskan Osservanti.  Uħud jgħidu, b’mod żbaljat, li miet f’Malta fl1360 iżda llum nafu li kien diġà miet sa Ottubru tal-1343 meta laħaq ta’ warajħ.

1343-1346

Ogerius, taħt Papa Klement VI

1346-1356

Jacobus O.P., Patri Dumnikan

1356-1370

Hilarius Corradus O.S.A., Patri Agostinjan.  Il-Professur Fiorini, f’artiklu fil-Melita Historica, jissuġġerixxi (“hazard a guess”) li l-parroċċi f’Malta seta’ waqqafhom l-Isqof Hilarius bejn l-1356 u l-1370 peress li hu dokumentat li kien attwalment ġie f’Malta u billi kien magħruf għall-ħerqa li kellu biex jieħu ħsieb il-merħla tiegħu.  Nafu żgur li fl-1366 kien joqgħod għand Don Bartolomeus Axac.

1371-1371

Antonius de Musto O.Min, Patri Frangiskan Osservanti

1371-1375

Corradus

1375-1392

Antonius de Vulponno O.S.B., Patri Benedittin taħt Papa Girgor XI.

[1392-1393]

Niccolò Papalla inħatar mhux mill-Papa iżda mill-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina u aċċettat mir-Re Martinu bħala amministratur tad-djoċesi.  Sal-1393 id-dokumenti Rjali kienu jirreferu għalih bħala “electus episcopus”.  Qatt ma kien effetivament ikkonsagrat bħala Isqof ta’ Malta. Fl-1393 waqt rewwixta dan Papalla sparixxa u ħasbuh li kien miet.  Poġġew Patri Franġiskan minfloku, Patri Giovanni Despi (jew de Pino) iżda dan kellu jitwarrab meta reġa’ tfaċċa Papalla.  Fl-1394 Papalla ġab approvazzjoni għall-ħatra tiegħu m’għand l-Antipapa Benedittu XIII.  Għalhekk fl-1393 kien hawn isqof maħtur mill-Antipapa (Niccolò Papalla) u għalhekk mhux rikonoxxut bħala isqof leġittimu u ieħor, (Maurus Calì), li kien rikonoxxut bħala isqof leġittimu iżda li ma kellux dħul għax mhux rikonoxxut mir-Re.  Ir-Re Martinu ż-Żgħir għaraf lill-Isqof Maurus Calì bħala l-Isqof ta’ Malta biss fl-1398,

1393-1408

Maurus Calì O.S.B., Patri Benedittin taħt Bonifaċju IX

[1408-1409]

Michele de Lettras mill-Katalunja Franġiskan Minuri Osservanti, imlaħħaq mir-Re Martinu ż-Żgħir b’setgħat mogħtija lilu mill-Antipapa Benedittu XII.  Bl-istess mod laħaq Giovanni Eximenes, Patri Franġiskan ukoll, li ġie mlaħħaq isqof minn Martinu l-Kbir, missier Martinu ż-Żghir li laħaq Re wara li ibnu kien miet. 

1409

Antonius Platamone O.S.B., Patri Benedittin li kien isqof ta’ Kreta, imlaħħaq minn Papa Alessandru V.  L-Antipapa Benedittu XII baqa’ jsejjaħħlu bħala l-Isqof ta’ Retymo (fi Kreta), li timplika li ma kienx jirrikonoxxiex bħala Isqof ta’ Malta.  Fi żmien Platamone, kien hemm ukoll Andreas de Vaccarinis, li kien appuntat isqof tas’ Malta mill-Antipapa Benedittu XIII fl-1414.

1418-1420

Johannes Eximius (jew Ximenes/Eximenes) O.Min.  Dan kien ġie appuntat isqof ta’ Malta mir-Re Martinu l-Kbir bl-approvazzjoni tal-Antipapa Benedittu XIII.  Mal-ħatra tal-Papa Martinu V ix-Xiżma fil-Knisja Kattolika intemmet u dan il-Papa rrikonoxxa ‘l Johannes Eximius bħala Isqof ta’ Malta.

1420-1432

Maurus Calì O.S.B., Patri Benedittin li reġa' ġie maħtur Isqof ta’ Malta taħt Papa Martinu V.  Bejn l-1423 u l-1425 inqabad, possibilment minn Malta stess, u ġie meħud priġunier f’Tunis mill-furbani.  Irriżenja minn Isqof ta’ Malta fl-1432 u miet fl-1433.

1432-1445

Senatore de Mello minn Noto fi Sqallija li nħatar Isqof ta’ Malta mill-Papa Ewġenju IV.  Fi żmienu jissemma’ għall-ewwel darba l-Uffiċċju tal-Inkwiżitur f’Malta, li kien jieħu ħsiebu ċertu Fra Mathheus de Melita.  Fi żmienu wkoll sar l-hekk imsejjaħ "Rollo" sabiex isir il-qsim preċiż tal-obbligi bejn il-kleru ta’ Malta u dak ta’ Għawdex.  F’dan ir-Rollo, jissemmew għall-ewwel darba f’dokument 10 parroċċi rurali f’Malta.  Il-parti dwar Għawdex intilfet.  Jingħad ukoll li fi żmien De Mello twaqqfet l-ewwel Konfraternità f’Malta, fil-knisja tal-Lunzjata fil-Birgu.

1445-1447

Jaymus de Paternò, O.S.B., Patri Benedittin

1447-1478

Antonius de Alagona O.Cist. Patri Ċisterjan fil-monasteru ta’ Roda, fid-djoċesi ta’ Zaragoza fi Spanja.  Irriżenja minn Isqof ta’ Malta fl-1478.

1479-1489

Johannes de Paternò O.S.B., Patri Benedittin minn Katanja taħt Papa Sistu IV. Wara li fis-sena 1489 kien bidel id-djoċesi tiegħu ma’ dik tal-Isqof ta’ Palermo, ġie magħmul Kardinal meta kellu 80 sena u miet Ruma fl-1511.

1489-1490

Petrus de Foix, Kardinal. Kien Isqof ta’ Palermo u bil-permess ta’ Papa Innoċenzju VIII partat id-djoċesi tiegħu ma’ Giovanni Paternò u sar Isqof ta’ Malta fl-1489. Miet Ruma fis-sena 1490.

1491-1495

Paolo di Cavalleria O.S.B., Patri Benedittin taħt Papa Innoċent VIII.  Miet Catania fis-sena 1495 jew fil-bidu tas-sena 1496.

1495-1501

Jaymus Valguarnera, Nobbli minn Sqallija. Jidher kien ikun nieqes ħafna minn Malta tant li r-Re Ferdinandu ta’ Aragona, ki kien jaħkem ‘l Malta dak iż-żmien, kiteb ittra lill-Vici-Re ta Sqallija dwar dan.

1501-1503

Antonio Corsetto UID, studjuż b’Dottorat fil-Liġi minn Noto Sqallija taħt Papa Alessandru VI. Miet Ruma s-sena f’Ottubru tal-1503.  Jidher li qatt ma ġie Malta.

 

1503-1505

Is-Sede ta’ Malta baqgħet vakanti

 

[1506 - ftit xhur]

Johannes de Castro, Kardinal, Amministratur tas-Sede ta’ Malta.

[1506-1509]

Bandinellus de Sauli, Kardinal, Amministratur tas-Sede ta’ Malta.

1509-1513

Bernardinus de Bononia, minn Palermo.  Fl-1512 kien ġie nominat bħala Arċisqof ta’ Messina.  Miet f’Palermo fl-1513

1512-1514

Johannes de  Pujades, taħt Papa Ġulju II. Jidher li qatt ma kien ġie Malta.

1514-1515

Johannes de Sepulveda.  Isqof Spanjol taħt Papa Ljun X. Sena wara irreżenja minn Isqof ta’ Malta.

1516

Bernardinus Catagnano minn Pisa. Isqof taħt Papa Ljun X u duttur tal-liġi. Miet fis-sajf tas-sena ta’ wara.

[1516]

Raphael Riario, Kardinal.  Mhux nominat Isqof ta’ Malta iżda inagħta s-setgħa mill-Papa Ljun X li jgawdi mid-dħulijiet tas-Sede tal-Isqof ta’ Malta (“Camerarius”).  Iżda jista' jkun li tilef din is-setgħa dik is-sena stess billi kien indikat bħala li kien imdaħħal f’kumplott kontra l-istess Papa.  Kienet inqatgħetlu għall-mewt iżda s-sentenza ġiet mibdula f’multa qawwija u konfiska tal-beni ekkleżjali kollha li kellu. Il-Kardinal Riario irriżenja minn “Cameriarius” ta’ Malta fl-1520, ftit qabel ma miet.  Dan ifisser li, minkejja kollox, Riario seta’ kien baqa’ jżomm id-dħul mis-Sede ta’ Malta.

1520-1523

Bonifacius Catagnano, minn Pisa.  Sar Isqof ta’ Malta taħt Papa Ljun X wara li l-Kardinal Riario irriżenja minn “Cameriarius” ta’ Malta.

1523-1528

Carolus Urries, nobbli minn Sqallija ta’ dixxendenza Spanjola. Miet fl-1528.  Urries kien ġie Malta fuq l-ordni tar-Re Karlu V biex jamministra s-Sagrament tal-Konfermazzjoni.  Xi wħud ma jqisuħx bħala Isqof ta’ Malta peress li sa mill-1523 is-Sede ta’ Malta kienet inagħtat mill-Papa Klement VII lil Hieronymus Ghinucci biex jamministraha.

 

[1523-1535]

Is-Sede f’Amministrazzjoni

 

1536-1538

Hieronymus Ghinucci.  Kien ukoll nominat biex ikun Isqof ta’ Worcester fl-1522.  Kien ħabib tar-Re Neriku VIII tal-Ingilterra, iżda minħabba ċ-ċirkostanzi li seħħew fl-Ingilterra, din is-Sede qatt ma ħadha.  Kien l-ewwel Amministratur tas-Sede ta’ Malta u mbagħad, kif (kellu) jirrinunzja dik tal-Ingilterra fl-1535, seta’ jieħu dik ta’ Malta.  Sar Isqof ta’ Malta fl-1536.

 

Fl-1530 wasal l-Ordni ta' San Ġwann f’Malta

 

1530

Balthassar Waltkrik, Ġermaniż li miet ftit xhur wara li laħaq Isqof ta’ Malta mingħajr ma anqas kellu opportunità jżur id-djoċesi ta’ Malta.  Fi żmienu, ir-Re Karlu V ta ll Malta lill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann.  Kien l-aħħar Isqof ta’ Malta li kien nominat mir-Re ta’ Spanja.  Xi wħud ma jqisuħx bħala Isqof ta’ Malta peress li sa mill-1523 is-Sede ta’ Malta kienet inagħtat mill-Papa Klement VII lil Hieronymus Ghinucci biex jamministraha.

1538

Fra Thomas Bosio, Taljan minn Asti, Viċi-Kanċillier tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan kien l-ewwel wieħed li nħatar taħt l-Ordni.  Ħu dan l-Isqof, Gian. Bartolomeo, kien missier Giacomo li kien l-istoriku tal-Ordni li ħallielna ħafna dettallji dwar l-Assedju l-Kbir tal-1565.

1537

Fra Antonio Bosio ta’ Asti, Vici Kancillier tal-Ordni ta’ San Ġwann

1541

Domenico Cubellas, Prijur tal-Ordni

1567

Martino Royas, Vici Kancillier tal-Ordni

1578

Tommaso Gragallo, Vici Kancillier tal-Ordni

1615

Don Baldassare Cagliares, Uditur tal-Gran Mastru

1636

Fra M. Giov. Balaguer Camarasa, Prijur tal-Ordni

1663

Monsinjur Luca Beuno, Prijur tal-Ordni

1669

Monsinjur Lorenzo Astiria

1678

Monsinjur Michele Gerolamo Molina

1684

Fra Davide Cocco Palmieri, Elemonizier tal-Gran Mastru

1713

Fra Giacomo Cannaves, Prijur tal-Ordni

1722

Fra Gaspare Gori Mancini, minn Siena

1728

Fra Paolo Alferan de Bussan, Franciz

1758

Fra Bartolomeo Rull, Prijur tal-Ordni

1770

Fra Giovanni Carmelo Pellerano, Vici Kancillier tal-Ordni

1780

Fra Vincenzo Labini, minn Bitonto, l-ewwel wiehed li ġab it-titolu ta’ Arcisqof ta’ Rodi

 

Il-ħakma tal-Ingliżi f’Malta 

 

1807

Mons. Ferdinando Mattei, Malti

1831

Mons. Francesco Saverio Caruana, Malti

1847

Mons. Publio Maria Sant

1857

Fra Gaetano Pace Forno, Agostinjan

 

Isqfijiet ta’ Malta

 

1875

Mons. Konti Carmelo Scicluna, D.D.

1889

Mons. Pietro Pace

1915

Mons. Dom Mauro Caruana, Benedittin

1943

Mons. Michele Gonzi

 

Nota: Fl-ewwel ta’ Jannar tal-1944 id-Djoċesi ta’ Malta ġiet elevata għal Arċidjoċesi
u għalhekk l-Isqof issa qed jissejjaħ “Arċisqof”.

 

1976

Mons. Giuseppi Mercieca

2007

Mons. Pawlu Cremona, Dumnikan (Arċisqof Emeritu minn nofs Ottubru 2014)

Ottubru 2014

Sede vacante.  L-Isqof Awżiljarju Mons. Charles Scicluna jitqiegħed bħala Amministratur Appostoliku sakem jitlaħħaq Arċisqof ġdid..

Marzu 2015

Mons. Charles Scicluna

 

Isqfijiet ta’ Għawdex

 

1864

Mons. D. Michele Francesco Buttigieg

1867

Mons. D. Antonio Grech Delicata

1877

Mons. Pietru Pace

1889

Fra Giovanni Maria Camilleri

1924

Mons. Michele Gonzi

1944

Mons. Giuseppe Pace

1972

Mons. Nikol Cauchi

2006

Mons. Mario Grech

St Publius on Malta Stamp
Count Roger II on Horse

“Fl-1121 insibu referenza għall-ewwel isqof li nafu biċ-ċert li kien Isqof ta’ Malta. Dan kien Rainaldus, Episcopus Melitensis, li l-firma tiegħu tidher f’dokument tal-Papa Kallistu I tal-1121. Dan id-dokument li għandna mhux oriġinali: huwa kopja ta’ dokument ieħor iżda l-kontentut tiegħu jidher li hu validu.”

Arma ta' Senatore De Mello
Knights of St John Serving Brother Insignia - Wikipedia

“Fl-1530 wasal l-Ordni ta' San Ġwann f’Malta. Dan ikkoinċida, bejn wieħed u ieħor, mal-Konċilju Ekumeniku ta’ Trentu (1545-1563) meta l-Knisja Kattolika bdiet tagħmel, fost ħwejjeġ oħra, aktar enfasi fuq id-dokumentazzjoni.”

Mons Joseph Mercieca
Mons Paul Cremona
Mons Charles Scicluna
Stemma tal-Arcisqof Charles Scicluna
Isqof Mario Grech - Stemma - wikipedia

Referenzi

  • The Islands and their History” ta' Them. Zammit (1926)
  • Storja ta' Malta” ta' G.A. Vassallo - reprint tal-1948.
  • L-Istorja tal-Knisja f’Malta” ta’ Joseph Bezzina (PIN, 2002)
  • www.catholic-hierarchy.org/diocese/dmalt.html
  • "A History of the Church in Malta" tal-Mons. Arthur Bonnici
  • "Melita Sacra I - The Maltese Diocese and the Sicilian Environment from the Norman Period to 1500" tal-Mons. Vinċenz Borg
     

Stampi


Kitba: Noel Ciantar, ibbażta fuq is-sorsi indikati.
Ritratti mill-Wikipaedia

Mons Charles Scicluna, Amministratur Appostoliku

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com