KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate

San Ġwann tal-Għargħar
~ San Ġwann ~

F’San Ġwann, hemm għadd ta’ kappelli u knejjes żgħar antiki.  Waħda minn dawn tinsab fi Triq Bellavista u hija magħrufa bħala l-kappella ta’ San Ġwann tal-Għargħar.   L-isem ġej mill-inħawi li hija mibnija fih li fl-antik kienu jirreferu għalihom bħala “Tal-Harhar”.

L-oriġini

Il-knisja jew kappella magħrufa bħala ta’ San Ġwann tal-Għargħar ma tissemmiex mal-knejjes rurali tal-cappella ta’ Birkirkara fir-rapport taż-żjara tal-Viżitatur Apostoliku il-monsinjur Pietru Dusina fl-1575.  Jingħad li l-kappella nbniet fl-1546 minn familja privata li ma nafux min hi.  Hu magħruf li fl-imsemmi rapport ta’ Dusina ma jiffigurawx xi kappelli li magħrufin li kienu jeżistu iżda jista’ jkun ukoll li possibilment fiż-żjara ma kenitx tiffunzjona jew saħansittra mġarrfa.


Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate


Fl-1575, fil-qrib ħafna, kien għad hemm il-kappella ddedikata lil Santa Liena, li fl-istess rapport jingħad li kienet l-ewwel knisja parrokkjali tal-parroċċa ta’ Birkirkara, għalkemm kienet ilha ma tiffunzjona bħala tali sa minn qabel l-1402. Il-kappella ta’ Santa Liena kienet ġiet ipprofanata mill-isqof Mikiel Balaguer Camarasa fis-sena 1656.

Iżda daqs tletin sena wara l-profanazzjoni tal-knisja ta’ Santa Liena, insibu li fis-6 ta' Frar 1684, l-imgħallmin Mario Attard, Żebbuġi, u Xmun Bonnici, Karkariż, ftehmu ma' Pietru Gatt minn Birkirkara li kellhom jaqtgħu l-ġebel meħtieġ biex jibnu mill-ġdid knisja ad unur ta' San Ġwann fl-inħawi magħrufin bħala tal-Għargħar, flok oħra eqdem li kienet ipprofanata mill-Isqof Balaguer fl-1659 u kienet għadha hekk fiż-żjara tal-isqof Molina fl-1680.   L-isqof Molina  kien ordna li bil-flus li kienu nġabru mill-propjetà mħollija lill-knisja, issa pprofanata, kellhom isiru l-ewwel vespri lejlet il-festa u quddiesa nharha fil-knisja parrokkjali (il-qadima) ta’ Birkirkara.  Achille Ferris (1866) ukoll qal li din kienet knisja antika, li kienet ipprofanata minn Balaguer fl-1659 u mibnija mill-ġdid fl-1672.

Il-knisja ġdida kellha tkun għolja dsatax-il filata u b'zuntier quddiemha, u fit-tul u l-wisa' kellha tkun bħal dik il-knisja ta' Santa Margerita li tinsab fl-istess inħawi Tal-Harhar. Il-ġebel kellu jinqata' u jinġieb minn fejn qabel kien hemm knisja oħra ta' San Ġwann li kienet ġiet ipprofanata. Il-bennejja ntrabtu li jħottu dik il-knisja l-qadima ta' San Ġwann u li jibnu l-knisja l-ġdida minflokha u bl-istess ħaġar tal-qadima.  Ix-xogħol kellu jitlesta sal-Għid il-Kbir ta' dik is-sena, jiġifieri s-sena 1684.

Fl-10 ta' Settembru ta' dik is-sena Pietru Gatt, ħalla żewġ għelieqi lil dik il-knisja u b'hekk akkwista l-ġuspatronat  fuqha. Warajh daħal bħala prokuratur ibnu l-kanonku dun Girgor Gatt, imbagħad ħuh Ġużeppi Gatt, u baqgħu neżlin sa dun Pietru Pawl Gatt.

L-isqof Labini ma kienx jaf b'dak il-ġuspatronat, u minflok qraba tal-fundatur Pietru Gatt, ħatar lil ħaddieħor bħala prokuratur.  Malli ndunaw b'dan, il-kuġini dun Giovanni Battista Gatt u dun Pietru Pawl Gatt, li Pietru kien jiġi nannuhom, ġibdu l-attenzjoni tal-Isqof u talbuh jirrimedja.  Fil-15 ta' Settembru 1781 l-Isqof iddeċieda li l-ġuspatronat baqa' u kien għadu f'idejn id-dixxendenti u l-werrieta ta' Pietru Gatt.

Fl-1798, fil-bidu tal-qawmien tal-Maltin kontra l-Franċiżi tingħad ġrajja ħelwa fl-ambitu tal-epopea (ġrajja epika) ta’ dawk il-ġrajjiet hekk sinifikanti għal pajjiżna.  L-inħawi fejn tinsab il-knisja dak iż-żmien kienu kampanja u xagħri u minnhom kienet tidher sew il-Belt Valletta,  Marsamxett u fuq quddiem il-Forti Manoel.  Jingħad li Vincenzo Borg, magħruf bħala Brared, li kien kap tal-Karkariżi, kien qabbad għadd ta’ rġiel b’xi lasta ta’ midra fuq spallithom, joqogħdu jduru ma’ din il-kappella biex jagħti l-impressjoni li kienu għaddejjin ħafna nies armati.  Imma mill-lat tal-ġrajja vera, irid jingħad li fl-inħawi Brared kien bena għadd ta’ ħitan difensivi u batteriji biex jilqa’ għal xi sortita tal-Franċiżi.  Dawn illum kollha għebu taħt l-hekk imsejjaħ żvilupp. Ftit biss ’l isfel, fuq it-triq lejn Birkirkara, Vincenz Borg kien waqqaf il-kwartier ewlieni tal-ażżjoni f’razzett magħruf bħala Ta’ Xindi, li fortunatament għadu wieqaf, b’lapida mal-faċċata li tfakkar li hemm kienet ittellgħet għall-ewwel darba l-bandiera Ingliża f’dawn il-gżejjer.


Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate


Il-knisja

Il-kappella għandha sura sempliċi ħafna b’altar wieħed li l-kwadru titulari tiegħu llum jinsab fil-kunvent tal-patrijiet Kapuċċini, li hemm mal-knisja parrokkjali ta’ San Ġwann.  Għalkemm mhux kbir u ta’ forma vertikali, dan il-kwadru, li l-awtur tiegħu mhux magħruf, juri l-qtugħ ir-ras tal-Battista.  Għalkemm għandu jkun xogħol li sar tard fis-seklu sbatax, għandu laqtiet li jfakkru lil dak li jkun fl-opra magħrufa ta’ Caravaggio fl-oratorju tal-knisja Konventwali ta’ San Ġwann tal-Belt.

Din il-kappella hija rettangolari għalkemm minn barra aktar tidher li għanda forma ta’ kubu.  Il-faċċata mhux imżejna għajr it-tieqa kwadra mbarrata bi grada tal-ħadid fuq il-bieb prinċipali.  Din it-tieqa żgħira hija l-uniku sors ta’ dawl fil-kappella.   Il-bieb prinċipali jħares lejn il-punent, u hu mdawwar b’gwarniċ sempliċi tal-ġebel.
 

Ritratt - Rayden Mizzi


Dil-kappella għandha magħha sagristija ċkejkna fuq il-lemin tagħha u mniffda magħha minn ħdejn l-altar.  Din is-sagristija għandha ventelatur fuq il-lemin tal-faċċata tagħha forma ta’ stilla.  Is-sagristija għandha il-bieb tagħha għal barra li titla’ għalih minn ħames tarġiet.  Fuq quddiem, il-kappella għandha zuntier żgħir imdawwar b’ċint għoli żewġ filati li titla’ għalih b’erba’ tarġiet (il-kappella hija mibnija fuq diżlivell ħafif u għalhekk hemm din l-anomalija bejn it-tarġiet taz-zuntier u tas-sagristija).  Ħdejn il-bieb sempliċi tal-kappella, bħal f’ħafna knejjes ruratli oħra, hemm irħama bil-kliem “Non gode l’imm. Eccl.” Fuq il-bieb, fuq it-tieqa sempliċi li diġà semmejna, fuq ix-xifer tal-bejt hemm kampnar żgħir (grabja) b’qanpiena waħda.  Dan għandu fuqu salib tal-Kavallieri, dak bi tmien ponot. Iżda dan aktarx li sar wara t-tluq ta’ dawn minn pajjiżna, għax mhux magħruf li l-kappella qatt kellha xi rabta mal-Ordni.  Fuq il-ħitan tal-ġnub hemm żewġt imwieżeb tal-ilma tax-xita, tnejn fuq kull naħa.


Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate


Ritratt - Hajr Rwstoration DirectorateMinn ġewwa  il-kappella għandha erba’ arkati li jerfgħu saqaf troll.  Is-saqaf innifsu hu magħmul minn xorok miksi bid-deffun.  Il-knisja għandha altar wieħed.

Restawr riċenti

Fl-2016 l-Awtorità tal-Ippjamar ħarġet il-permissi meħtieġa biex il-kappella ta’ San Ġwann tal-Għargħar setgħet tiġi rrestawrata minn barra.  Saret tiswija u restawr mid-Direttorat tar-Restawr fuq il-faċċata, fuq iz-zuntier u fis-saqaf.  Tneħħa l-kisi bis-siment li kien hemm u tneħħa wkoll il-moffa u ħmieġ bijoloġiku ieħor li kien trabba.  Saru tiswijiet u ttieħdu miżuri  biex ma jsirx aktar taħsir u deterjorazzjoni fil-ġebel.  Ir-restawr, li kellu wkoll l-approvazzjoni tas-Supretindent tal-Wirt Kulturali, kien mgħasses mill-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjamar li raw li kollox kien qed isir bl-akbar reqqa u bil-metodi approvati.

Il-knisja llum

Din il-kappella tat l-isem lill-lokalità li llum tissejjaħ “San Ġwann”.   Qabel l-1968 dawn l-inħawi kellhom ismijiet diversi: il-Minsija fuq Wied għomor, fejn hemm is-Santwarju tal-Madonna; l-Imsieraħ bejn Triq in-Naxxar li nfetħet fil-bidu tas-seklu għoxrin u l-Kappara; Misraħ Lewża fejn illum hemm il-knisja parrokkjali u naturalment  San Ġwann tal-Għargħar, l-inħawi ta-kappella. Qatt ma kienet issir referenza għal San Ġwann biss imma San Ġwann tal-Għargħar.

Meta l-patrijiet Kapuċċini stabbilew ruħhom hawn fl-1956, għalkemm kienu jużaw il-kuritur tal-kunvent bħala kappella provviżorja, ħadu fil-kura tagħhom il-kappella ta’ San Ġwann u kien minn hawn li saret it-transulazzjoni tas-Sagrament għall-knisja l-ġdida li mbagħad saret parrokkjali fl-1965.  Il-kappella ta’ San Ġwann intużat għat-tagħlim Nisrani minn katekisti tal-MUSEUM.

Il-knisja llum tgawdi minn protezzjoni permezz ta’  skedar tal-ewwel grad li ngħata lilha fil-15 ta’ Novembru tal 1994.

Kitba ta’ Philip Xuereb
Ritratti ta’ Direttorat tar-Restawr, Arkivji Nazzjonali, Caroline Busuttil, Rayden Mizzi u Tony Cutajar

Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate
Hajr Arkivji Nazzjonali - SanGwann_Knisja_Filjali_Si - San_Gwann_batista_maghrufa_bhala_Tal-Gharghar_141
Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate
Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate
Ritratt - Hajr Rwstoration Directorate
Wikipedia - Balcony_Ta'_Xindi_Farmhouse
Ritratt - Tony Cutajar       SanGwannTalGharaghar
Wikipaedia - Ta_Xindi_Farm

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com