KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Santa Margerita tal-Ħereb
~ San Ġwann ~

Kappella oħra li nsibu fir-raħal ta’ San Ġwann hi dik iddedikata lil Santa Margerita Verġni u Martri, li ġiet maqtula taħt il-persekuzzjoni ħarxa tal-Imperatur Djoklezjanu. Din il-kappella tinsab fit-triq ta’ quddiem il-knisja parrokkjali ta’ San Ġwann u hija magħrufa b’ismijiet varji bħalma huma Tal-Ħereb, Tal-Imsieraħ, Tal-Arar (Tal-Għarar) u Tal-Bakkar.

Oriġini

Jidher li din il-kappella ġiet mibnija għall-ewwel darba fis-seklu sittax, għall-ħabta tal-Assedju l-Kbir. Fl-atti taż-żjara appostolika ta’ Monsinjur Pietro Dusina fl-1575 insibu li hu kien żar din il-kapppella f’Birkirkara fil-parti magħrufa bħala “tal-Arar”. Hu sab li l-knisja kellha altar iżda la kellha bieb tal-injam, la rettur, la ħwejjeġ meħtieġa u lanqas biss xi dħul. Dusina jikkumenta wkoll, iżda, li ċertu Salvus Calleja, minħabba d-devozzjoni li kellu, kien jara li titqaddes quddiesa fiha fil-ġurnata tal-festa. Dusina ordna wkoll li ma jitqaddisx quddies fiha sakemm ma jsiriliex bieb tal-injam u tibda’ terġa’ tiġi miżmuma tajjeb.
 

Ritratt - Wikipaedia Santa_Margerita_Tal-Hereb_S_Gwann_Malta


Fl-1605 il-kappella kienet ġiet dekonsagrata minħabba li kienet ma baqgħetx tintuża.  Iżda fl-1618 reġgħet ġiet ikkonsagrata mill-isqof Baldassere Cagliares.

Aktar tard, fis-sena 1680, l-isqof Michele Girolamo Molina żar dawn in-naħat u rraporta li żar il-kappella ta’ Santa Margerita magħrufa bħala "Tal-Bakkar". L-Isqof jgħid li din il-knisja tant kienet fi stat ħażin li fl-1658, kienet ġiet ipprofanata mill-Isqof ta’ dak iż-żmien, Mikiel Balaguer.  Wara talba tal-kappillan ta’ Birkirkara, l-isqof Mikiel Balaguer fl-1658 ta l-permess meħtieġ biex Giacomo Pullucino u l-familja tiegħu jkollhom id-dritt jindifnu f’din il-kappella.  Għalhekk, ftit snin wara fis-sena 1666, reġgħet tranġat mill-ġdid mill-istess Giacomo Pullucino. Fiha dan Pullucino waqqaf fondazzjoni ta’ quddies li kellu jitqaddes fil-Ħdud kollha u fil-festi tal-preċett. Fondazzjoni oħra kienet imħollija biex kull nhar ta’ Sibt jinxtegħel il-lampier ta’ din il-kappella. Iżda l-knisja ma kelliex sagristan u għalhekk, ġieli l-qassis li kien imur iqaddes kien ikollu jistenna’ xi sigħat qabel ma kien isib ‘l xi ħadd biex jgħinu fil-quddiesa. Minħabba f’hekk kienet tintuża biss f’dawn il-ġranet partikolari.

Fl-1718 l-isqof Joaquín Canaves żar din il-kappella fejn ukoll qaddes fiha għall-komunità tal-akkwati.

Il-festa titulari ta’ Santa Margerita kienet tiġi ċċelebrata kull sena b’fondazzjoni mħollija mill-aħwa Luca u Giacomo Calleja minn Birkirkara.

Peress li din il-kappella kienet tinsab f’lok imwarrab, ma damitx ma reġgħet intelqet u kważi minsija għall-kollox. Minn hemm il-kappella baqgħet sejra lura u saret ukoll l-mira ta’ nies irresponsabbli li minnha serqu partijiet ta’ skultura antika li kienu jżejnuha.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, din il-kappella ġiet distrutta kważi kompletament.

Ritratt - Philip Xuereb


Il-knisja tiġi restawrata

Bit-tħabrik tal-patri Kapuċċin Donat Spiteri din il-kappella ġiet restawrata minn barra u minn ġewwa mit-taqsima tar-Restawr tal-Ministeru tal-Infrastruttura. Ix-xogħol ta’ restawr beda fl-10 ta’ Lulju tal-1990 fuq il-pjanta tal-perit Conrad Buhagiar u taħt it-tmexxija tal-perit Innocenzo Centorino. Ir-restawr sar kemm jista’ jkun skont il-pjanta oriġinali tal-kappella tas-seklu sbatax biex jinżammu l-karateristici li jsawruha.

Fil-21 ta’ Settembru tal-1990 li jaħbat jum il-25 sena minn mindu San Ġwann sar parroċċa u nqata’ mill-Arċimatriċi ta’ Birkirkara din il-kappella ġiet inawgurata b’ċerimonja qasira imma sinifikattiva. Ġiet mikxufa ukoll irħama li tfakkar dan l-avveniment.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Fl-1994 il-kappella ġiet skedata fi Grad 1 (GN Number 731/94).  Fl-2003 inbena monument ġdid quddiemha bl-isem il-Kolonna Eterna tal-artist Paul Vella Critien biex jitfakkar il-bidu tat-tielet Millenju.  Huwa monument li jikkontrasta u fl-istess ħin jikkumplementa l-knisja li tqiegħed quddiema.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

L-faċċata ta’ din il-kappella hi sempliċi ħafna b’forma ta’ kaxxa. Fuq il-bieb tal-knisja hemm tieqa kwadra u fuq nsibu kampnar sempliċi ħafna b’salib fuqu. Il-knisja tinsab nistgħu ngħidu f’central strip u mdawra mill-abitat. Fil-ġenb jidhru xi mwieżeb għall-ilma.

Minn ġewwa l-kappella hi żgħira imma ħelwa ħafna. Il-kappella hi kollha fuq il-ġebla li tagħtiha dehra verament sabiħa. Għandha saqaf troll u għandha gwarniċa fuq iż-żewġ ħitan tal-ġenb. Peress li din il-kappella saret sagramentali u fiha jiġi espost is-Sagrament il-ġurnata kollha, minflok l-altar tpoġġa board tal-injam li fih jiġi espost is-Sagrament. Meta staqsejna jekk qabel tpoġġa dan il-board li jistona ftit mal-kumplament tal-kappella minħabba l-qies u l-għamla tiegħu qalulna li din il-knisja ma kelliex altar u lanqas kwadru titulari ta’ Santa Margerita.

Skont Achille Ferris fil-kitba tiegħu tas-seklu dsatax 1866 isemmi li l-pittura titulari kienet tinsab fil-kapellun tar-Rużarju tal-Bażilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara, li sa dak iż-żmien din il-kappella kienet tagħmel ma’ Birkirkara.

Il-kappella għamlet żmien tintuża mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann għal skopijiet kulturali, bħal taħdidiet u wirjiet artistiċi, filwaqt li ħa ħsieb isebbaħ mad-dawra tagħha. Illum qed tintuża għal adorazzjoni tas-Sagrament.

Kitba ta’ Roderick Busuttil minn infomazzjoni mill-kitba ta’ Patri Donat Spiteri O.F.M. Cap u l-Kavallier Tony. C. Cutajar.
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Philip Xuereb, Tony C. Cutajar u minn Wikipaedia

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Philip Xuereb
Ritratt - Philip Xuereb
Ritratt - Philip Xuereb
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Tony Cutajar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com