KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt:  Caroline Busuttil

Il-Knisja tal-Kunċizzjoni
~ Naxxar ~

Il-Kappella tal-Kunċizzjoni nistgħu insejħulha l-iżgħar waħda mill-kappelli antiki li hemm fin-Naxxar. Għalkemm issa għandha mat-tlett mitt sena, kienet l-aħħar waħda li nbniet mis-sbatax-il kappella li nafu bihom. Dawn il-kappelli kienu mqassmin man- naħat kollha tar-raħal, kemm f’dawk abitati kif ukoll fin-naħat imwarrba fil-kampanja.

Oriġini

Oriġinarjament fin-naħat ta’ Ħad-Dejf, ir-raħal antik, kienu diġà jeżistu żewġ kappelli, it-tnejn iddedikati lill-Madonna, waħda lil Maria Assunta u l-oħra lill-Lunzjata. Dawn kienu diġà jeżzistu qabel l-1575, meta sar l-ewwel ċensiment tal-knejjes f’Malta minn Mons Dusina. Kienu antiki ħafna iżda ma baqgħux jintużaw wisq.  Fil-fatt ma baqgħux jissemmew fil-visti pastorali tas-snin ta’ wara. Fl-1659 l-Isqof Balaguer ipprofanahom.
 
Għall-aħħar tas-seklu sbatax, meta kien qed imexxi l-parroċċa Dun Dumink Mifsud, wieħed mill-qassisin l-aktar għorriefa tad-djoċesi f’dawk is-snin, fin-Naxxar kien hawn bħal qawmien ġdid. Fil-knisja parrokkjali kien għadu kemm tlesta l-kor ġdid bil-bini tal-apside mill-magħruf Lorenzo Gafa filwaqt li n-nies tan-naħa ta’ San Pawl tat- Tarġa reġgħu bnew mill-ġdid il-kappella ddedikata lil dan il-qaddis wara li kienet ilha li waqgħet kważi seklu. U issa kien imiss lil dawk tan-naħa ta’ Ħad-Dejf, li wara li ż-żewġ kappelli li kien hemm fin-naħat tagħhom kienu spiċċaw, riedu huma wkoll li jkollhom il-kappella tagħhom.

Il-knisja tibda tinbena

Żgur li l-bini kien beda għall-aħħar snin tas-seklu sbatax u sal-1702 kienu waslu sal-blata tal-bieb tal-ġenb, data li sa ftit snin ilu kien għadha tidher. Id-data 1703 tidher fuq it-tieqa tal-faċċata.  Allura nistgħu ngħidu li l-bini kien mgħaġġel. L-ewwel darba li l-kappella tissemma hija fil-vista pastorali tal-isqof Cocco Palmieri fl-1709. Huwa jgħid li kienet inbniet mill-ġbir tal-poplu u jagħti deskrizzjoni tal-kappella. Isemmi wkoll l-arma li kien hemm skolpita fil-ġebel fuq it-tieqa tonda tal-faċċata. Il-pittura ta’ fuq l-altar kienet tirrappreżenta lill-Immakulata Kunċizzjoni fin-naħa ta’ fuq mal-qaddisin San Ġużepp Konfessur, San Ġwann l-Evanġelista, San Franġisk Saverio, San Anton Patavino Konfessur u Santa Teresa. Mir-rapport tal-vista pastorali ta’ wara mill-isqof Cannaves, nafu li l-pittur ta' dan il-kwadru kien Alessio Erardi, iben il-magħruf Stefano. Kienet saret fuq kummissjoni tal-Kappillan Dun Dumink Mifsud li ħallas għaliha hu stess. Fil-visti pastorali ta’ wara baqgħet tingħata l-istess deskrizzjoni tal-kappella.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa
 
Il-forma tal-bini kienet xi flit differenti minn dawk l-oħrajn. Għandha forma rettangulari, b’differenza żgħira fit-tul, fl-erba’ irkejjen mibnijin f’forma ta’ pilastri wesgħin. Fil-pilastru tan-naħa tax-xellug tal-faċċata hemm taraġ garigor li kien jibqa’ tiela’ sal-bejt, bl-ieħor tal-lemin iservi biss għal niċċa żgħira li antikament kien fiha statwa tal-Ecce Homo. It-taraġ garigor kien iwassal ukoll għall-gallerija żgħira fuq il-bieb prinċipali tal-kappella.  ‘Il fuq minn din il-gallerija hemm tieqa kbira għad-dawl.



Ritratt:  Caroline Busuttil

 

Iż-żewġ pilastri ta’ ġewwa, allura kull naħa tal-altar, kien fihom żewġ sagristiji żgħar. L-altar għandu prospettiva barokka, mingħajr kolonni, madwar l-inkwadru tat-titular. Is-saqaf tal-kappella huwa f’forma ta’ koppla li tispiċċa b’anterna b’sitt itwieqi żgħar. Interessanti hu l-bini ta’ din il-koppla minn barra. Mhux tond, bħal ġewwa, iżda ottagonali, jiġifieri bi tmien naħat. ‘Il fuq mit-tieqa tal-faċċata hemm fetha għal qanpiena.

Il-faċċata hija sempliċi.  Għandha bieb rettangolari tal-injam bil-panewijiet u bil-pumi.  Il-bieb hu mdawwar be gwarniċ sempliċi tal-ġebel.  Fuqu hemm pediment segmentali.  Fuq kull naħa tal-bieb hemm tieqa żgħira kwadra b’loġġ tal-ħadid iddekorat.  Fit-truf tal-faċċata hemm pilastri sempliċi ta’ stil Tuskan iddekorati b’boċċi tal-ġebel fuqhom.

Fuq il-bieb hemm tieqa kbira kwadra biex tagħti d-dawl.  Din it-tieqa hija ddekorata b’erba fjuri imnaqqxin fil-ġebel, waħda f’kull kantuniera.  Fuq din it-tieqa minn barra kien hemm l-arma tal-isqof u d-data 1703.  Aktar ‘il fuq hemm kampnar żgħir fin-nofs li fih qanpiena waħda.  Dan il-kampnar, bħall-koppla li diġà semmejna aktar’il fuq, huwa ddekorat b’salib tal-ġebel.

Il-knisja għandha zuntier ċkejken quddiemha, fond madwar żewġ metri, tul il-wisgħa kollu tagħha.  Dan iz-zuntier hu mdawwar bi grada magħmula minn vireg ta' ħadid twil ippuntat, għoli madwar żewġ metri, li jsebbaħha u fuq kollox jipproteġi l-faċċata tal-knisja minn atti vandali.

L-ewwel obbligi tal-kappella

Intant in-Naxxarin ma baqgħux lura milli jiddotaw lil din il-kappella. Diġà fil-1706, Injazju Galea kien għamel għotja ta’ żewġt id-djar li jmissu mal-kappella. Mid-dħul ta’ dawn id-djar kien hemm l-obbligu li jsiru t-tiswijiet meħtiega kif ukoll il-festa. Dan jidher fl-atti tan-Nutar Tumas Cauchi. Skont l-atti tal-1 ta’ Marzu 1713 tal-istess nutar Cauchi Dun Ġużepp Debono u ħuh Pietru kienu obbligati li jixegħlu l-lampier kull nhar ta’ Sibt. Dan l-obbligu kien impost fuq id-dar li kienet fit-triq li mill-knisja tagħti għall-Għaqba. Skont l-atti tal-istess nutar ukoll kien hemm l-obbligu li jitqaddsu 7 quddisiet letti fil-festi tal-Madonna. Dan l-obbligu kien impost fuq l-għalqa fit-truf tar-raħal magħrufa bħala il Chitut.
 
Fi ftit snin din il-kappella kellha beni stabbli li kienu jirrendu ‘il fuq minn 9 skudi fis-sena. Dawn kienu dar żgħira jew bottega; bottega (ħanut); mandretta (għalqa zgħira) u dar kbira. Fis-snin ta’ wara l-prokuraturi kienu wkoll bdew isellfu xi flus li fuqhom kienu idaħħlu l-interessi. Fl-1771 il-kappella kellha 62 skud msellfin bit-3 fil-mija.

Il-knisja kienet obbligata li tagħmel Primi Vespri u quddiesa kantata bil-paniġierku fil-jum tal-festa, liema obbligu kien impost fuq il-klawsura (għalqa) "ta’ bir il ħut" fit-tarf tar-raħal, in-naħa tal-Għaqba. Fl-atti tan-Nutar Ġużeppi Magri tal-1 ta’ Jannar 1756 din l-għalqa ġiet mibjugħa lil Giuseppi Ciappara min-Naxxar u bdiet tissejjaħ "tal-biatas" fin-naha "ta' bir il-ħut", dejjem bl-obbligu li tħallas il-festa u jinxtegħel il-lampier, kif ukoll li jinxtegħlu sitt kandlieri fil-jum tal-festa. Din l-għalqa wara inagħtat b’dota lil Paolo Bonnici, iben Pietru bl-istess pizijiet. Il-kappella kienet obbligata ukoll li tagħmel festa lil San Franġisk Saverio u Santa Teresa b’vespri u quddiesa kantata. Dawn il-festi kienu ċċelebrati fil-15 ta’ Ottubru (Santa Teresa) u fit-3 ta’ Diċembru (San Franġisk Saverio).

Il-knisja tkompli tissebbaħ

Dawn l-obbligi kienu biex ngħidu hekk l-ispejjeż regolari ta’ kull sena. Naturalment kien hemm spejjeż oħra speċjalment ta’ manutenzjoni. Hekk, per eżempju, fl-1769 kien sar ħlas ta’ 3 skudi lill-pittur Morales li kien għadu kemm irranġa l-kwadru titulari. Fit-30 ta’ Novembru 1772 kien inxtara tapit għal fuq it-tarag tal-altar li kien sewa 39 skud. Spejjeż ta’ żmien il-festa kienu għall-polvri tal-maskli; biex jinkera d-damask, jitħallas min jarma’ l-knisja u dak li jaħraq il-maskli u dak li jġorr id-damask u l-maskli lura lejn il-Belt u l-ħlas tal-paniġierku. Fi snin ta’ wara, madwar l-1780, kien beda ukoll isir ħlas għall-logħob tan-nar ‘gliochi d’artificio’, kif ukoll ħlas ta’ orkestra żgħira u kantanti, “trasporto del organetto e riporto; ai cantori; trasporto del cimbalo, organista e due violini".  Dan juri li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar l-interess f'din il-knisja beda jikber.

Il-kappella kienet ukoll dejjem qed tiġi armata aktar. F’Ġunju tal-1781 sar kalċi ġdid u ġie indurat.  Imbagħad f’Ottubru saru sitt kandlieri ġodda u salib, xogħol tal-imgħallem Vincenzo Dimech li kien l-istess wieħed li ħadem l-inkwadri tal-Via Sagra fil-knisja parrokkjali. Dawn ukoll ġew indurati flimkien mal-Karti tal-Glorja, kollox għall-ispiża totali ta’ 73 skud. Fl-1787 sar altar ġdid u sar xogħol ta’ skultura. Mastro Antonio Fabri kien tħallas 30 skud għall-ġarr u xogħol tal-altar. Ix-xogħol ta’ skultura kien ta’ Mastro Luca (scarpellino). Sar ukoll ventartal ġdid, xogħol tal-imgħallem Ignazio Portelli. Fl-aħħar snin tas-seklu tmintax saru biċċiet ta’ damask ġdid, probabilment għal madwar l-altar.
 
Dawn l-ispejjeż kienu possibbli għaliex issa l-kappella kienet f’pożizzjoni finanzjara tajba. Fil-1778 kellha beni stabbli ta’ valur ta’ 516-il skud, kapital ta’ 62 skud,  debituri u flus f’idejn il-prokuratur ta’ ’l fuq minn 144 skud. Dan barra biċċiet tad-deheb, fidda u ram. Għall-aħħar tas-seklu il-kapital f’beni stabbli kien tela’ għal 850 skud. Il- Kappella issa kienet tassew armata b’dak kollu li kien hemm bżonn. Inventarju tal-1789 jagħtina stampa ċara ta’ dan. Minbarra il-ħafna affarijiet ta’ bżonn fil-kappella bħal kandlieri tal-festa u ta’ kuljum, fjuretti, karti tal-glorja, leġiju, ventartali, pulptu żgħir, sellum għall-lampier, kaxxa fejn jintrefgħu l-affarijiet, pjaneti u affarijiet oħra, kien hemm ukoll medaijun ma’ ġiżirana tal-perli u deheb u  kuruna tal-fidda madwar ir-ras tal-Madonna.

Il-prokuraturi tal-kappella ħafna drabi kienu qassisin magħrufin fil-parroċċa, bħal Dun Alwiġ Decelis li kien għal żmien twil prokuratur tal-Veneranda Lampada u Dun Bert Ciappara, viċi parroku għal ħafna snin. Iżda kien hemm ukoll persuni magħrufin fir-raħal li servew bħala prokuraturi tal-kappella. Insemmu lin-nutar Francesco Borg, lil Mikiel Vassallo, li wara sar l-ewwel Sindku tan-Naxxar fi żmien l-Ingliżi u li kien miet bil-pesta tal-1813,  l-aromatarju Gio Maria Borg u wara, ibnu Vincenzo Borg.

Fil-bidu tas-seklu dsatax wieħed jinnota xi tradizjonijiet ġodda. Fuq il-bejt tal-kappella fil-jiem tal-festa bdew jinxtegħelu l-fjakkoli. Saru ħlasijiet kemm għall-injam u snin wara għal xemgħa u żejt għal dawn il-fjakkoli. Ħaġa li ma tidhirx sabieħa wisq kien il-fatt li fil-jum tal-festa, meta allura il-kappella kienet tkun armata, bdew jorqdu xi irġiel biex jagħmlu l-għassa, pagati 8 tari a quell che dormirano in chiesa. per riguardarla. Din saret kemm fl-għoxrinijiet kif ukoll fl-għaxar snin ta’ wara. Nafu li minn kitbiet oħra li f’dawn is-snin ir-raħal ma tantx kellu fama tajba ħafna!
 

Ritratt:  Caroline Busuttil


 
San Fidiel u l-festa tal-Kunċizzjoni

Iżda saru affarijiet oħra wkoll. Fl-1808 kien ġie indurat l-iskannel għal spiża ta’ 59 skud. Fl-1819 tħallsu 20 skud u wara 10 oħra bħala kontribuzzjoni għall-pulptu ġdid fil-knisja parrokkjali. Dawn tħallsu lil Signor Panzo. Fl-1823 il-pittur Paolo Grech irranġa il-kwadru titulari għal 20 skud. Imbagħad kien sar ħlas għal żewġ kandlieri tar-ram li kienu inħadmu minn grani (muniti ta' żmien il-Kavallieri) li ma kienux ġew aċċettati mill-gvern meta inbidlet il-munita għal munita Ingliża. Inxtara wkoll orgni żgħir. Iżda l-akbar żvilupp importanti f’dawn is-snin kienet il-wasla tal-ġisem qaddis ta’ San Fidiel Martri fil-1830 fi żmien meta kien prokuratur Dun Orazio Zerafa. F’din is-sena jidhru donazzjonijiet aktar mis-soltu u kienet saret ġabra għall-festa ta’ San Fidiel.

Fil-fatt, fil-jum tal-festa tal-Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru, meta allura il-kappella kienet tkun armata, kienet issir il-quddiesa kantata fil-għodu bil-paniġierku fuq li- Madonna. Filgħaxija, imbagħad, kienet issir priedka oħra fuq San Fidiel. Dan jidher ċar mill-kontijiet tal-ġbir, fejn jidher dħul minn ġabra waqt il-paniġierku tal-Immakulata u dħul ieħor, fl-istess jum, waqt dak ta’ San Fidiel. Naturalment ukoll mill-ħlasijiet wieħed jinnota li fi-istess jum kienu jsiru żewġ paniġierki għaliex jidhru ħlasijiet ‘per li Panigirco della Concezione' u ‘per li Panigirco di S. Fedele M’. Ġabra oħra kienet issir minn tifel lejlet il-festa fit-toroq tar-raħal.

Fit-tieni nofs tas-seklu dsatax saru xi żviluppi oħra f’dak li huwa tiżjin. Il-faċċata tal-kappella kienet issa tiġi mixgħula bit-tazzi taż-żejt. Ġieli nkrew 300 tazza għal dan l-għan. Dan ma kienx isir biss fil-jiem tal-festa tal-Kunċizzjoni iżda wkoll fil-festa tal-Vitorja. Fil-festa ta’ Corpus il-kappella kienet tiġi armata ukoll u ġieli saret il-mixegħla bit-tazzi. Fil-jum tal-festa lit-tfal li kienu jgħinu kienu jagħtuhom santa u lill-benefatturi slaleb żgħar. U lill-kantanti kienu jittratawhom bil-brandy!  Iż-żmenijiet kienu qegħdin jinbidlu diġà.

F’dawn l-aħħar snin tas-seklu dsatax nibdew niltaqgħu ma’ ismijiet ta’ persuni aktar viċin tagħna u li huma magħrufin fl-istorja tar-raħal. Hekk, per eżempju, f’Novembru 1880 Vittorio Scerri kien tħallas ta’ tlett ijiem xogħol ta’ żebgħa fil-knisja. Fi snin ta’ wara fuq ordni tal-Isqof Scicluna kienet inżebgħet biż-żejt il-prospettiva tal-altar u wara ukoll il-koppla. Għal dan ix-xogħol kien tħallas ukoll il-Mastru Vittorio Scerri. Fl-istess waqt kienu nħadmu mill-ġdid it-twieqi kollha tal-lanterna tal-koppla, tal-faċċata u tal-ġenb. Għal dan ix-xogħol tal-injam kien tħallas il-mastrudaxxa Vincenzo Gauci. Fis-sena 1887 l-istess żewġ mgħallmin tħallsu għal tabernaklu ġdid, wieħed għax-xogħol u l-ieħor għal-pittura u induratura.

Fis-sena 1888, meta kien prokuratur tal-kappella Dun Ġużepp Sammut, sar il-parapett ta’ quddiem il-kappella. Il-bennej Ġużeppi Aquilina ħadem ix-xogħol tal-ġebel u l-ħaddied Mikiel Vella ħadem il-ħadid. Dan ix-xogħol kien sar b’xejn nhar ta’ Ħadd bil-permess tal-Vigarju Ġenerali Mons. Buhagiar. Fl-aħħar għaxar snin tas-seklu kien sar damask ġdid u allura ma baqgħux jikru d-damask għall-festa.

Is-seklu għoxrin

Il-bidu tas-seklu għoxrin ra lil Dun Fortunat Debono bħala prokuratur. Dun Fortunat kien qassis magħruf u għaref. Jidher iżda li ma kienx joqgħod jaħsibha biex jagħmel dak li kien jaħseb li hemm bżonn li jsir. Fl-1909 huwa deherlu li kellha tinbena sagristija ġdida. Ħafna mix-xogħol kien sar b’xejn fil-jiem tal-festi u fil-Ħdud. Iżda l-ispiża xorta waħda kienet telgħet għal 28 lira Sterlina. Il-Kappillan Dun Franġisk Saver Mifsud ma qabilx ma’ dan tant li lanqas approva il-kontijiet "ma naqbilx mal-kappriċċi tal-Prokuratur li bihom inqabeż sew il-limitu tal-istat finanzjarju tal- prokura tan-Naxxar “. Din kienet forsi naqra esaġerata iżda rridu niftakru li Dun Franġisk kellu quddiemu l-ispiża kbira tal-bini tan-navati u tal-faċċata l-ġdida propju f’dawn is-snin. Ma hemmx għalfejn ngħidu s-sena ta’ wara Dun Fortunat ma kienx aktar prokuratur tal-kappella. Kien laħaq minfloku Dun Odilone Scicluna.

Qabel ma nkomplu l-istorja tal-kappella hemm żewġ osservazzjonijiet interessanti ħafna. Fis-sena 1875 jidher dħul minn ġbir li sar bejn Frar u Mejju fl-okkażżjoni tal-Ġublew, kif ukoll donazzjoni minn persuna għall-istess okkażżjoni.  Mitt sena qabel jidher ħlas li kien sar fl-għeluq il-ħamsin sena tat-titular. Imbagħad wara Fidiel Sammut tħallas għal servizzi mogħtija fl-ewwel xhur tal-ġublew. F’Diċembru tal-1904,  sar ħlas lill-bniedem li kien rama’ l-knisja fil-festa del cinquantenario. Jidher li hawn kienu qed jirreferu għad-Dogma tal-Immakulata Kunċizzjoni, proklamata fl-1854.

L-għoxrinijiet raw tibdil ieħor. L-ewwlnett il-prokuratur ma baqax aktar qassis. Issa saru prokuraturi tal-kappella Lorenzo Zerafa u Giuseppi Camilleri. Dawn kienu damu għal ħafna snin prokuraturi. Jidher li wara l-1923 il-kommemorazzjoni ta’ San Fidiel ma baqgħetx issir, almenu żgur mhux fil-jum tal-festa. Il-prokuraturi daħħlu tradizzjoni oħra interessanti. Bħala rigal lill-kantanti u dawk kollha li kienu jgħinu fil-festa bdew jagħtuhom flixkun inbid ta’ Malta. Fis-sena 1923 tqassmu 14-il flixkun.

Fis-sena 1925 beda jintuża d-dawl elettriku iżda bil-batterija. Kien jinxtegħel l-istellarju tal-Madonna u tnax-il bozza oħra. F’Diċembru tal-1928 sar ħlas għall-kurrent u kera tal-arloġġ. Jidher iżda li s-sistema tad-dawl elettriku saret fis-sena ta’ wara.  Giuseppi Camilleri kien tħallas ‘per instaliazione della luce-elettrica’. Għadhom jeżistu l-kontijiet u l-irċevuti tal-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż li kien għamel. Is-Sur Camilleri kien xtara kollox minn għand id-ditta Novelties Trading Co. ta’ 35B/36 Strada Santa Lucija, tan-Naxxar.
 
F’din l-istess sena 1929 jidhru wkoll spejjeż għal tlett qniepen li saru mill-kontribuzzjonijiet tal-poplu. Dawn isemmew Maria Concetta, San Fidele u Agnese. Il- parrini tagħhom kienu Dun Ġużepp Zammit, Dun Ġużepp Attard u s-Sur F. Portanier. Kienu nħadmu f’Raħal Ġdid għand l-imgħallem Mikiel Abela għas-somma ta’ 22 lira Sterlina.

F’Diċembru tal-1930 bħal ħafna drabi oħra l-organista waqt il-jiem tal-festa kien Vittorio Scerri iżda għall-ewwel darba jidher isem ta’ kantant ġdid: il-kantant kien Giuseppe Fenech, kien għadu tifel żgħir jiġri man-nannu!

Il-miġja tas-Sorijiet Dumnikani

Sadanittant kien qed isir żvilupp impoprtanti ħafna għall-futur ta’ din il-kappella. Patri Beneditt Pirotta, patri Agostinjan min-Naxxar, kien fassal pjan biex jieħu lis-sorijiet inferemiera Dumnikani fir-raħal tiegħu. U ċ-ċentru ta’ dan il-pjan kienet il-kappella tal-Kunċizzjoni. Patri Beneditt tkellem mas-superjura u qalilha li kien lest jitħabtilhom ħalli jiksbu l-kappella u d-djar li kienu jmissu magħha jekk jaċċettaw li jmorru fin-Naxxar. Meta l-Madre Cremona, s-superjura, marret in-Naxxar biex tkellem lill-Vigarju parrokkjali Dun Nerik Cordina Perez, dan mal-ewwel qabel mal-proposta. Kien ġa avżat minn Patri Beneditt! Fl-24 ta’ Marzu l-isqof ta l-kunsens tiegħu ukoll.

Ma setax isir kif kien il-ħsieb ta’ Patri Benedett mal-ewwel għaliex id-djar li kienu jmissu mal-kappella kienu qodma u riedu jitwaqqgħu. Għalhekk instab post alternattiv propju faċċata tal-kappella fi Strada Reale. Hawnhekk daħlu l-ewwel s-sorijiet. Kien il-11 ta’ Lulju 1930. Meta l-Isqof Mauro Caruana żar lis-sorijiet fl-1931, ra l-kundizzjoni ħażina tal-post, u ħeġġiġgħom biex jibnu monasteru ġdid. Ma kienx faċli, għaliex wieħed mill-inkwilini ma riedx iċedi l-post bl-ebda mod. U l-prokuraturi u oħrajn li kienu jieħdu ħsieb il-festa għamlu minn kollox biex il-kappella ma tingħatax lis-sorijiet.

Iżda lejliet Santa Marija tal-1934, permezz ta’ kuntratt għand in-nutar Emmanuel Debono, sar l-akkwist b’ċens perpetwu tal-kappella u tad-djar maġenbha. Is-sorijiet intrabtu li jibdew il-bini mill-aktar fis u li jagħmlu l-festa tal-Kunċizzjoni spejjeż tagħhom. Dun Manwel Micallef, il-kappillan ġdid tan-Naxxar offra l-barriera tal-parroċċa biex minnha jinqata’ l-ġebel meħtieġ għall-bini u x-xogħol beda. Sa Diċembru il-kunvent kien lest minn kollox u s-sorijiet bdew jgħammru fih f’Jannar tal-1936.

Il-kappella tal-Kunċizzjoni issa saret sagramentali.

Is-sorijiet talbu l-permess biex f’Ħamis ix-Xirka jarmaw is-Sepulkru. Dan ingħata u għadu jintrama kull sena. Fl-1938 inbidel l-altar antik u sar wieħed tal-irħam. Ittranġat l-urna ta’ San Fidiel u fuq kollox il-festa baqgħet issir ta’ kull sena. Wara l-gwerra l-gallerija żgħira li kien hemm fuq il-bieb il-kbir tkabret.  Is-sorijiet setgħu jagħmlu t-talb tagħhom minn hemm fuq.  Il-kappella daruha mill-art sas-saqaf u l-ħitan kollha ġew miksija bil-mużajk. Dan ta dehra isbaħ għall-ewwel iżda sfortunatament ġara li iżjed saret ħsara minħabba l-umdità tal-ġebla. Il-ġebla ngħalqitilha l-arja kollha.

Fl-istess żmien ordnaw kwadru ġdid billi l-qadim kienet saritlu ħsara kbira. Dan tpitter mill-artist Ġużeppi Briffa u tbierek fil-1956. Ħallsu għalih in-nies li kienu jmorru għall-quddies fil-kappella. Huwa forsi l-unika kwadru ta’ nota fin-Naxxar taż-żmenijiet ta’ wara il-gwerra.
 
Illum il-kappella tal-Kunċizzjoni għadha sservi lis-sorijiet u lill-poplu tan-naħat. Xi snin ilu sar ir-restawr fil-ħajt tal-ġenb li jagħmel ma’ Triq il-Kbira. Ħasra li d-data 1702 li kien hemm fuq il-blata tal-bieb tneħħiet. Din kienet turi sa fejn kien wasal il-bini sa dak iż-żmien. Ma hemmx dubbju li l-kappella għandha bżonn restawr kbir u li jrid jinstab mezz kif titwaqqaf l-umdità kbira li ħierġa.  L-inkwadru tat-titular oriġinali, pittura ta’ Alessio Erardi, għadu jeżisti f’waħda mill-kmamar fil-kumpless tal-knisja. Tkun ideja tajba li kieku bħala tifkira tat-tlett mitt sena mill-bini tal-kappella kellu jiġi rrestawrat u dan il-kwadru jsib postu fil-mużew tal-parroċċa.

Kitba: Pawlu Catania - Dan l-artiklu nkiteb f’għeluq it-300 sena mill-bini ta’ din il-knisja.
Ritratti: Caroline Busuttil

Ritratt:  Caroline Busuttil
Ritratt:  Caroline Busuttil
Ritratt:  Caroline Busuttil
Ritratt:  Caroline Busuttil
Ritratt:  Caroline Busuttil
Ritratt:  Caroline Busuttil
Ritratt:  Caroline Busuttil
Ritratt:  Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com