KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Flus ta’ żmien l-Ordni
ta’ San Ġwann f’Malta

VilhenaTari

F’dawn il-paġni ta’ spiss insemmu ammont ta’ xi spejjeż jew valur ta’ xi legat f’muniti tal-epoka tal-Ordni ta’ San Ġwann. F’din il-lista t’hawn taħt qed nagħtu lista ta’ x’kienu dawn il-muniti u kif kienu jirrelataw waħda ma’ l-oħra.

Tajjeb li ngħidu li m’aħniex inqabblu l-valur ta’ dawn il-muniti mal-valur tal-flus tal-lum għax tqabbil bħal dan ma jagħmilx sens. L-istess valuta ta' munita tvarja fil-valur intrinsiku tagħha fuq medda ta’ żmien minħabba l-inflazzjoni. Fi kliem sempliċi, dak li nixtru llum b’munita waħda partikolari għada nkunu rridu nixtruħ bl’istess munita u biċċa. Lanqas il-Lira Maltija ma baqgħet issarraf l-istess tul il-madwar tletin sena tal-ħajja tagħha aħseb u ara l-muniti ta’ Ordni li għamel 265 sena f’Malta. Dan jgħodd aktar u aktar meta niġu biex inqabblu l-ekwivalenti tal-flus ta’ erba’ mitt sena ilu ma’ dawk tal-lum. Iżda interessanti wkoll li aħna l-Maltin bqajna nużaw it-terminoloġija antika bħal ħabbiet u rbiegħi anke meta kellna l-munita Sterlina u aktar tard il-Lira Maltija.

L-Ordni ta' San Ġwann kien Ordni Sovran, jiġifieri seta' joħroġ il-munita tiegħu għax ma kienx jagħmel parti minn xi pajjiż ieħor. Iżda naturalment, fiċ-ċirkulazzjoni kien ikun hemm muniti ta' pajjiżi oħrajn bħad-Dubluni, iż-Żekkini, il-Pjastrini u l-Lwiġijiet filwaqt li anke l-Kavallieri nfushom ġieli kienu joħorġu xi munita b'valur għoli aktar minn dak li normalment kien jintuża.

Bl-istess mod bħall-lum kienu jeżistu muniti f'denominazzjonijiet multipli, bħal per eżempju il-muniti taż-żewġ, erba', sitt jew tmin Tari.

Hawnhekk qed nuru l-lista tal-valuti l-aktar komuni.
 

Scudo

= 12 Tari

= 240 Grani

 

Tari

= 20 Grani

= 2 Carlini

 

Carlino

= ½ Tari

= 10 Grani

= 2 Cinquini

Cinquina

= ¼ Tari

= 5 Grani

 

Ta’ min iżid jgħid li l-Grano kien jissejjaħ Ħabba bil-Malti u t-Tari kien jissejjaħ Irbgħejja (kelma mnissla mill-kelma “erbgħa” għax erba’ Cinquini kieni jagħmlu Tari wieħed.) Il-Farthing ta' żmien l-Ingliżi kienet ekwivalenti għal tliet Ħabbiet ta' żmien l-Ordni u kienet l-iċken munita fis-sistema Sterlina.
 
L-Ingliżi għalhekk ħolqu munita b'valur ta' terz ta' Farthing (i.e. ekwivalenti għal Ħabba ta' żmien l-Ordni) mitbugħħa speċifikament għall-użu f'Malta bejn żmien ir-Re Ġorġ IV fl-1827 sa żmien ir-Re Ġorġ V fl-1913. Dan sar għax il-prezzijiet f'Malta kienu ferm aktar baxxi minn dawk fil-bqija tal-Imperu u għalhekk l-Ingliżi riedu joħolqu munita li taqdi l-ħtiġijiet lokali.

Naturalment, il-flus kienu jkunu magħmulin mid-deheb, mill-fidda u mir-ram għax il-flus tal-karti ma kinux għadhom bdew jintużaw f’dak iż-żmien. Interessanti hu l-fatt li fi żmien l-Ordni l-muniti tar-ram kienu jġibu l-kitba "Non Aes Sed Dides", jiġifieri "mhux flus (i.e. valur) iżda fiduċja". Dawn il-muniti kienu jissejħu "flus fiduċjarji", għaliex il-valur intrinsiku tal-metall kien inqas mill-valur li jirrapreżenta. Illum nużaw flus tal-karti bl-istess mod.

 


Kitba: Noel Ciantar
Ritratti mill-Internet
 

Pinto_10Scudi_Obverse
Pinto_10Scudi_Reverse
DePauleGrano

DeRohanCinquina

DeRohanScudo

LascarisTari

PintoCarlino

PintoTari

RohanGrano

VerdalaTariFiduciaryCoins

WignacourtPiccioli

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com