KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Kappella ta’ Santa Marija
“ta’ Duna”
~ Lija ~

Ritratt: Noel Ciantar

“Ta’ Duna” huwa l-isem li hi magħrufa waħda mis-seba’ knejjes, li għad hemm madwar ir-raħal ta’ Ħal Lija. Fi żmien il-vista appostolika ta’ Mons Dusina, insibu li dan il-viżitatur appostoliku żar tlettax il-knisja, tlieta minnhom f’Ħal Bordi u Ħal Mann.

Din il-knisja tinsab qrib knisja oħra dik ta’ Sant’ Andrija li llum qed tiġi restawrata, grazzi għall-ħeġġa tal-kappillan Dun David Gauci. U wara li serviet lin-nies ta’ Ħal Lija f’diversi ħtiġijiet, issa ser terġa’ għal li kienet qabel meta Mons Dusina kien indikaha biex isservi lil missierijietna fi żmien meta Ħal Lija kien għadhu ma nqatax minn Birkirkara.
 

Ritratt: Noel Ciantar


Oriġini

Din kienet knisja waħda minn ħamsa li l-Monsinjur Dusina żar fil-vista pastorali tiegħu u li kienu ddedikati lill-Assunta.  L-oħrajn kienu dik “tal-Belliegħa” (illum taħt il-titlu tat-Twelid tal-Madonna), oħra li fi żmien Dusina  kienet magħrufa bħala “ta’ Chiantar”, oħra f’Ħal Mann u oħra f’Ħal Bordi (Tal-Mirakli).

Jingħad li ċertu wieħed Marjanu Portelli waqqaf din il-knisja. Ferres jindika d-data tat-twaqqif tagħha bħala s-sena 1569 iżda oħrajn jgħidu li nbiet fl-1562.  Dan ifisser li din il-knisja nbient jew ftit qabel jew ftit wara l-Assedju l-Kbir u li kienet għadha tiffunzjoni meta l-Monsinjur Dusina għamel il-Vista Pastorali tiegħu fl-1575.

Il-Monsinjur Dusina kien iddeskriva din il-kappella ta’ Santa Marija bħala kemxejn sabiħa u devota (“est decens, aliquantulum pulchris et devota”) u li kellha altar, pittura, bieb tal-injam u paviment.  Hu jgħid li ċertu Marinus Bortelli kien, minn flusu (“ex devotione”), jagħmel il-festa bil-vespri u l-quddiesa.  Dusina ikkummenta li din il-knisja ma kelliex rettur.  Lanqas kellha dħul jew piżijiet marbutin magħha u kellha xi ħwejjeġ neċessarji neqsin.

Il-Kanonku Vincent Borg, fil-Melita Sacra II, ikompli jgħid li dan Marinus (Marjanu) ta xi artijiet propjetà tiegħu lil din il-knisja.  Dawn kienu jikkonsistu f’dar f’Ħal Lija u art magħrufa bħala Ta’ Bisqallin fl-inħawi Tal-Aħfar.  Dawn l-għotjiet huma mniżżlin fl-atti tan-Nutar Giacomo Sillato.  Barra li kellha titkompla ssir il-festa, dawn l-għotjiet ġarrew magħhom il-piż li ssir quddiesa kull nhar ta’ Sibt matul ir-Randan kif ukoll quddies fil-festi tat-Twelid tal-Madonna, tal-Lunzjata u tal-Viżitazzjoni lil Santa Eliżabetta.  Il-piż tal-quddiesiet tas-Sibtijiet matul ir-Randan kellha ġġorru s-sinjorina Giovanna, bint il-mejjet Marco Schembri u l-mara tiegħu Michaelina Vella li kienu inagħtaw għalqa tad-dwieli m’għand l-istess Marjanu fl-istess lokalità għal dan il-għan. 

Il-Kanonku Borg jgħid li aktar tard il-knisja saret magħrufa bħala “Ta’ Marin Iddona”.  Achille Ferres jirreferi għal din il-knisja bħala “Ta’ Duna” iżda ma jagħtix ħjiel dan  il-laqam minn fejn ġie.  Il-knisja għadha magħrufa b’dan il-laqam sal-lum.
 

Ritratt: Noel Ciantar

Ritratt: Noel Ciantar

Ritratt: Noel Ciantar




Il-knisja ipprofanata u mibnija mill-ġdid

Żmien wara fl-1658 il-knisja kienet ġiet ipprofanata iżda kienet reġgħet inbniet kif nafuha llum. Kull nhar ta' Sibt kien jinxtegħel il-lampier skont legat imħolli minn Duminku Buhagiar.

Jekk wieħed josserva tajjeb din il-knisja kienet tagħmel parti minn dar kbira tant li llum wieħed josserva li taraġ għal fuq il-bejt ma jeżistix.  Biex wieħed jitla’ fuq il-bejt tal-knisja, irid jgħaddi minn din  id-dar. Għalhekk din tindika li fi żmien kienet ġuspatronat lajkali iżda maż-żmien ukoll għal xi raġuni dan l-istat intilef u issa taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-knisja ta’ Ħal Lija. Meta dan id-dritt intlef ma nafux, iżda tajjeb li wieħed jinnota li qiegħed isir użu minnha tajjeb għaliex hija miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa għal adorazzjoni perpetwa.


Ritratt: Noel Ciantar


Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Minn ġewwa din il-kappella għandha pjanta kwadra ċċentraliżżata bl-altar ewlieni tal-ġebel imqiegħed f'kor naqra fond. Tesa’ madwar ħamsin ruħ.  Pilastri ta' Stil Toskan jerfgħu erba' pendentivi (lunetti) u erba' arkuni, li dawn fuqhom tistrieħ il-koppla semi-sferika li hija maqsuma fi tmien flieli minn tmien kustilji.  Aktar 'l fuq hemm il-lanterna bit-twieqi. Fil-kappella jinsabu wkoll sett ta’ kwadri tal-Via Sagra.
 

Ritratt: Caroline Busuttil


Il-kwadru titulari, xogħol ta' Michele Busuttil (1762-1831), x'aktarx li tqiegħed flok ieħor impinġi minn Żakkarija Micallef fil-bidu tas-Seklu XVII.   Il-pittura ta’ dan Żakkarija Micallef illum tinsab fil-mużew tal-knisja parrokkjali.

Il-kwadru hu mżejjen b’rederdos (gwarniċ) ta' stil Rococo, aktarx iddisinjat minn Giovanni Sammut (1784-1841). Fil-ġnub tal-kor hemm żewġ bibien li jagħtu għas-sagristija u fuq dawn il-bibien hemm żewġ kwadri oħra mqiegħda fi gwarniċi skolpiti fil-ġebla. Dawn juru lil San Luiġi Gonzaga u San Franġisk Saverju u t-tnejn fihom l-arma tal-familja Portelli. Ma ninsewx li l-benefattur oriġinali tal-kappella kien Dun Mariano Portelli, imlaqqam Id-Duna.

Ritratt: Noel Ciantar

Ritratt: Noel Ciantar


Fil-kappella nsibu żewġ kwadri oħra ta' San Mark u San Luqa, attribwiti lil Stefano Erardi. 'Il fuq mill-kwadri tal-kor hemm żewġ twieqi u l-kor fih apside u huwa msaqqaf minn saqaf troll b'arkati trasversali.


IMG_092

IMG_0920



Minn barra l-kappella tidher li għandha pjanta kwadra wkoll. Fil-kantunieri kollha li jidhru hemm pilastri ta' stil Toskan, li jerfgħu l-entablatura li ddur mal-binja kollha. Il-bieb hu kwadru u fuqu għandu gwarniċa. Fuq din il-gwarniċa hemm ftit ġebel mhux maħdum, forsi kien hemm ħsieb li ssir xi skultura ta' xi armi.  Fuq kull naħa tal-bieb prinċipali hemm tieqa kwadra b’tarġa żgħira tal-ġebel li jippermettulek tittawwal ġol-kappella meta jkunu miftuħin.  Din il-kappella għandha qanpiena waħda.

Fil-ħajt tal-ġenb jidher bieb simili iżda dan huwa mbarrat. Fiż-żewġ ħitan li jidhru hemm twieqi ovali. Fuq il-gwarniċa tal-entablatura fil-kantunieri naraw balavostri kbar u fin-nofs pediment ta’ stil Barokk. Fuq kollox tidher il-koppla mingħajr tambur iżda mżejna b'anterna eleganti li hija mżejna wkoll b'irfid għamla ta' skroll wieqaf. Dan kollu jagħti dehra mill-isbaħ lil din il-kappella Barokka. Dnub li ma nafux min kien il-perit li ddisinjaha jew il-bennej li bnieha.

Storja aktar riċenti

Din il-knisja għandha sagristija li fija kienu jsiru laqgħat tal-membri tal-Legion of Mary, Azzjoni Kattolika tax-Xebbiet u anke tal-“Figli di Marija”.  Monsinjur Dun Ġużepp Xerri, li kien membru tal-Missjoni l-Kbira, għamel żmien ilaqqa’ żgħażagħ f’din il-knisja wkoll. Hu kien ukoll irregalha minn butu statwa sabiħa tad-Duluri.  Din l-istatwa nxtrat fl-1959 minn Bologna. Fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira, din l-istatwa tad-Duluri tittieħed fil-knisja parrokkjali  għad-devozzjoni, u toħroġ f’purċissjoni nhar il-Ġimgħa tad-Duluri. Wieħed irid jirringrazzja lil dan il-benefattur ta’ din il-knisja għaliex kien għamel ħafna benefikati minn butu.

Dak inhar tal-festa titolari tagħha kien jitkanta l-Għasar Solenni, isir il-paniġierku u titkanta s-Salve Reġina. Fil-purċissjoni   tal-festi ta’ Corpus Christi u fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesu, kienet issir waqfa f’din il-knisja fejn kien isir xi talb miċ-ċelebrant qabel ma tkompli l-purċissjoni.  Tajjeb li wieħed ifakkar li ftit taż-żmien ilu kienet issir ukoll quddiesa fl-ewwel Sibt tax-xahar.

Bħal knejjes l-oħra tar-raħal, din il-knisja serviet ta’ refuġju fi żmien il-ġwerra. Wieħed għandu jkun ukoll rikonoxxenti lejn Monsinjur Vella u Monsinjur Xerri, kif ukoll ħafna devoti ta’ din il-knisja li ħadu ħsiebha matul is-snin. Ma’ dawn inżidu lill-familja “ta’ Kilin” li kienu jieħdu ħsieb din il-knisja, kif ukoll lis-sinjura Rita Cini, illum mimlija bl-għomor, li tara li l-lampa ta’ quddiem Ġesu Sagramentat ma jonqoxhiex żejt u li l-knisja tkun miftuħa għall-adorazzjoni tal-fidili.

Illum, din il-knisja tintuża għall-adorazzjoni matul il-ġurnata. Din il-knisja tkun miftuħa mit-Tnejn salĠimgħa, mit-8.00 am sat-8.00 pm u jkun hemm Ġesù Kristu Salvatur fil-Persuna u d-Divinità kollha Tiegħu fl-Ewkaristija jistenniena.  Barra minn hekk, darba fix-xahar, kull l-aħħar nhar ta’ Tlieta tax-xahar, issir ukoll quddiesa fis-7.30 pm.

Kitba: Louis Fenech.  Deskrizzjoni minn barra u minn ġewwa ta’ Anthony M. Brincat
Proof Reading: Andrew Hili
Ritratti: Noel Ciantar u Caroline Busuttil

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil
It-Titular l-antik - Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com