KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Noel Ciantar

Il-Knisja tal-Vitorja
“Tal-Belliegħa”
~ Lija ~

Fit-toroq imserrpin u dojoq ta’ Ħal Lija,  insibu knisja żgħira infilsata bejn il-bini iddedikata lill-Madonna taħt it-titolu tal-Vitorja.  Din il-knisja tinsab ftit ‘il bogħod mill-knisja magħrufa bħala “tas-Salvatur il-Qadim” li kienet isservi bħala l-parroċċa ta’ Ħal Lija sa mill-1594 jiġifieri madwar mitt sena qabel il-parroċċa li hemm illum kienet inbniet.  Din il-knisja tal-Vitorja  sa mill-qedem kienet magħrufa bil-laqam “Tal-Belliegħa”.


Ritratt: Caroline Busuttil



Oriġini

Il-knisja li naraw illum hija biss l-aħħar waħda minn numru ta’ kappelli li twaqqgħu u reġgħu inbnew fl-inħawi bħalma kien jiġri ta’ spiss.  Kien hemm diġą kappella teżisti fl-inħawi fl-1575, meta żarha d-delegat appostoliku il-Monsinjur Pietru Dusina.  Dak iż-żmien din il-kappella kienet iddedikata lill-Madonna wkoll iżda taħt it-titolu tal-Assunta bħalma kienu wkoll erba’ knejjes oħra f’Ħal Lija f’dak iż-żmien.

Meta żarha Mons. Dusina kellha biss l-altar.  La kellha bibien tal-injam, la kellha dħul, la rettur u lanqas il-ħwejjeġ l-oħra neċessarji għall-kult.  Mons. Dusina jinnota li lanqas kellha piżijiet u għalhekk, ċertu ġentlomm Paolo Hagius kien kin jiċċelebra l-festa minn jeddu għas-spejjeż tiegħu b’devozzjoni bil-Primi Vespri u l-quddiesa nhar il-festa. 

Mhux hekk biss.  L-ilma tax-xita kien jidħol fiha mill-ħsara li kellha fis-saqaf.  Mons. Dusina ordna li jekk is-saqaf ma jissewwiex u jekk il-knisja ma jsiruliex bibien ġodda tal-injam, ma setgħax isir aktar quddies fiha u l-quddies li kien isir kellu jiġi trasferit għall-knisja parrokjali.  F’dan iż-żmien, din il-kappella kienet diġą magħrufa bħala “tal-Belliegħa”.

Għalkemm is-sitwazzjoni baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess, b’xi mod jew ieħor il-knisja baqgħet tiffunzjona sal-1601 għalkemm il-kappillan hedded lill-fidili li jekk ma kien ser isir xejn, kien ser ikollu jagħalq il-knisa u jimbarra l-bieb ta’ barra bil-ġebel ħalli żgur li ħadd ma jkun jista’ jidħol fiha. X’ġara eżatt ma nafux iżda skont Achille Ferres, il-knisja reġgħet inbniet “għal ħabta tal-1600”.

Din il-kappella l-ġdida baqgħet tiffunzjona sal-1658 meta, bħalma kien jiġri ta’ spiss, sofriet id-destin ta’ dik ta’ qabilha u waqgħet f’telqa.  Iżda fl-1666 reġgħet infetħet għall-użu tal-fidili.

Fl-1740 din il-kappella kienet reġgħet inbniet, din id-darba mhux fuq is-sit oriġinali iżda ftat aktar ‘il bogħod minnu.  Kien hawn li d-dedika nbidlet għal dik tan-Nativitą tal-Madonna – iżda l-laqam “tal-Belliegħa” baqa’ mwaħħal magħha.  Din hija dik-il-kappela li naraw illum.

Fiż-żminijiet tal-gwerra, din il-knisja, bħall-knejjes oħra żgħar tar-raħal ta’ Ħal Lija, serviet biex ħadu kenn fiha refuġjati li kienu ġew mill-inħawi tal-Kottonera.

Għal ħabta tas-snin sittin (1960) Dun Salv Sammut, li għal żmien twil kien jieħu ħsiebha, flimkien ma’ xi żgħażagħ kien taw spinta biex iduruha.  Kien għalhekk sar xi xogħol ta’ manutenzjoni. L-ispejjeż ta’ dan ix-xogħol kienet offrietu Miss Mabel Strickland li meta kienet għadha ħajja kienet toqgħod ħdejn din il-knisja.   Lapida tal-irħam fil-kappella tfakkar dan ir-restawr.  Tgħid li din il-knisja ddedikata lit-Twelid tal-Madonna, “reġa’ bniha” u sewwiha (“instauravit et refecit”) il-kappillan Kanonku Benedettu N. Fsadni fl-1960.  Għalhekk wieħed jista’ jifhem li dan seta’ kien xogħol estensiv – u wieħed ma jiskantax għax il-kappella, minkejja li llum hi mitluqa, minn ġewwa tinsab fi stat tajjeb ħafna.  Fi żmien iċ-ċentinarju ta’ San Pawl (1960) kien hemm alloġjati għand is-Sinjorina Strickland xi prelati tal-knisja u dawn kienu sabuha komda li jqaddsu f’din il-kappella.

Tajjeb wieħed ifakkar li fi żmien il-festa tal-Vitorja kienu jsiru festi tal-okkażżjoni. Barra ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi kienu jsiru wkoll festi esterni li kienu jattendu għalihom folla mdaqqsa. Missier Dun Karm Agius kien jieħu ħsieb il-logħob tan-nar tal-art li kien jinħaraq minn fuq bejt ta’ dar viċin il-knisja tas-Salvatur il-Qadim. L-għors tagħhom kienu t-tfal u żagħżagħ bil-festin li kien jaf jagħmel missier Dun Karm, Mosč.
 
Il-knisja serviet ukoll bħala Mużew tal-bniet qabel ma nstabilhom post fi Triq l-Ifran. Kienet ukoll isservi għal-laqgħat li kienu jsiru minn żgħażagħ bniet oħrajn tal-parroċċa. Iżda wara dan, wieħed jista’ jgħid li inżammet magħluqa għajr għal xi okkażjonijiet.

Il-laqam “tal-Belliegħa

Skont id-dizzjunarju ta’ Mario Serracino-Inglott, il-kelma “belliegħa” tfisser għammieq (fond profond bla qiegħ u mudlam), fond taħt l-art, art miftuħa bla qiegħa.  Ifissirha wkoll bħala “dik li tibla”.

Għalhekk wieħed mill-ewwel tiġih kurżita u jistaqsi: għaliex il-laqam “Tal-Belliegħa”? Wara dan l-isem hemm storja li wieħed jista’ jikkunsidraha bħala  leġġenda. Wara din il-knisja kien hemm għalqa, u kif kulħadd jaf, qabel fil-Ħdud u festi ħadd ma kien imidd idejh għax-xogħol għax skont ir-regoli tal-Knisja Kattolika, il-Ħadd hu jum ta’ mistrieħ fejn wieħed hu obbligat jiltaqa’ m’Alla bis-smiegħ tal-quddies. U dari aktar mil-lum, dan l-obbligu kien ikun strettament osservat. Il-festa ta’ Santu Kruċ kienet waħda minn dawn il-jiem ta’ festi kkmandati. Sid din  l-għalqa kien qed jagħmel xi xogħol u ddeċieda li anke f’din il-ġurnata jkompli bil-ħidma fl-għalqa. Jingħad li waqt li kien qiegħed jaħrat, infetħet l-art u belgħetu bil-bhejjem b’kollox. Santu Kruċ kienet festa mportanti dak iż-żmien speċjalment għall-ġirien Karkariżi li tassew kienu josservah għaliex kienu jibżgħu minn xi diżgrazzja.

Dan l-inċident seta’ kien li din il-knisja ġiet imsemmiha għalih.  Skont l-għajdut f’nofs din l-għalqa kienet tinsab kolonna li fuqha kien hemm salib.  Iżda jingħad ukoll li dan is-salib kien jifforma parti minn din il-knisja.

Jgħidu wkoll li il-knisja setgħet ħadet l-isem minn xi kunjom ta’ xi benefattur ta’ kunjom Bellieħa, kunjom li kien jeżizti tassew u li wasal kif nafuħ illum bħala Bellia.

Il-knisja minn barra

Il-kappella għandha forma ottagonali iżda tlett faċċati biss jidhru minn barra. F’kull kantuniera hemm pilastru sempliċi ta’ stil Tuskan li fuqhom isserraħ l-entablatura.  Fil-kantunieri, iserrħu fuq il-pilastri, hemm ornament tal-ġebel f’forma ta’ ġandra fuq pedestall (acroterion).

Fuq il-koppla hemm lanterna relattivament kbira imdawwra  bi tmin twieqi kbar rettangolari, li titla’ għaliha b’garigor dejjaq..  Bejniet dawn it-twieqi hemm il-kustilji (pilastri) li għandhom dekorazzjoni forma ta’ skroll fil-bażi.  Din il-lanterna hija msaqqfa b’koppla żgħira kemxejn ċatta u fuqha hemm salib żgħir tal-ġebel.

Fuq wara tal-koppla hemm kampnar sempliċi bla qanpiena  li diffiċli tinduna bih minn barra.  Fuq dan il-kampnar, għal xi raġuni, hemm is-salib tal-kavallieri tal-ġebel.  Wieħed biss jista jispekula għaliex dan is-salib sab ruħu hemm għax ma jidhirx li kien hemm xi konnessjoni bejn din il-knisja u l-kavallieri.  Minn fuq il-bejt tista’ tara faċilment il-koppla tas-Salvatur l-antik li hi l-ewwel koppla f’Malta li nbniet bit-tanbur bit-twieqi.

Fin-nofs tal-faċċatat hemm il-bieb prinċipali filwaqt li fil-faċċati tal-ġemb hemm tieqa relattiveament kbira kwadra, imbarrata b’xibka tal-ħadid li tħallik tara ġol-knisja meta t-twieqi tal-injam ikunu miftuħin.  It-twieqi huma baxxi u hemm tarġa żgħira biex wieħed ikun jista’ joqgħod għarkobtejh biex iħares ġewwa.  Il-bieb prinċipali huwa mdawwar bi gwarniċa tal-ġebel kemxejn wiegħsa iżda fl-istess waqt sempliċi.  In-naħa ta’ fuq tal-bieb hemm arkata żgħira li tifforma nofs ċirku u li hi ddekorata b’loġġ iddekorat tal-ħadid li juri wkoll l-istemma “M” tal-Madonna.

Fuq in-naħa tax-xellug tal-kappella, hemm ġnien żgħir imiss magħha.  Fuq il-bieb ta’ dan il-ġnien hemm lapida tal-ġebel jew irħam, miktuba bit-Taljan, li llum il-ġurnata ttieklet sew u mhux la kemm tara u tifhem sew xi tgħid. Jidhru l-ittri kbar D.O.M. fil-bidu (Deo Optimo Maximo – lil Alla, l-aqwa u l-aħjar)  u ittri oħrajn tal-istess daqs L.D.B.M. (possibbilment  tfisser Locum Datum Bene Merenti - il-post ingħata lil min kien jixraqlu) fit-tmiem tal-kitba.  Jidher li din il-lapida tgħid li skont l-atti tan-nutar Giuseppe Dimech, dan il-ġnien kellu jingħata b’ċens għal 99 sena lil ċertu Pascuale, iben Giovanni Sammut minn Ħal Lija.  Din il-kirja kellha tkun effettiva mis-sena 1774.  Interessanti hu l-fatt li speċifikament jgħid li dan il-ġnien żgħir hu magħruf bħala “Tal Bellea”.  Għaldaqstant dan jikkonferma li dan il-laqam żgur diġą kien jintuża fis-seklu tmintax.

Il-knisja minn ġewwa

Għalkemm il-faċċata tagħha għandha bżonn imminenti ta’ restaw, minn ġewwa il-kappella hi fi stat tajjeb. Iżda xorta hemm bżonn ta’ ftit attenzjoni biex ma tidditerjorax għax inkella, id-disinnji Barokki skolpiti fil-ġebla jibdew imorru wkoll.


Ritratt: Caroline Busuttil



Minn ġewwa, il-knisja għandha forma ovali  bi stil Barokk.  Għandha altar wieħed tal-ġebel li hu mdaħħal f’apside  fonda madwar metru.  Fuq l-altar, imdaħħal ukoll f’din l-apside, hemm gwarniċ sempliċi tal-ġebel li xi darba kien hemm fih it-titular.  Fuq din l-apside hemm disinn fil-ġebel li juri x-xbiha tal-Ispirtu s-Santu bid-dija ħierġa minnu.

Mibnija fuq tmin pilastri ta’ stil Joniku, hemm il-koppla b’lanterna bi tmin twieqi li jdawwlu sew il-kappella minn ġewwa. Il-koppla u l-lanterna minn ġewwa huma miżbugħin blu, il-kulur tal-Madonna. 

Il-pittura ta’ fuq l-altar kienet tirrappreżenta ż-żwieġ mistiku ta’ Santa Katerina, xogħol tal-pittur Francesco Zahra. Kien hemm kwadru ieħor ta’ Santa Filomena, xogħol il-pittur A. Falzon.  X’sar minn dawn il-pitturi ma nafux,  imma tajjeb infakkru li din il-knisja hija ddedikata lit-twelid tal-Madonna. Għaliex kellu jkun hemm dan il-kwadru fit-titular ma nafux iżda jista’ jkun li dan il-kwadru ġie minn x’imkien ieħor u sab ruħu hemm għax inzerta joqgħod sew fil-gwarniċ.  Iż-żewġ pitturi laterali huma tal-Madonna tad-Dawl u ta’ San Vinċens.  Dawn il-pitturi huma rettangolari u posthom hu mdawwar bi gwarniċ sempliċi tal-ġebel iddekorat b’dinn sempliċi fin-naħa ta’ fuq u ta’ taħt. Dawn illum ukoll m’humiex qiegħdin fil-kappella sakemm imorru għar-restawr.


Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil




Bejn il-pilastri kienu jinsabu l-postijiet ta’ erba’ kwadri tondi li jirrappresentaw lil San Baskal, Santu Rokku, San Pawl tas-Salib u San Franġisk Saverju. Dan il-kwadri jinsabu merfugħin fil-knisja parrokkjali lesti biex jiġu restawrati. Wieħed jittama li jekk issir resawr f’din il-knisja, wieħed jistenna li dawn jerġgħu isibu posthom fejn kienu, flimkien ma’ pitturi oħra li fi żmien kienu jsebbħu din il-knisja hekk grazzjuża.  Dawn  ukoll huma mdawwrin bi gwarniċ sempliċi tal-ġebel u għandhom disinn sempliċi ta’ arzella fin-naħa ta’ fuq.  Dawn l-erba’ kwadri tondi jikkumplimentaw u joħolqu bilanċ mal-kwadri rettangolari l-oħrajn li hemm fil-knisja.

Din il-knisja għandha wkoll fonti tal-ilma mbierek żgħir forma arzella tal-ġebel kif ukoll sett ta’ basso-riljevi tal-via sagra li qiegħdin fis-sagristija.

Illum

Illum il-knisja reġgħet xi ftit jew wisq intelqet u kienet qed isservi biss biex fiha jinżammu festuni u affarijiet oħra tad-dawl għal żmien il-festa tas-Salvatur.  Illum il-ġurnata dawn qed jiġu mneħħija minn dan il-post u jinstabilhom lok ġdid fejn jitqiegħdu.
 
Fi żmien il-kappillan Dun David Gauci ingħata bidu għar-restawr ta’ knejjes oħrajn f’Ħal Lija, inklużi dik ta’ Duna u dik ta’ Sant’Andrija. Wieħed jittama li bi ftit kuraġġ il-kappillan jasal biex jieħu ħsieb il-knisja tal-Belliegħa ukoll.

Kitba: Louis Fenech b’żidiet ta’ Noel Ciantar
Ritratti:  Caroline Busuttil u Noel Ciantar

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Gnien biswit il-Kappella - Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Titular tal-Belliegha
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ta' Bellieha, Lija -  Pittura ta' Jacqueline Agius
Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com