KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja tal-Viżitazzjoni,
ta’ Wejda
~ Mosta ~

Ritratt - Restoration Directorate  - Facebook  uzat bil-permess                    319900_o

Madwar il-Mosta hemm għadd ta' kappelli u knejjes żgħar li jsebbħu l-inħawi.  Is-sit tagħna jagħti lista ta' tlettax minnhom.  Fosthom hemm waħda li hi ddedikata lill-Madonna tal-Viżitazzjoni iżda hi magħrufa aktar bħala "Ta' Wejda", għall-fundatur tal-knisja li naraw illum li kien jismu Damjan Bonnici.

Din il-kappella tinsab fl-inħawi magħrufin bħala Tad-Dib u tinsab f'misraħ żgħir fi Triq it-Torri wara t-Torri Cumbo. Tasal għaliha billi titla't-triq ta’ quddiem il-kappella ta’ San Silvestru u tibqa' tiela' sakemm tasal ħdejha. Tista' wkoll tidħol ukoll minn fejn it-Torri Cumbo.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Oriġini

L-oriġini ta' din il-kappella hu mistur fl-għajdut.  Jingħad li fi żmien tal-Kristjaneżmu bikri f'Malta kien hemm kappella mħaffra fil-blat (trogloditika) b'forma tonda.  Jista' jkun li kien xi għar li beda jintuża bħala kappella.  Jingħad ukoll li kienet iddedikata lil Marija Assunta u li kienet ikkonsagrata minn seba' isqfijiet li kienu nawfragi f'Malta waqt li kienu fi triqithom lejn xi Konċilju – ara storja simili marbuta mas-Santwarju tal-Vitorja fil-Mellieħa.  Jingħad ukoll li din il-kappella ġiet mirduma fi żmien il-ħakma tal-Għarab sabiex ma tiġix desakrata jew sakkeġġata.  Biss dan hu kollu għajdut għax la dokumentazzjoni ma teżisti u lanqas xi prova arkeoloġika.

Minkejja dan, il-monsinjur Pietru Dusina fir-rapport taż-żjara pastorali tiegħu tal-1575 isemmi  dan l-għar tond tal-Viżitazzjoni tal-Madonna iżda ma jgħidx eżatt fejn kienet ħlief li jgħid li kienet fit-triq li mill-Mosta tagħti għall-Mellieħa.  L-istoriku Gian Franġisk Abela jgħid biss dak li kien qal Dusina.  L-istoriku l-Konti Ciantar jispekula li dak l-għar kien l-istess wieħed li llum hemm mibnija l-kappella l-oħra ddedikata lill-Madonna tal-Isperanza iżda dan ma jaqbilx mat-tradizzjoni qawwija li hemm fil-Mosta li torbot il-kappella li hemm illum imlaqqma ta' Wejda ma' dik il-kappella trogloditika ddedikata lil Marija Assunta u li "kienet tbierket mis-seba' isqfijiet". 

Achille Ferres jgħid dak li qal il-monsinjur Dusina iżda jgħid ukoll li llum teżisti kappella ddedikata lill-Viżitazzjoni tal-Madonna li kienet reġgħet inbniet ("riedificata") minn Damiano Bonnici, magħruf bħala "Ueida" fl-1610 u li mil-laqam tiegħu ħadet isimha l-knisja.  Din kienet it-tieni kappella li jsemmi l-monsinjur Dusina u fiż-żmien kienet iddedikata lill-Assunta u kellha l-laqam “Tad-Dhib”.  Kienet din il-kappella li monsinjur Dusina qal li kienet reġgħet inbniet minn Damjan Bonnici u li llum nafuha bħala “Ta’ Wejda”.

Il-kappella li naraw llum tmur lura sal-1610 u skont l-informazzjoni li ħallielna l-isqof Cagliares fl-1615 jidher li l-fundatur tagħha kien Damiano Bonnici u martu Agata.  Dan kellu l-laqam “Ta’ Wejda” u b’dan il-laqam baqgħet magħrufa bih sal-lum din il-kappella. Dan Damjan Bonnici kien kursar illiċenzjat.  Ix-xbiha tiegħu u tal-mara tiegħu tinsab fil-kwadru titulari l-antik li qiegħed fis-sagristija u jġib id-data tal-1605, meta Damjan Bonnici ikkommissjonah f'Ruma u li hu kopja ta’ kwadru li kien ra hemm. Konnessjonijiet tal-kappella mal-baħar jixduħ ukoll graffiti ta’ xwieni li jidhru fuq wara tal-kappella.

Ritratt - Mark Micallef     Mill-viżta pastorali tal-isoqf Buenos li saret fl-1668 hu magħruf li din il-kappella tal-1610, fi żmien din iż-żjara pastorali kienet taħt il-ħarsien ta’ Ġakbu Busuttil imma ma kienx permess issir quddiesa fiha.

Żjara pastorali oħra li saret kienet dik tal-1680 mill-isqof Giacomo Molina.  Dan l-Isqof ħalla miktub li din il-kappella kellha distanza ta’ madwar mitt pass mill-knisja parrokkjali u kellha dak kollu meħtieġ tas-servizz reliġjuż.  Fiha ukoll kienet tiġi ċċelebrata l-festa bil-flus imħollija minn Damjan Bonnici.  Filfatt Damjan Bonnici wara li waqqaf din il-knisja, ħalla legat marbut maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ bosta quddies.  Dan il-legat hu rreġistrat fl-atti tan-nutar Ġwanni Pawlu Fenech tas-7 ta’ Mejju, 1644.

Fl-1745, l-isqof Paolo Alpheran de Bussan, reġa’ żar din il-kappella u ħalla deskrizzjoni ddettaljata. Beda billi semma’ li l-forma tal-bini tagħha hija mill-isbaħ u li fuq l-altar hemm prospettiva tal-ġebel li ddawwar il-kwadru titulari li jinsab fuq l-altar maġġur.  Ta deskrizzjoni li din il-prospettiva hi mżejna b’żewġ kolonni tondi, waħda fuq kull naħa.  L-Isqof semma ukoll żewġ kwadri, wieħed fuq kull naħa tal-prospettiva, li jirrapreżentaw wieħed it-tħabbira tal-Mulej u l-ieħor lil Marija Assunta.  Mid-dehra huma l-istess kwadri li għadhom fl-istess post sal-lum.  Ossevazzjoni oħra tal-isqof Alpheran de Bussan kienet li l-lampier li kien hemm quddiem il-kwadru kien jinxtel ta’ spiss, l-aktar fil-festi tal-Madonna.  Semma' ukoll il-festa titulari li kienet tiġi ċċelebrata fit-2 ta’ Lulju ta’ kull sena. Din kienet tiġi ċċelebrata bl-ikbar sollennità, bil-kant tal-għasar u bil-quddiesa kantata.  Mill-istess żjara nafu wkoll li din il-kappella kellha qliegħ minn qasam ta' djar fil-Musta. Skont att tan-nutar Pawlu Fenech tas-7 ta' Marzu tal-1644, tħalliet quddiesa ta' darba f' ġimgħa, mħallsa miċ-ċens ta' għalqa li tinsab fin-Naxxar ħdejn il-knisja tal-Madonna tax-Xagħra magħrufa bħala “ċ-Ċens”

Il-kappella taqa' f'telqa

Fi żmien li kienet qed tinbena l-knisja parrokkjali tal-Mosta tal-arkitett Grognet, il-kappillan tal-Mosta dun Giovanni Maria Schembri (1833-1859) ġab permess mill-Vatikan biex idawwar fuq il-knisja l-ġdida id-dħul tal-kappelli kollha tal-Mosta, inkluż id-dħul minn ħafna raba u bini li Damjan Bonnici kien ħalla lill-kappella tal-Viżitazzjoni.  Madankollu, permezz tat-tħabrik tal-prokuratur tal-kappella, din irnexxila żżomm id-dritt ta’ flixkun żejt għal kull għalqa li kellha. 

Ċertu Salvu Gauci, mlaqqam il-Ħarrubi li ilu mejjet mill-1940 kien jgħid li fi żmienu kienet tinġabar ġarra żejt minn dawk il-fliexken. Maż-żmien il-ġbir tal-fliexken taż-żejt ġew traskurati u fl-1965 kienu għadhom jinġabru 3 ifliexken żejt biss.  Illum m’għadhu jinġabar xejn.  Il-ġid li din il-kappella  għandha llum hu ta’ quddiesa tal-Fundazzjoni.


Ritratt - Mark Micallef

Ta’ min isemmi li din il-kappella qatt ma ġiet ipprofanata minkejja li mhux anqas minn ħdax-il knisja kienu ġew ipprofanati fis-snin 1575 u 1659. Iżda għalkemm li dejjem kellha l-prokuratur tagħha, din il-kappella ġiet abbandunata minn żmien il-bini tar-Rotunda u kienu jqaddsu biss fiha l-quddiesa tal-fundazzjoni, darba f’sena.  Xi nies jgħidu li kienu jqiegħdu l-għodda tal-barriera li ntużat fil-bini tal-knisja tal-Mosta fiha.

Is-seklu Għoxrin

Fl-1915 Karmenu Debattista mlaqqam ix-Xinku, li kien barbier u ħajjat, talab il-muftieħ tal-kappella lill-Prokoratur ta’ dak iż-żmien u beda jsir il-quddies fiha u r-Rużarju kuljum. Sena wara (1916) saru l-inkwatri tal-istazzjonijiet tal-Via Sagra u sal-1965 baqa' jsir it-talb tal-Via Sagra u r-Rużarju kuljum.

It-Tieni Gwerra Dinjija wkoll ħalliet it-timbru tagħha fuq din il-kappella.  Billi li din il-kappella kienet viċin il-mitjar ta’ Ta’ Qali, fl-11 ta’ Marzu 1948 sfat milquta.  Kemm hu hekk li meta wieħed jifli l-kampnar li naraw illum jara d-data tas-sena 1944 li turi md-data ta' meta ġiet irranġata l-ħsara tal-gwerra bit-tħabrik ta' Karmenu Debattista.  Mal-faċċata, imbagħad, hemm kitba bil-Latin, miktuba minn dun Anton Muscat, li dak iż-żmien kien kappillan ta' Ħal Lija, li tfakkar il-ġrajja u li tgħid hekk: “Obruta a Germanorum Copiis Aereis XI Kal Mar. MCMXLII. Hodie Nova Surco” li bil-Malti tfisser: “Imwaqqa’ Mill-Attakki mill-Ajru tal-Ġermaniżi fil-11 ta’ Marzu 1942. Illum Nerġa’ Nqum mill-Ġdid”.
 

Ritratt - Restoration Directorate  - Facebook  uzat bil-permess      6001352166304384_o


Fl-1953 inbniet sagristija mill-prokuratur ta' dak iż-żmien dun Anġ Dingli.  Din is-sagristija għandha daqs ta' żewġ metri b'sitt metri u nofs u tħallset mill-Gvern Ċentrali bi flus allokati mill-fond tal-War Damage. Dun Anġ kompla ġabar biex irranġa z-zuntier bil-paviment tal-madum. Dun Anġ Dingli dam aktar minn 50 sena prokuratur ta’ din il-kappella taħtu l-kappella reġgħet ħadet ir-ruħ.

Kull sena kien jattendi għall-quddiesa tal-festa benefattur kbir ieħor ta’ din il-kappella kien monsinjur Bartolomeo Bezzina li dejjem ta l-għajnuna tiegħu lil kuratur ta’ żmienu li kien Toni Debattista. Dan Toni kien beda jgħin lil Karmenu wara l-Gwerra u f’Lapsi tal-1957 ħadha f'idejh.
Sas-sena 1955 il-kappella kienet għadha imbajda biss iżda wara ngħatat iż-żebgħa mid-dilettanti Mostin. Billi l-altar kien sempliċi ħafna, fl-1964 sar altar ġdid tal-ġebel li tbierek mill-Arċipriet ta’ dak iż-żmien il-monsinjur dun Bert Bezzina fis-7 ta’ Ġunju tal-istess sena. Biċċiet mill-altar l-antik,  bħall-mensoli u l-bieba tat-tabernaklu, jinsabu fis-sagristija.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Il-kappella hija fonda 6 metri u wiegħsa 4 metri.   L-għoli tagħha hu madwar 4.7 metri u l-arkati iduru b'kurvatura ta' 6.6 metri.  Mis-salib sal-paviment hemm għoli ta' 8.25 metri u z-zuntier huwa ta' madwar 50 metru kwadri.  Dan iż-żuntier fl-1813 serva wkoll ta’ ċimiterju għal dawk li kienu mietu bil-pesta.

Fl-1965 saret il-Festa Ċinkwantinarja tal-ftuħ mill-ġdid tal-kappella u għal din il-festa d-delittanti Mostin ħasbu biex jagħmlu s-saqaf bil-pittura u bl-induratura.  Dan illum juri 4 persunaġġi mill-Antik Testment li huma Abram, Mose’, David u Ġwanni l-Battista. Taħt l-inkwatri fuq kull naħa hemm armi bis-simboli tan-nisa tat-Testment il-Qadim. Ma’ Abram, hemm l-armi ta’ Rebekka u Sara; ma’ Mose hemm l-armi ta’ Ġoel u Deborah; ma’ David hemm l-armi ta’ Ruth u Susanna; u ma’ Ġwanni l-Battista hemm l-armi ta’ Ester u Ġuditta. Aktar 'l isfel hemm tmien armi bl-għaxar strofi tal-Magnificat u fuq iċ-ċinta hemm tmien simboli oħrajn li jirrapreżentaw l-erba’ Evanġilisti u ta’ erba' mill-Appostli.

Għall-Festa ċinkwantenarja kienu għamlu wkoll gallerija għall-orgni bl-istemmi tal-Madonna. Fil-faċċata hemm Janua Coeli (Bieb tas-Sema).  Fin-naħa tax-xellug hemm l-iStella Maris (Kewkba tal-Baħar) bil-baħar iħabbat u l-Knisja mfissra bħala vapur dieħel fil-port bl-għajnuna tal-Kewkba.  Fil-lemin hemm Stella Matutina (Kewkba ta' Filgħodu), bis-sajjied dieħel u l-Kewkba ta’ fil-għodu qed turieħ it-triq waqt li x-xitan qed jirtira. Il-pittura tas-saqaf saret minn pittur Rabti Ġużeppi Galea, hu dun Vicenz Galea li kien iqaddes ukoll fil-kappella, fl-1965.

Fis-sena 1965, saret ukoll l-istatwa titulari li ħadima Wistin Camilleri flimkien ma'  statwetti fil-pedestall li jirraprezentaw il-Fidi, it-Tama u l-Imħabba.  Din l-istatwa hi waħda minn tal-aħħar jekk mhix l-aħħar waħda tal-isttatwarju famuż Għawdxi Wistin Camilleri. Hemm ukoll kurċifiss li jintuża fir-Randan u l-Avvent li hu atribwit lilu wkoll. Din l-istatwa titulari twasslet fuq l-idejn minn żewġ irġiel u ġiet imbierka fil-ftuh tal-festa Ċinkwantenarja, nhar il-Ħadd 10 t' Ottubru, 1965, minn patri Dumink, Kapuċċin, li wara sar kappillan tal-Marsa.
 
Il-kwadru titulari l-antik, ikkummissjonat minn Damjan Bonnici, għadna nistgħu ingawduh sal-lum u jinsab merfuħ fis-sagristija tal-istess kappella.  Dan il-kwadru juri lil Santa Eliżabetta u San Żakkarija jilqgħu lil Marija u Ġużeppi fiż-żjara li dawn għamlu lill-koppja xwejħa wara t-thabbira tal-anġlu.  Hu kwadru kopja u skont is-sena impittra fuqu, dan sar fl-1605.  Hu kwadru storiku mhux biss għaliex iġib id-data imma fil-parti ta’ isfel jidhru ukoll Damjan Bonnici u martu Agata għarkubbtejhom jitolbu f’riġlejn il-Madonna u Santa Eliżabetta.

Il-kwadru tal-altar waħdieni li hemm illum, li juri t-titular tal-Viżitazzjoni tal-Madonna, kien magħmul minn Ġużeppi Caruana taż-Żejtun fl-1931 u juri lill-Madonna tkanta l-Manifikat.  Bejnu u bejn l-ewwel kwadru kien hemm żewġ kwadri oħrajn, wieħed jinsab f’kollezzjoni privata u l-ieħor mitluf. Dan il-kwadru hu mqiegħed fi prospettiva ħelwa ħafna li magħha hemm 3 kwadri oħra.  Fuq il-lemin hemm kwadru li juri lil Marija Assunta u fuq ix-xellug ieħor li juri lil Marija Annunzjata. Dawn il-kwadri huma xogħol tas-seklu 17 minn artist aktarx Malti mhux magħruf.

Pittura oħra qegħda fuq fil-prospettiva u turi lil Kristu Salvatur b’mogħod enigmatiku ħafna. Il-prospettiva li hemm illum saret wara li sar l-ewwel kwadru ta' Damjan Bonnici għax dan tal-aħħar hu għoli 1.68 metri u wiesa’ 1.30 metri u ma joqgħodx fil-prospettiva. Kurżità oħra hi li l-frontispizju li juri kuruna b’palma u ġilju (Vergni u Martri). Jista' jkun li l-prospettiva kienet inġiebet minn xi kappella oħra? Dawn iż-żewġ kwadri ġew irrestawrati fil-1986 flimkien mat-tlett kwadri l-oħra tal-prospettiva minn Alfred Briffa.

Il-mejda tal-quddies saret fil-1984 minn mastrudaxxa Mosti. Iż-żukklatura tal-irħam saret fil-1986 minn delittanti Mostin. Ir-raba' qanpiena tal kampnar kienet inagħtat bħala rigal minn delittant Mosti fil-bidu tad-disgħinijiet.

Fil-1993 is-sur I. Centorino Uffiċjal Tekniku Tal-Valletta Rehabilitation Project kien ħareġ rapport dwar il-ħsarat li ħarġu minħabba t-tiġrif tat-tieni Gwerra Dinjija iżda dan ir-rapport ħadd għadu ma aġixxa fuqu s'issa.

Fil-lejl bejn iz-19 u l-20 ta' Jannar 1999, il-kappella ġiet sgassata u sar ħafna taqlib iżda ma kien insteraq xejn, għajr għal xi ċenteżmi li kien hemm fil-platt. Min kien għadu ma nstabx. Waqt maltembata kera Settembru 2003 nqala t-taħlib kollu tas-saqaf u daħal ħafna ilma. Minħabba f'hekk saret ħsara kbira fis-saqaf u fil-pittura. Saret tiswija ta' emerġenza iżda għad irid isir ir-restawr tal-ħsarat strutturali li saru.

Il-Festa

F’din il-kappella sa ftit snin ilu kienet issir il-festa taż-Żjara ta’ Marija, nhar l-ewwel Ħadd fuq il-11 t’Ottubru. Din kienet issir bl-akbar sollennità b’quddiesa kantata, il-vespri u priedka.  Din il-kappella għanda l-armar kollu tal-festa.  Dan sar bit-tħabrik bla heda ta' Karmenu u Toni Debattista. Insibu tapezzeriji, armar tal-Via Sagra, altar armat b’sett ta’ tużżana kandlieri tal-injam indurat, sitt Appostli, fjuretti, kanapew b’ventartal u skultura tal-injam indurat, terħa tas-satin bil-glalen u freneż tad-deheb, pissidi u kalċi, sett pjaneti sempliċi, sett pjaneti rumani u pjaneta waħda tal-Festa.
 

Ritratt - Mark Micallef


Mal-armar tal-festa nistgħu inżidu 5 lampieri bil-lopop tagħhom, tapit antik, 3 sopraporti tal-injam skolpiti u ndurati, u ċensier u navetta. Hemm ukoll relikwarji ta' bosta qaddisin, u relikwa tal-Madonna li tinħareġ fil-festa.

Għeluq

Il-knisja tal-Viżitazzjoni tal-Madonna hi miżmuma tajjeb ħafna u għal qalb in-nies tal-inħawi.  F'din il-kappella jsir quddies regolarment kull nhar ta' Ħadd fit-08.30 am


Kitba ta' Noel Ciantar, mibnija fuq kitbiet ta' Mark Micallef, George Borg u korrespondenza dwar il-kappella li dehret fil-gazzetti.  Użati bil-permess.
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Mark Micallef, Caroline Busuttil u r-Restoration Directorate (Paġna Facebook – użati bil-permess)

Ritratt - Restoration Directorate  - Facebook  uzat bil-permess                    9244777_o
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Restoration Directorate  - Facebook  uzat bil-permess                  B  6304384_o
Ritratt - Restoration Directorate  - Facebook  uzat bil-permess                    9571279_o
Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com