KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Is-Santwarju tal-Vitorja
~ Mellieħa ~

Il-qima u l-kult ta’ venerazzjoni qawwija lejn Marija Santissma, ġiet mill-ewwel, nistgħu ngħidu, mal-miġja tal-fidi Nisranija tagħna. Dan ġara mal-wasla tal-Appostlu missierna San Pawl f’Malta u permezz tal-kollega tiegħu, San Luqa, li kien qed jakkumpanja lill-Appostlu tal-Ġnus fil-vjaġġ tiegħu lejn Ruma.

San Luqa, li kien tabib u aktarx pittur ukoll, aktar tard kiteb wieħed mill- Evanġeli. Jingħad li dan San Luqa kien jafha sewwa lil Madonna, u meta wasal f'Malta ma' San Pawl, beda jirrakkonta fuq il-Vergni Mqaddsa, u bis-saħħa t’hekk nibtet devozzjoni kbira lejn il-Madonna mill-abitanti tal-gżira tagħna ta’ dak iż-żmien.  Filwaqt li l-informazzjoni dwar x’għamlu San Pawl u San Luqa meta kienu f’Malta teżisti biss fl-Atti tal-Appostli, ma jistax ikun li meta kienu f’Malta ma ppridkawx, għammdu u xerrdu d-devozzjoni lejn  Kristu u l-Madonna.  Għalkemm ħafna mill-ħwejjeġ li jingħadu li dawn it-tnejn għamlu f’Malta, apparti minn dak li hemm fl-Atti tal-Appostli, din mhix spekulazzjoni fierħa iżda tradizzjoni bbażata fuq il-loġika u l-għerf ta’ kif dawn it-tnejn kienu jġibu ruħhom u liema ħeġġa kellhom biex ixerrdu u jxandru l-Fidi.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Oriġini

Fil-Mellieħa hemm wieħed mill-aktar Santwarji Marjani għeżież li hawn f’pajjizna. Dan jinsab eżattament taħt il-knisja parrokkjali tal-Mellieħa.

Dan is-santwarju huwa fost l-eqdem tempji Nsara li hawn f’Malta. Skont it-tradizzjoni, kien San Pawl innifsu li qaddes dan l-għar tal-Madonna. Qabel, tkompli tgħid it-tradizzjoni, dan l-għar kien miżmum f’gieħ in-ninfa Calipso u meqjum ħafna mill-baħħara.  Din hi  t-tradizzjoni iżda mhux minn awl id-dinja li lok tal-kult pagan San Pawl bidlu f’lok ta’ kult Nisrani .

Dejjem skont l-istess tradizzjoni, li mhux kulħadd jaqbel magħha, ix-xbieha li hemm fl-għar tal-Mellieħa tpittret fuq il-blat minn San Luqa, li kien jaf personalment lill-Madonna. Dan San Luqa kien dixxiplu ta’ San Pawl u kien qed jivjaġġa miegħu, meta l-Mulej wassalhom fostna. Bla dubju din ix-xbieha hija mirakoluża ħafna, kif jixhdu l-għadd ta’ kwadri ex voto u għotjiet oħra mħollija b’radd il-ħajr.

Dan is-Santwarju għal-ewwel kien iddedikat lill-maternita tal-Madonna iżda wara r-rebħ tal-Assedju l-Kbir, dan is-Santwarju ġie ddedikat mill-ġdid lin-Nativita ta’ Marija Santissima, jew kif nafuha aħjar, il-Vitorja.

F’din il-knisja nsibu l-fdal imqaddes tal-martri San Vinċenz, mogħti lil din il-knisja għal venerazzjoni tal-Insara mill-kanoku Kapitulari dun Lawrenz Grech Delicata li kien kisbu mingħand il-Papa Piju VII  (Papa mill-1800 sal-1823). Dawn il-fdalijiet imqaddsa inġiebu Malta miċ-ċimiterju ta’ Priscilla f’ Ruma, fil 21 ta’ April tal-1820.

L-isfond tal-istorja

Fl-1436 meta l-isqof Senatore de Mello elenka l-għaxar parroċċi tal-kampanja li kienu jeżistu f’dak il-perjodu, il-Mellieħa kienet waħda minnhom. Għalhekk f’dan is-Santwarju twaqqfet il-paroċċa tal-Melliieħa li kellha t-truf tagħha sal-Mosta. F’dawk iż-żmienijiet il-gżejjer Maltin kienu ta’ sikwit jiġu attakkati mill-pirati ta’ Barbarija u mit-Torok. Il-Mellieħa messha sehemha wkoll minn dan il-flaġell. Fl-1551 sar attakk kbir minn xi għaxar t’elef Tork fuq il-gżira tagħna, taħt it-tmexxija ta’ Dragut. Dan kien preludju, jew prova għall-Assedju l-Kbir li sar ħames snin wara.  F’dan l-attakk qalil il-popolazzjoni ta’ Għawdex inqerdet għal kollox jew taħt is-sejf jew fil-jasar.  Il-Mellieħa ġiet attakkata wkoll. Dawk il-Melliħin li rnexxielhom jaħarbu minn dan il-madmad, kollha ħarbu lejn l-Imdina u f’postijiet oħra wara s-swar.

Wara dan il-ħbit il-Mellieħa ġiet imneħħija minn parroċċa u bdiet tagħmel man-Naxxar, peress li l-abitanti kollha Melliħin kienu telqu mill-Mellieħa u marru jogħqodu f’postijiet oħra għal kenn.

Fl-1565 wasal l-Assedju l-Kbir, u l-Maltin kollha ħtieġilhom jieħdu kenn fil-Birgu, l-Isla u l-Imdina. It-Torok ukoll inġabru madwar dawn il-fortizzi u għalhekk Don Garcia de Toledo seta’ nhar is-7 ta’ Settembru jiżbarka l-qawwiet ta’ għajnuna li ġab minn Sqallija, l-hekk imsejjaħ "grande soccorso".  Don Garcia żar ukoll dan is-Santwarju.

Wara li għadda l-Assedju l-Kbir u beda jgħaddi ż-żmien, u n-nies reġgħu bdew jinżlu joqgħodu fil-Mellieħa. Fl-1584 dan is-Santwarju beda jieħu ħsiebu Patri Agostinjan biex iwaqqfu f’kunvent tal-Ordni tiegħu. Bit-tħabrik ta’ dan l-imsemmi reliġjuż u l-patrijiet sħabu, is-Santwarju ġie 'l quddiem ħafna, u ma kinitx nieqsa d-devozzjoni tal-fidili lejħ. B’dankollu fl-1587, is-Santwarju ġie issa fdat f’idejn is-Saċerdot Dun Bennard Cassar, u fl-1603 Dun Bennard ġie maħtur Rettur tas-Santwarju.

Storja marbuta ma' dan is-Santwarju
 
Fl-1614 reġa' sar ħbit ieħor mill-furbani, u l-Mellieħa reġgħet għal darb’oħra ġiet attakkata bl-aħrax. Minkejja l-qlubija tal-bdiewa Mellieħin immexxija mir-Rettur li offrew reżistenza qawwija, it-Torok irnexxielhom jidħlu fis-Santwarju, fejn għamlu ħsara lix-xbieha mirakoluża.

Jingħad li hawn ġrat ħaġa tal-għaġeb.  Wieħed Tork, li ħabat bis-sejf għax-xbieha tal-Madonna, intlaqat minn marda qalila. Meta reġa' lura f’artu u ntebaħ li l-marda kienet kastig, talab u qala' l-maħfra, u l-fejqan, u b’turija ta’ ħajr, bagħat ħafna xemgħa lil-Madonna tal-Mellieħa. Dan irrapurtaħ l-isqof Balaguer fil-viżita pastorali tiegħu.

Ftit wara li sar dan il ħbit mit-Torok, bi tpattija, il-Gran Mastru Alof de Wignacourt min-naħa tiegħu personali beda jmur iżur dan is-Santwarju kull nhar ta’ Sibt. Minn hawn il-qima lejn dan is-Santwarju bdiet tikber, u fl-1669 f’din il-knisja ġiet iffurmata l-Konfraternita tar-Rużarju, u l-grazzji bdew jinqalgħu ta’ spiss.

Fl-1688 is-Santwarju twaqqaf f’benefiċjali. L-ewwel benefiċjat kien it-twajjeb dun Ġan Pawl Bartolo, li nħatar fl-1690. Imbagħad, fl-istess sena, ċertu Sqalli, Mario De Vasi, neguzjant tal-inbid minn Sirakuża, kabbar u żejjen il-knisja, għamel l-istawa li hemm fil-kripta t’isfel, kif ukoll bena dar għar-rettur u kmamar fejn jistrieħu l-pellegrini. Fl-1747 dan is-Santwarju reġa' ġie mkabbar

Fl-1884, fi żmien l-isqof Caruana, il-Mellieħa reġgħet saret parroċċa, bil-bolla tal-Papa Girgor XVI, minkejja li l-Parroċċa tan-Naxxar irreżistiet għal din id-deċiżjoni tal-Isqof ta’ dak iż-żmien. L-ewwel Kappillan kien dun Pawl le Brun.

Is-Santwarju

Biex tasal għas-santwarju trid tgħaddi minn taħt arkata bi grada kbira tal-ħadid iddisinjat. Fuq din l-arkata verament sabiħa hemm il-kliem bil-Latin u bil-Malti antik “Fik temgħu missirijietna, temgħu fik u inti smajthom” u tidher id-data ta’ meta sar, jiġifieri dik tal-1719. Minn hemmhekk tidħol f’bitħa kbira u fil-ġenb hemm bibien biex tidħol fis-Santwarju. Faċċata tal-arkata hemm tlett loġoġ li kienu jservu ta’ kenn għall-pellegrini. Fuq waħda minn dawn il-loġoġ jidher arloġġ tax-xemx. Mal-ħajt tas-santwarju tidher niċċa bi statwa kbira ta’ San Pawl u fin-nofs tal-bitħa hemm statwa tal-Madonna.  Jekk taqsam il-bitħa u tgħaddi minn taħt il-loġġa u ddur fuq ix-xellug issib il-faċċata ewlenija tas-Santwarju, fejn hemm il-bieb prinċipali tiegħu.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Kif tidhol ġewwa tissaħħar bil-ġmiel li tara.  L-altar huwa parti minn għar u quddiemu hemm il-parti tal-knisja li nbniet wara. Fil-fatt għal bidu dan is-Santwarju kien jikkonsisti biss fl-għar tal-Madonna, iżda maż-żmien dan it-tempju ġie mkabbar u sar kif inhu lllum.

Is-Santwarju huwa magħmul minn għar naturali, korsija u erba’ kappelluni, li kollha ġew miżjuda wara. Fih nsibu koppla żgħira u kampnar wieħed, bi tliet qniepen. L-ikbar qanpiena inxtrat minn Carlo Moreni ta’ Firenze fl-1857, għal prezz ta’ 1,063 skud. L-arloġġ ta’ dan is-Santwarju inħadem minn Mikelanġ Sapiano mill-Imqabba fl-1875, arluġġar famuż li għandu għadd ta' arloġġi fi knejjes madwar Malta. L-ispiża ta’ dan l-arloġġ ħallasha il-gvern Ingliż. F’din il-knisja fiha xi kuruduri li kollha huma mħaffrin fil-blat kif ukoll sagristija mdaqqsa. Din is-sagristija hija miżgħuda b’wegħdi, ex voto, u saret bi flus Mario de Vasis, minn Sirakuża.

Fost il-bosta ħwejjeġ li jorqmu 'l dan is-Santwarju, bla dubju hemm ix-xbieha tal-Madonna mpinġija fuq il-ħajt, li skont it-tradizzjoni, saret minn San Luqa meta kien hawn Malta. Din ix-xbieha hija mirakoluża. Tinstab fil-għar fejn quddiemha hemm imdendlin ammont ta’ lampieri bix-xemgħa li jagħtu lil dan it-tempju d-dehra ta’ devozzjoni kbira.

Opri f’dan it-Tempju

F’din il-knisja nsibu diversi opri sagri fosthom pittura mill-isbaħ, li tkompli żżejjen 'il dan it-tempju. Il-pittura li żżejjen is-saqaf tal-għar u li turi l-Isqfijiet fil-Konċilju, saret bit-tħabbrik ta’ Mario de Vasi u nħadmet minn Salvu Bonnici. Dawn l-Isqfijiet ġew impinġija bħala tifkira tal-konsagrazzjoni qadima u fl-1886 din il-pittura ġiet irrestawrata minn Ċensu Busuttil l-Għawdxi.  F’Jannar tal-1973 beda r-restawr għat tieni darba ta' din il-pittura mill-pittur Samwel Bugeja u dan ir-restawr x’aktarx kixef il-pittura oriġinali. Hemm ukoll pittura li turi lil Missier Etern.

 

Ritratti - Stanley Spiteri


Fil-knisja nsibu l-kwadri ta’ Santa Marija u dak tal-Viżitazzjoni li t-tnejn tpinġew minn Giuseppe Calleja. It-tliet kwadri li juru lil Sant’ Andrija, lill-Madonna tal-Karmnu u lil San Pawl huma xogħol Anton Falzon li għamilhom fl-1853. Il-pittur Pietru Pawl Caruana pinġa l-kwadru ta’ San Filippu. Dak tar-Rużarju huwa xogħol ta’ pittur mhux magħruf tas-seklu tnax, iżda huwa attribbwit lil Stefano Erardi.

Minbarra dawn il-kwadri, insibu kwadri oħra li ma għandniex dettalji fuqhom, fosthom kwadru ieħor dwar il-Viżitazzjoni, l-Għerusija ta’ Marija ma' Ġużeppi, kwadru ieħor ta’ Santa Marija, il-Ħarba lejn l-Eġittu, il-Portusalvu mdawwar bi ħmistax il-kwadru oħra żagħar li juru l-Misterji tar-Rużarju, il-Madonna taċ-Ċintura, il-Kunċizzjoni u Santa Rita.

Il-konsagrazzjoni ta’ dan it-Tempju

Ma nafux sewwa minn min kien ġie kkonsagrat dan il-għar. Bosta jsostnu li kien ġie kkonsagrat mill-istess San Pawl.  Oħrajn isostnu li mill-ewwel Isqof tagħna, San Publiju. Oħrajn huma tal-femha li forsi ġie ikkonsagrat fis-sena 402 minn Isqfijiet li ġew mill-Afrika fi trieqithom lejn xi Konċilju, x’aktarx ta’ Milevio, ħdejn Kartaġni fi żmien il-Papa Innoċenz I, għalkemm oħrajn jaħsbu li dan il-Konċilju kien ġie ċċelebrat hawn Malta.  Fil-fatt fis-saqaf tas-Santwarju jidhru mpittra ħafna Isqfijiet. Hu maħsub li dawn kienu żaru l-għar u kkonsagrawh.

Kien hemm min qal li x’aktarx dan is-Santwarju kien ikkonsagrat fis-sena 540 minn Isqfijiet li kienu ġew mal-Ġeneral Biżantin Belisarju, meta minn Sirakuża, waqfu fil-port tal-Mellieħa biex imorru lejn l-Afrika. Fl-aħħar insibu oħrajn li jemmnu li seta' ġie kkonsagrat fl-1091 minn Isqfijiet li kienu mal-Konti Ruġġieru u n-Normanni li ġew biex jieħdu l-gżira minn idejn is-Saraċini. Iżda żgur hu li kien ġie kkonsagrat, u xhieda ta’ dan huma s-seba' slaleb impinġijin bl-aħmar, imwaħħlin fil-ħitan tal-għar imqaddes. Dawn ġew indurati madwar is-sena 1620. Sa tmiem is-sena 1540 kien hemm madwar l-għar xi kitba miktuba bl-aħmar bil-Grieg u kienet tfakkar din il-konsagrazzjoni qadima. Din il-kitba kienet tħassret, kemm minħabba t-traskuraġni, kif ukoll billi l-lok kien ġie mbajjad.

Dan it-Tempju reġa' ġie kkonsagrat mill-isqof Alferan De Bussan, fl-21 ta’ Mejju tal-1747, wara li ġie mkabbar. Dan qiegħed fl-altar l-għadam tal-qaddisin Bonifaċju, Pija, Victor u Kandida.

Id-devozzjoni lejn dan is-Santwarju

Id-devozzjoni tal-poplu Malti lejn dan is-Santwarju minn dejjem kienet kbira. Kienu bosta l-pellegrinaġġi li saru lejn dan is-Santwarju Marjan. Insibu li fl-1470 kien sar pellegrinaġġ meta f’Malta kien hawn tliet snin ta’ nixfa. Wara dan il-pellegrinaġġ din il-grazzja inqalet, u bdiet niżla ix-xita. Fis-sena 1718 sar pellegrinaġġ ieħor ta’ penitenza fi żmien meta f’Malta reġa' kien hawn nixfa oħra kbira. Dan il-pellegrinaġġ kien immexxi mill-isqof Cannaves. Wara li spiċċa l-pellegrinaġġ bdiet nieżla xita bil-qliel.

Mill-Internet      Pellegrinaġġ ieħor kbir sar fl-1888 wara l-flaġell tal-kolera. Dan kien immexxi mill-Amministratur Appostoliku Mons. A.M. Buhagiar. Pellegrinaġġ Nazzjonali kbir ieħor sar fl-1949.

Minbarra hekk, dan is-Santwarju żaruħ ħafna nies fosthom, slaten u nies kbar. Fost dawn in-nies kbar, insibu tliet slaten ta’ Sqallija. Insibu lill-Federiku III fl-1373, lis-Sultan Martin fl-1408, u lis-Sultan Alfonsu fl-1432, il-Viċirejiet ta’ Sqallija Lupo Ximenes fl-1468 u Ferdinandu D’Acugna fl-1490.

Il-Gran Mastru Alof de Wignacourt kien iżur dan is-Santwarju kull nhar ta’ Sibt kif diġà għedna.  Il-Gran Mastru Perellos żar dan is-Santwarju, wara li kien qala' grazzja ta’ fejqan mill-marda li kellu.  Hu wkoll irregala lil dan is-Santwarju lampier sabiħ tal-fidda, li għadu jeżizsti, u li hu magħruf bħala “il-lampier tas-Sultan”. Il-Papa Gwanni Pawlu II ukoll żar dan is-Santwarju meta kien qiegħed Malta. Huwa mar iżur il-Madonna tal-Mellieħa nhar is-Sibt, 26 ta’ Mejju 1990.

L-Inkurunazzjoni tal-Madonna

Minħabba d-devozzjoni kbira li kellu l-poplu lejha, l-isqof Pietru Pace, għamel talba formali lill-Papa ta’ dak iż-żmien biex ikun jista' jinkuruna r-ras tal-Verġni Mqaddsa. Wara li saret it-talba mill-isqof Pace, il-Papa Ljun XIII fid-29 ta’ Mejju 1895, ħareġ digriet li biħ l-isqof Pace seta' jinkuruna x-xbieha tal-Madonna tal-Mellieħa.
Iżda nsibu li din ix-xbieha mirakoluża ġiet inkurunata aktar minn erba' snin wara, jiġifieri nhar il-Ħadd, 24 ta’ Settembru 1899, mill-istess isqof Pietru Pace, mill-isqof Camilleri t’Għawdex u mill-isqof Awżiljarju Savatore Gaffiero f’isem il-Papa Ljun XIII.  Għal din l-okkażjoni saru festi kbar. L-isqof Pietru Pace għamel kelmtejn għall-okkażjoni u fid-diskors tiegħu qal din il-frażi li baqgħet tissemma s’issa: “Malta kkonsagrata lill-Madonna tal-Mellieħa li dejjem kienet it-tarka tal-Fidi tagħna, il-glorja, l-unur, l-akbar ġmiel tal-knisja f’Malta”.

Ritratti - Philip Xuereb    Ex-voto kurjuż

Bħal Santwarji Marjani oħrajn f'Malta Għawdex, dan is-santwarju fiħ għadd ta' kwadri ex voto. Dawn huma xhieda tad-devozzjoni li kien igawdi dan is-santwarju kif ukoll tal-għadd ta' grazzji li nqalgħu bl-interċessjoni tal-Madonna.

Jimmy Muscat, fil-ġurnal lokali The Sunday Times tal-Ħadd 13 t'April, isemmi kwadru antik ex voto li hu mqassam f'żewġ partijiet. Fil-parti t'isfel juri bastiment Venezjan f'diffikulta f'tempesta filwaqt li l-parti ta' fuq juri ikona tal-Madonna bil-Bambin li tista' tgħid li hija kopja identika ma' ikona oħra meqjuma fil-monasteru Ċiprijott f'Kykkos. L-awtur ta' dan l-artiklu jikkonkludi li min pinġa dan l-ex voto kien jaf sew l-ikona tal-Madonna ta' Kykkos iżda dan ipoġġi wkoll il-mistoqsija kif ex voto ndirizzat lejn il-Madonna ta' Kykkos jinsab fis-santwarju tal-Mellieħa. Waħda mir-risposti possibli hi li dan tpitter f'Ċipru waqt il-ħakma Venezjana bejn is-snin 1489 u 1571 u nġieb minn Ċipru meta din il-ħakma spiċċat. Jekk hu hekk, dan jagħmel dan il-kwadru ferm antik, madwar 500 mitt sena. Iżda l-awtur jikkonkludi li la f'Malta u lanqas f'Kykkos ma sab dokumenti li jistgħu jitfgħu dawl fuq dan il-kwadru antik.

Konklużjoni

Dan kollu jixħed kemm il-poplu Malti għandu għal qalbu il-Madonna tas-Santwarju tal-Mellieħa, u min-naħa l-oħra, kemm il-Modonna kienet u għadha tħobb lill-poplu tagħna li qalatlu l-grazzji mingħand il-ħanin Alla, kull meta irrikorra lejha u talabha l-għajnuna.


Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Stanley Spiteri, Philip Xuereb, Mario Spiteri u mill-Internet

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Stanley Spiteri
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil     Kwadru Santwarju tal-mellieha
Ritratt - Philip Xuereb - Tar-Ruzarju
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratti - Mario Spiteri
Ritratti - Philip Xuereb
Ritratti - Philip Xuereb
Ritratti - Philip Xuereb   -   XIX cent Mellieha Sanct
Ritratti - Philip Xuereb  -   Santwarju Mellieha bitha

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com