KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Farmer

Il-sit tas-Simblija
~ Limiti tar-Rabat ~

Dikjarazzjoni, li saret f’Settembru fl-2012

Dan l-aħħar kienu qed jidhru xi ittri u xi artikli, kultant anke ta’ natura kontroversjali, fil-gazzetti nazzjonali dwar is-sit tas-Simblija.  Ma’ dawn hemm marbut l-isem tas-Sur Noel Ciantar qed jgħid li hu u l-familja tiegħu għandhom titlu fuq l-art tas-Simblija u li għalhekk dan jagħmilha art privata u mhux pubblika.   Numru ta’ għaqdiet volontarji qed jikkontestaw dan u jgħidu li dan mhux minnu u li għalhekk l-art hija pubblika.

Mingħajr ma jidħol fil-merti tal-każ innifsu, dan is-sit jiddikjara li is-Sur Noel Ciantar li qed jissemma’ f’dawn il-kwestjonijiet hu persuna kompletament differenti mis-Sur Noel Ciantar li kiteb dan l-artiklu hawn taħt kif ukoll fuq is-sit elettroniku u li hu ukoll il-Webmaster ta’ dan is-sit.  Li l-ismijiet huma l-istess hu purament ko-inċidenza.

Is-Sur Noel Ciantar,
Webmaster
www,kappellimaltin.com

Farmer_plowing

Il-medjuevu kien perjodu ta’ attività qawwija u taqlib kontinwu fil-gżejjer Maltin, l-aktar fil-medjuevu tardiv wara l-miġja tal-Konti Ruġġieru II f’Malta.  Jekk trid tara aktar x’kienu u l-implikazzjonijiet tat-taqlib li sar fil-gżejjer Maltin fil-perjodu ta’ meta ġew in-Normanni u wara , ara x’konna ktibna dwar dan is-suġġett meta konna ddiskutejna l-isfond storiku tal-kappella tal-Vitorja fil-forti Sant’Anġlu fil-Birgu.

Riċerka

Iżda sfortunatament dan il-perjodu juri nuqqas qawwi ta’ dokumentazzjoni miktuba u għalhekk, l-istorja trid tissawwar fuq ħjiel li jinġabar minn skavi arkejoloġiċi.  Madankollu fdalijiet arkejoloġiċi fil-kampanja minn dan il-perjodu huma ftit rari bejn għax il-binjiet kienu jkunu kkonċentrati fl-ibliet (fil-Birgu, madwar il-Casrum Maris, u fl-Imdina) kif ukoll għax missirijietna ma kinux jiddejqu jirreċiklaw ġebel minn binjiet li ma jkunux baqgħu jintużaw – il-ħela kienet għlihom dnub mejjet u r-reċiklaġġ kien jiġi qabel il-preservazzjoni storika.

Għalhekk meta tinstab xi binja minn dan il-perjodu, din tkun xi ħaġa rari u tqajjem interess fost l-istudjużi.  Hekk seta’ ġara meta fl-1994 il-Professur tal-Istorja tas-Sorbonne f’Pariġi, Alain Blondy, indika lill-Professur Mario Buhagiar mill-Universita ta’ Malta li seta’ kien hemm kappella medjevali li konna għadna ma’ nafux biha fir-raħal rurali medjevali tas-Simblija.  Fl-1995 taħt il-gwida tal-Professur Buhagiar, erba’ studenti tqabbdu jagħmlu studju tal-inħawi billi jagħmlu survey li kellu jinkludi disinnji tal-preżunta knisja, il-faċilitajiet tal-madwar kif ukoll biex jindikaw dawk il-karatteristiċi tal-lokal, kemm naturali kif ukoll dawk magħmulin mill-bniedem li kellhom ċerta mportanza arkejoloġika, artistika jew ekoloġika.  Fl-1998 is-sit inagħżel mill-Ministeru tar-Riżorsi bħala l-proġett Malti għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett “Aramis” tal-Unjoni Ewropeja.

L-ewwel nukleju tar-raħal Malti: Ir-rażżett

L-ewwel nukleju tar-raħal Malti kienu l-irziezet li bdew ifaqqsu fil-kampanja Maltija ‘il hinn miċ-ċentri urbani bejn it-tnax u s-sittax il-seklu.  Fil-medjuevu bikri, bejn is-sitt u l-ħdax il-seklu, ma jidhirx li kien hawn xi attività qawwija fil-kampanja.  Dan beda jinbidel mal-miġja tan-Normanni għax inagħraf li l-kampanja setgħet issir sors ta’ qliegħ ieħor għall-ħakkiema l-ġodda.  Iżda l-Professur Buhagiar jatribwixxi din il-firxa bikrija wkoll għal raġunijiet soċjo-reliġjużi peress li l-ħakkiema Normanni mhux dejjem raw għajn m’għajn ma’ dik li kienet essenzjalment popolazzjoni Musulmana tal-lokal.  Każi ta’ moħqrija, persekuzzjoni, fastidji u diskriminazzji saru wkoll.  Għalhekk mhux ħaġa kbira li seta’ kien hemm dan l-inċentiv ukoll biex xi wħud joħorġu mill-ibliet u jibdew jabitaw fil-kampanja. 

Il-kelma razzett ġejja mill-Isqalli “rizetu”, li minn naħa tagħha ġejja mill-Latin “receptus”, jiġifieri “ilqugħ” jew “refuġju”.  Mill-banda l-oħra, il-partijiet prinċipali tar-razzett, bħalma ngħidu aħna “l-għorfa”, għandha nisel semitiku.  Dan jirrifletti l-fatt li f’dan iż-żmien kienet qiegħda sseħħ il-bidla tal-kultura minn dik Għarbija għal dik Sikulo-Normanna Latina.  Ir-razzett għalhekk jista’ jitqies li kien mera tad-dar tipikament Maltija tal-ibliet medjevali li ġiet addattata għall-ambjent rurali li sabet ruħha fih waqt din il-qalba soċjokulturali u reliġjuża li kienet qed isseħħ.

Il-lokalità tas-Simblija

Dan il-lokal jinsab fil-punent tar-Rabat, ħdejn Wied Ħażrun u wieħed jista’ jaħseb li dan għadu fi stat preservat tiegħu minħabba li qiegħed tassew maqtugħ mill-bqija tal-irħula tal-madwar.  Il-valur arkeoloġiku tiegħu qiegħed fil-fatt li dan jippreserva l-apparenza u l-karatteristiċi ġenerali ta’ kif kienu jkunu l-ewwel irħula żgħar fil-medjuevu tardiv.  Jissejjaħ “viridarium”, għax kien marbut mal-attività agrikola fl-inħawi.  Viridarium kien ikun territorju agrikolu ċkejken iżda li fih kont issib dak kollu li hu meħtieġ għal dawk li jaħdmuħ.  Dawn il-komunitajiet kienu jinbnew b’taħlita ta’ għerien, ħitan tas-sejjiegħ u kultant kienu wkoll jinkludu bini b’ħitan miżmum bit-tajn.  Il-viridarium tas-Simblija huwa l-uniku wieħed f’Malta ta’ dak iż-żmien li baqa’ jeżisti.  Ma nafux meta beda, iżda l-art tal-madwar hija fertili u hemm l-ilma u għaldaqstant jista’ jkun li hu qadim ħafna.
 

Ritratt - Tony Bonello


Dan ir-raħal għalhekk kien jilqa’ fih il-bdiewa (skjavi u/jew serfi li oriġinarjament kienu magħrufin bl-isem ta “beduini” u li minnha ġejja l-kelma “bdiewa”) li kienu jaħdmu l-egħlieqi tas-sultan (“masserie”) li kienu fil-qrib.  Ir-raħal kien magħmul minn taħlita ta’ għerien addattati għall-użu għan-nies u l-bhejjem kif ukoll xi bini mibni bil-ġebel imdawwrin ma’ misraħ ċkejken.  Dan ir-raħal kellu knisja, għerien fejn joqgħodu n-nies u l-bhejjem, centimolo (mitħna tal-qamħ imħaddma minn bhima – l-imtieħen tar-riħ daħlu f’Malta mal-miġja tal-Kavallieri aktar tard fil-bidu tas-seklu sittax), kċina b’forn, bini ieħor tas-sejjiegħ jew b’ħitan miżmumin bit-tajn, spażju fejn kienu jidirsu l-qamħ, ġibjuni u galleriji tal-ilma u ħwejjeġ oħrajn li għalkemm sempliċi fin-natura tagħhom kienu jagħmlu l-lokal indipendenti.  Il-binjiet prinċipali biss bħalma kienu il-knisja, il-forn u l-mitħna kienu jdawwru l-misraħ li kien ukoll maqtugħ mill-bqija tal-bini l-ieħor b’xatba tal-injam miżmuma f’ħoloq tal-ġebel.  Dan l-arranġament jitfa’ dawl fuq kif kienet topera s-soċjeta dak iż-żmien u nistgħu insibu dan l-arranġament ukoll fl-irħula trogloditiċi oħrajn bħal Għar il-Kbir, Għar San Niklaw fil-Mellieħa u Għar San Pietru fin-Naxxar.

Ġrajja mill-istorja: Ġużeppi Callus u Mattew Falzon

Riċerka tal-Professur Fiorini sabet li ċertu Ġużeppi Callus kellu propjetà f'Wied ir-Rum li kien biegħ f'Marzu tal-1561.  Iżda hu żamm il-jedd fuq il-kappella li kien hemm fl-inħawi.  Callus, iben Hyeronimus, kien kjeriku miżżewweġ li kien ukoll tabib ta' ċerta fama.  Hu kellu sehem importanti fil-protesti li n-nobbli Maltin kienu għamlu kontra t-tmexxija ħarxa tal-Gran Mastru de Valette , l-aktar minħabba t-tneħħija tad-drittijiet u l-privileġġi tal-Università, li minnha hu (Callus) kien jagħmel parti.  Kienet inkitbet ittra lir-Re Filippu II ta' Spanja iżda din l-ittra qatt ma waslet għand ir-Re iżda spiċċat f'idejn de Valette li kkunsidra din l-ittra bħala tradiment.  It-tradizzjoni tgħid li kien Callus li kiteb l-ittra u għal dan il-Gran Mastru de Valette iġġustizzjah.  Id-dokument tal-bejgħ tal-propjetà ta' Callus f'Wied ir-Rum tal-1561, li nstab fil-Monasteru ta' San Pietru fl-Imdina, jirreferi għall-Callus bħala li kien (diġà) mejjet.

Ġużeppi Callus iħalltuħ ma’ Mattew Falzon u b’mod żbaljat jirreferu għalih bħala “Mattew Callus”.  Mattew Falzon ukoll kellu viridarju fl-inħawi ta' Wied ir-Rum u ftit snin wara l-mewt ta' (Ġużeppi) Callus ittellgħa quddiem l-inkwiżitur minħabba l-ereżija u hu ukoll ġie kkundannat għall-mewt u ġie ġġustizzjat fl-1575.  Kemm il-propjetà ta' Callus kif ukoll dik ta' Falzon kienu kkonfiskat u saru jagħmlu parti mill-artijiet tal-Ordni.

Dokument tal-1622, attribwit mill-Professur Wettinger lil Dun Filippu Borgia, isemmi l-ġrajja ta’ dan Callus u jirreferi għalih bħala “una persona di qualità di nome Maltese Matteo Callus Medico Fisico salariato d’essa Citta”.  Minn dak inhar bqajna nsejjħu b’mod żbaljat ‘l dan Ġużeppi Callus bl-isem ta’ “Mattew”.  Mhux hekk biss.   Billi dawn iż-żewġ persuni kienu jgħixu fl-istess żmienijiet u fl-istess inħawi u preżubilment mietu l-istess mewta traġika, ħafna jħalltuhom flimkien u spiss naqraw dwar “Mattew Callus” speċjalment fil-kitba popolari, fosthom il-ktieb rumanz ta’ Ġuże Muscat Azzopardi bl-isem “Mattew Callus”.  Iżda llum nagħrfu ‘l dawn it-tnejn bħala żewġ persuni differenti u distinti minn xulxin.  Mietu t-tnejn iġġustizzjati iżda għal raġunijiet differenti.

Il-knisja medjevali

Il-knisja f’dan ir-raħal ċkejken medjevali għandha lok prominenti fil-misraħ iżda minn barra m'hemm xejn li jindikaha li hija knisja u li hi xi ħaġa differenti mill-bini ta' madwarha.  Is-saqaf xi ftit imxaqleb bil-ponta fin-nofs, li normalment jikkaratterizza l-knejjes kontemporanji, ma jeżistix f'din il-knisja li għandha saqaf ċatt.  Iżda minn ġewwa għandha dawk il-karatteristiċi fl-istruttura tagħha li nassoċċjawhom mal-knejjes tal-medjuevu tardiv Malti.  Il-knisja hija parzjalment imħaffra fil-ġebel u għandha saqaf tax-xorok li qed jistrieħu fuq tlett arkati li ġejjin ftit għall-ponta.  Il-bieb prinċipali mhux fin-nofs tal-faċċata, kif wieħed imdorri jara llum, iżda fil-ġenb.  Dan għandu tieqa żgħira fuqu li tagħti ftit dawl lill-intern tal-knisja.  Il-ħajt tal-lemin ukoll fiħ tieqa.  Il-knisja m'għandiex apside jew xi daħla fejn normalment ikun hemm l-altar.  L-altar jistrieħ direttament  mal-ħajt li jagħti għal Lvant.  Mal-ħajt tax-xellug jidhru strutturi li jista’ jkun li huma dikkiena Din il-binja hi relattivament żgħira u jekk tassew kienet tintuża għall-kult, setgħet kienet tesa’ biss bejn ħmistax u għoxrin persuna.
 

Ritratt - Tony Bonello


Hemm żewġ kappelli oħra f'Malta li jqarrbu lejn din il-kappella:  dik ta' San Mattew tal-Maqluba fil-Qrendi, li wkoll għandha saqaf ċatt u oħra ddedikata 'l San Mikiel il-Sanċir  fi Ġnien is-Sultan fil-limiti tar-Rabat li ukoll m'għandiex apside jew xi forma ta' daħla għall-altar.  Din ta' l-aħħar ukoll kienet taqdi l-ħtiġijiet ta' lokal agrikolu (ta' Ġnien is-Sultan).

Il-knisja tas-Simblija kienet diġà tinsab desakrata fis-sena 1621, u rapport tat-Teżor ta' dak iż-żmien jiddeskriviha sempliċiment bħala "kamra bi tliet arkati".

Fir-rapport tiegħu tal-1575 il-monsinjur Dusina jsemmi ħames knejjes fl-inħawi ta' Wied ir-Rum u Wied Ħażrun.  Waħda minnhom hija ddedikata 'l San Nikola u kella parti minnha mħaffra fil-ġebel.  Mill-erbgħa l-oħra, tnejn minnhom huma assoċjati mal-istorja ta' Ġużeppi Callus u Mattew Falzon.  Waħda minnhom kienet iddedikata lit-Twelid tal-Madonna u li kienet tinsab fil-viridarium ta' Mattew Falzon fl-inħawi ta' Wied Ħażrun.  L-oħra kienet knisja wkoll iddedikata 'l San Nikola u kienet tinsab fil-viridarium (tal-mejjet) Ġużeppi Callus fl-inħawi ta' Wied ir-Rum.

Jista' jkun li l-knisja li nsibu llum fis-Simblija hi dik iddedikata 'l San Nikola iżda għal dan għad m'hemmx provi.  Din il-knisja kienet miżmuma tajjeb skond ir-rapport ta’ Dusina tal-1575 u kienet tiġi ċċelebrata l-festa ta' San Nikola bir-reċtar tal-uffiċju tal-qaddis u bit-tqassim ta' ikel lill-fqar kif kienet id-drawwa dak iż-żmien.  Fil-visti ta' wara, ma tissemma l-ebda knisja ddedikata 'l San Nikola iżda tissemma minflok knisja ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta' Marija magħrufa bħala "Tal-Callus".  Din il-knisja kienet ġiet formalment ipprofanata fl-1636 għax kienet waqgħet f'telqa u ma kenitx għadha tintuża bħala knisja iżda kienet tintuża biss bħala maħżen għall-għalf tal-bhejjem.  Jista' jkun għalhekk li f'xi mument fiż-żmien il-knisja nbidillha d-dedika tagħha.  Mill-banda l-oħra jista' jkun ukoll li fil-fatt kien hemm żewġt kappelli tassew distinti minn xulxin.  Dan hu x-xogħol ir-riċerkatur li bil-mezzi arkeoloġiċi, xjentifiċi u dawk tar-riċerka jkun jista' jiskopri u jitfa’ ħjiel ta' x'kienet tassew il-verita dwar dan il-lokal importanti kif ukoll affaxxinanti.

Dan is-sit storiku ġie skedat mill-MEPA fl-2006.

Kitba ta’ Noel Ciantar, il-webmaster tas-sit www.kappellimaltin.com
Ritratti ta’ Tony Bonello, Noel Ciantar (il-webmaster) u mill-Internet

Ritratt - Tony Bonello
Ritratt - Tony Bonello
Ritratt - Noel Ciantar.  Gebel tad-dhin fil-muzew ta' Brno, fl-Slovakkja
JPDV
Ritratt - Tony Bonello
genie-lamp


Il-Ħares tas-Simblija

Fuq blog fuq l-Internet iltqajna ma’ artiklu ħelu dwar din il-knisja li qed nitkellmu fuqha.  Dan jitfa’ dawl fuq l-użu ta’ din il-kappella fis-snin ta’ wara  t-tieni gwerra dinjija u forsi wkoll jagħti bidu għal xi leġġenda marbuta ma’ din il-kappella.

Il-blog hu tas-Sur Joseph Ciantar, li ġentilment tana l-permess biex nirriproduċuh hawn.  Il-blog oriġinali kien qiegħed fuq is-sit Windows Live Spaces li llum m’għadux jopera.  Għaldaqstant ma nistgħux, kif konna għamilna qabel, nagħtu lin għas-sit oriġinali.

Meta kont żgħir dejjem niftakar lil missieri jsemmi l-erwieħ u l-ħares. Jien, ngħid il-verita, kont naqbad nidħak meta kien jibda’ jirrakkonta. Qatt ma emmint b'dawn l-affarijiet u sal-lum għadni qatt ma rajt xejn li ma tistax tispjegaħ. Ġieli immaġinajt li rajt xi ħaġa speċjalment meta kont għadni tifel u kont nibża fid-dlam. Ħaġa tal-għaġeb meta tibda’ tibzgħa donnu l-immaġinazzjoni aktar tibda’ taħdem u malajr tibda’ tara kull xorta ta’ mostri.  Insomma, missieri kien jaħlef li jeżistu u tantx kemm kien jinħaraq meta xi ħadd kien imeriħ.

Missieri twieled u għix ħajtu kollha fejn illum jgħidulu is-Simblija, aktar ‘il ġewwa minn Ħad-Dingli.  Dak iż-żmien kien ftit wara l-gwerra u kien hawn ħafna għaks skont kif kien jgħid hu.  F'dawk l-inħawi anqas dawl elettriku ma kien hemm u dam ma ġie sa meta kont tifel jien.  Kienu disgħa aħwa imma mhux kollha kienu id-dar għax ftit minnhom kienu siefru l-Awstralja .  Ftit ‘l isfel mir-razzett kellhom kamra li ġo fiha kienu jaħznu t-tiben għall-annimali. 

Din il-kamra llum skont Dun Ġwann Azzoppardi sabu li kienet kappella medjevali u illum din mal-kumplament tar-razzett tinsab miftuħa għall-pubbliku.  Insomma,  billi kienu ħafna aħwa u ma tantx kellhom wisgħa fir-razzett missieri kien jgħid li kienu jmorru jorqdu ġo din il-kamra fuq it-tiben billi din kienet kennija u kien ikun hemm ħafna sħana.  Magħhom kienu jieħdu lampa tal-pitrolju minn dawk li kien ikun fiha mera fuq il-ġenb biex tirrifletti id-dawl u kienet tiddendel mal-ħajt minn forma ta’ frejm tal-fildiferru li kellha.  Din il-lampa kien ikun fiha l-pitrolju ġo fiha u minnha kienet titla’  ftila tad-drapp li kienet tinxtegħel u din kella qisu apparat bis-snien biex ittella’ u jniżżel il-ftila biex tagħmel aktar dawl.  Fuq kellha tubu tal-ħġieġ biex jilqagħlha r-riħ u ma tintefiex.

Jgħid li meta kienu jmorru jorqdu hemm kienu iniżżlu din il-lampa magħhom u idendluha mal-ħajt biex iddawwal naqra il-kamra.  Dak iż-żmien kienu jitilqgħu kmieni ħafna biex imorru bil-prodotti tagħhom il-pitkalija Birkirkara u billi kienu jmorru bil-bagħal u l-karettun kien ikollhom ibakkru u allura kien jispiċċa wieħed biss minnhom jorqod fil-kamra. 

U allura qisu hekk kien ikun jistenna il-ħares għax kif dak li jkun se jorqod fil-kamra kien ibaxxi d-dawl, kien jibda’ ġej inhir qawwi min-naħa ta' wara tal-kamra fejn kien hemm qisu toqba dejqa dieħla ġol-blat billi l-kamra kienet mibnija mal-ġenb tal-irdum.  Kien inħir vera qawwi u barra li jbeżżgħek ma kienx iħallik torqod, anke jekk ma tibżgħax. Malli kienu jgħollu d-dawl f'daqqa waħda kien jieqaf kollox.  Kienu jispiċċaw dejjem jorqdu bil-lampa tixgħel “full on”.  Donnu kien jibża’ mid-dawl dan il-ħares!

Meta kont tifel jien kemm il-darba kont immur ma’ hija nittawlu ġo din it-toqba imma qatt ma rajna xejn. Forsi billi llum sabu li din kienet xi forma ta' kappella, jista’ kien hemm xi ħadd midfun hemmhekk.  Min jaf eh?  Tgħid għadu hemm illum?



Joesph Ciantar
01/10/2006

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com