KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Knisja ta’ San Mikiel
“Is-Sanċir”
~ Rabat ~

Ritratt: Caroline Busuttil

Imferrxa mat-triqat u l-għelieqi tar-Rabat insibu bosta kappelli antiki li aktarx inbnew għal skop ta’ devozzjoni u li llum huma parti mill-patrimonju kulturali u reliġjuż ta’ pajjiżna. L-eqdem fost dawn fir-Rabat, u waħda mill-ftit kappelli medjevali li baqgħu jeżistu fi gżiritna, hi l-kappella ta’ San Mikiel jew kif inhi magħrufa ukoll “San Mikiel is-Sinċier” jew “is-Sanċir”.  Din tinsab fl-inħawi li fil-medjuevu kienet il-kontrada ta’ Ġnien is-Sultan, li tasal għaliha jew mill-ġenb tagħha int u nieżel lejn Għajn Kileb jew minn warajha x’ħin tikser mar-roundabout kbira tan-Nigret u taqbad in-naħa għall-lmtarfa x’ħin tikser lejn ix-xellug għat-trejqa li twassal għaċ-“Chadwick Lakes”. Din il-kappella sfortunatament mhix wisq magħrufa għax qisha mitlufa f’nofs għalqa u damet abbandunata għal bosta snin twal.


Ritratt: Noel Ciantar



Id-dedika ta’ din il-knisja

Id-dedika u l-isem kif inhi magħrufa din il-kappella antika huma kemmxejn kurjużi. Skont Professur Stanley Fiorini l-isem San Mikiel is-Sanċir jew “is-Sinċier” jistgħu jitfissru li oriġinarjament din il-kappella kienet iddedikata lil San Ċirijaku.  Nafu b’madwar 27 qaddis b’dan l-isem, ħafna minnhom mietu martri.  Iżda x’aktarx hu li qed nitkellmu dwar qaddis meqjum fil-Knisja tal-Lvant li kien jgħix ta’ eremita u li miet fis-sena 557WK fl-għar  ta’ San Chariton fil-Palestina. Dan il-qaddis, bħal qaddisin oħra tal-kult Grieg, kienu jgawdu minn devozzjoni kbira fi gżiritna. Waqt ir-rikristjaniżżazzjoni ta’ Malta, meta kien hemm bidla mill-kult Grieg li kien komuni f’dak il-perjodu għall-kult Latin, dediki ta’ kappelli lil qaddisin tal-kult Grieg bdew jinbidlu għal qaddisin tal-kult Latin. Il-festa ta’ San Ċirijaku, jew San Ċir, kienet taħbat fid-29 ta’ Settembru, li taħbat fl-istess ġurnata fejn fil-kult Latin tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Mikiel Arkanġlu.  Minħabba f’hekk ukoll wieħed jista’ jasal għal liema San Ċirjaku wieħed qed jitkellem fuqu.   Għalhekk jista' jkun li d-dedika ta’ din il-kappella nbidlet għal San Mikiel u n-nies tal-inħawi biex ikomplu jfakkru lil qaddis li għalih din il-kappella kienet iddedikata oriġinarjament bdew isejħulha San Mikiel is-San Ċir li wara nbidlet għal Sanċir jew Sinċier.

Dan narawh ukoll fi knejjes oħra, ngħidu aħna f’Bubaqra, fejn il-kappella ta’ San Mikiel, li llum m’għadiex teżusti, kienet magħrufa ukoll bħala ta' San Ċir.

Żona arkeoloġika fl-inħawi ta’ Ġnien is-Sultan

Jidher li fejn tinstab din il-kappella llum fl-inħawi ta’ Ġnien is-Sultan hemm żoni arkeoloġiċi li jmorru lura ħafna fiż-żmien. Ftit 'il bogħod hemm serje ta’ għerien Puniċi. F’waħda mill-arkati tal-kappella tas-Sanċir hemm inkorporata kolonna Rumana.

Waqt it-tindif u r-restawr tal-kappella snin ilu, instabet ġebla ta’ magħsar taż-żejt taż-żebbuġ u jingħad li l-biċċa l-oħra qiegħda fil-bir ta’ wara l-kappella. B’xorti ħażina din il-ġebla kbira tal-magħsar insterqet mill-kappella ftit tas-snin ilu. Waqt ir-restawr saru ukoll xi skavi f’parti mill-ġenb tal-kappella u hemm instabu xi muniti kif ukoll ħafna biċċiet ta’ fuħħar ta’ kull epoka li jinkludu dawk Puniċi, Rumani u medjevali. Studju reċenti jidentifika ċaqquf ta’ żmien l-Għarab. Dawn il-fdalijiet illum qiegħdin fil-Mużew Nazzjonali għall-istudju. Dan jindika li l-post fejn tinstab il-kappella kien jintuża minn ħafna qabel inbniet il-kappella. Dan ifakkarna f’dak li nstab bl-istess mod fl-inħawi tal-kappelli ta’ Ħal Millieri fil-limiti taż-Żurrieq.

Oriġini

Mill-atti tal-viżti pastorali nafu li fl-istess inħawi ta’ San Ċir kien hemm kappella ta’ San Dimitri fi Ġnien Fieres (li jmiss ma’ Ġnien is-Sultan), oħra tas-Salvatur f’Għajn Qajjed u oħra ta’ San Ġwann f’tat-Tabja. Dawn illum spiċċaw iżda dik ta’ San Ċir fi Ġnien is-Sultan baqgħet wieqfa għax meta ma baqgħetx tintuża bħala knisja, instab użu għaliha bħala stalla.

Ta’ min isemmi hawn każ ieħor jixtiebaħ: fil-limiti tar-Rabat f’Wied ir-Rum, ftit snin ilu nstabet mill-Prof. Alain Blondy kappella oħra medjevali li meta tilfet l-identita’ tagħha ta’ Knisja, intużat mill-bdiewa bħala għorfa għas-silla.

L-eqdem referenzi għall-post jinsabu f’dokument fil-Kanċellerija ta’ Palermo fejn jingħad li fit-18 ta’ Ġunju 1361 ir-Re ta b’fewdu lil Giacomo Pellegrino il-Ġnien tiegħu b’żewġ għejun li jissejħu Aynalcajd (Għajn Qajjed) u Ayntofen (vijridarium di lu Re cum fontibus). Aktar tard fl-1372 dan Pellegrino kellu xi nkwiet mas-sultan u l-fewdu tteħidlu biex jibqa’ tar-Re sakemm fl-1530 l-artijiet kollha tas-sultan inkluż dan il-ġnien għaddew għand l-Ordni ta’ San Ġwann sa żmien il-Franċiżi meta reġgħu għaddew għand il-Gvern.

L-eqdem dokument miktub fuq il-kappella ta’ Sanċir hu l-viżta appostolika ta’ Monsinjur Pietro Dusina li żarha fl-1575 u sab li ma kelliex bieb u twieqi, iżda kellha altar wieħed u paviment. Dusina ħeġġeġ lill-Gran Mastru biex isewwiha. F’dan il-kumment insibu tagħrif interessanti, jiġifieri li l-knisja kienet tal-istat (tal-Ordni ta’ San Ġwann). L-istess isem tal-post, Ġnien is-Sultan, juri li l-għelieqi ta’ dawk l-inħawi kienu tas-Sultan u dan ħafna qabel ma ġew il-Kavalieri f’Malta fl-1530.

ll-kappella fl-għelieqi tas-Sultan jidher li kellha l-iskop li taqdi l-bżonnijiet spiritwali tal-bdiewa li kienu jieħdu ħsieb l-għelieqi tas-Sultan u tal-inħawi madwarhom.

Wara Monsinjur Dusina, żaru l-kappella diversi isqfijiet oħra li lkoll semmew l-abbandun u l-istat ħażin tal-knisja li wkoll jgħidu li kienet f’idejn l-Ordni. Jissemma aktar minn darba il-kwadru titulari ta’ San Mikiel, għalkemm l-lsqof Cagliares fl-1615 jgħid li kwadru ma jingħarafx iżda “jingħad li hu San Mikiel” – dan jindika t-telqa ġenerali li kienet tinsab fiha l-kappella dak iż-żmien. Tissemma’ wkoll il-festa ta’ San Mikiel fid-29 ta’ Settembru waqt li l-lsqof Gargallo fl-1598 isemmi li kienu jsiru l-Primi Vespri lejlet il-festa mill-ħaddiema tad-dwieli tal-post. Dan ifisser li l-agrikoltura tal-post kienet ibbażata fuq il-koltivazzjoni tad-dwieli. Fl-1678 żar il-post l-lsqof Molina u mħabba l-istat ħażin tal-kappella ddeċieda li ma tistax tintuża aktar għall-funzjonijiet reliġjużi u ordna li l-kwadru jittieħed fil-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat u li l-bini tagħha kien qed jintemm u li jitkissru wkoll xi xorok mis-saqaf bħala sinjal ta’ desagrazzjoni.

B’hekk twaqqaf fil-knisja l-ġdida ta’ San Pawl l-altar ta’ San Mikiel, li miegħu hi marbuta l-fratellanza tal-bottegari (jiġifieri tal-ħwienet). Wara tlettax-il sena il-fratelli qabbdu lil Mattia Preti jagħmlilhom, minflok il-kwadru miġjub minn San Ċir, il-kwadru ġdid li għad għandna sal-lum.

Il-Kappella ssir parti minn razzet

Wara li l-knisja ġiet ipprofanata fl-1679, il-bdiewa tal-inħawi malajr għamlu użu mill-kappella bħala maħżen tal-frott jew bħala maqjel u sa ftit ilu kienet għadha tintuża minflok girna jew kamra f’nofs l-għelieqi tal-gvern li jiffurmaw it- tenement numru 462 ta’ 32 tomna raba’.  Fl-1978 ingħatat bl-offerti għal 4 snin bi qbieli ta’ Lm25 (€58,25 fil-munita tal-lum) kull sena sena lil ċertu Karmenu Zerafa. Ir-razzett ta’ dan it-tenement kien dak li hemm fuq nett fil-għoli aħna u neżlin għal Ġnien is-Sultan. Iżda, meta erba’ snin wara, dan l-ammont ta’ 30 tomna reġa’ ħareġ bl-offerti, flok persuna waħda ħaduh tnejn li kienu Giovanni Galea u l-aħwa Micallef. Kull tenement irid ikollu girna jew kamra għall-għodda tal-għalqa u għalhekk waqt li Galea ħa r-razzett ta’ fuq kif imsemmi, l-aħwa Micallef ħadu dan il-bini ċkejken f’nofs l-għelieqi, jiġifieri l-Kappella pprofanta li bdew isejħulha r-Razzett ta’ Sanċir.

Aktar tard iż-żewġ aħwa Micallef reġgħu qasmu l-kappella bejniethom billi bnew ħajt fin-nofs: wieħed kien juża l-bieb tal-faċċata u l-ieħor il-bieb tal-ġenb. Kienu jisqu l-annimali wieħed minn toqba fil-ħajt ħdejn il-ħawt max-xellug, u l-ieħor minn toqba f’armarju oriġinali tal-kappella. Dan tnehha fl-1981/1982 u bil-ġebel tiegħu nbena il-ħajt tas-sejjieħ diviżorju bejn żewġ oqsma maħduma minn bdiewa.

Il-kappella taqa’ fi stat t’abbandun u wara tiġi rrestawrata

ll-Kappella ta’ San Mikiel is-Sanċir sefgħet abbandunata, mitluqa u minsija għal aktar minn 300 sena kif diġà. Għalkemm tidher sewwa mit-triq prinċipali tal-Fiddien, li tagħti l-ħruġ għall-kampanja sabiħa tar-Rabat, ftit kienu semgħu biha qabel l-1966 meta f’rokna bit-titlu “Kappelli u Knejjes Żgħar” li kien jikteb fil-ġurnal “Leħen is-Sewwa” Mikiel Spiteri magħruf bħala Kilin ġab disinn tagħha bl-iskop li jqajjem interess u tiftix storiku. Skont Dun Ġwann Azzopardi, it-tweġibiet li ntbagħtu ma kienux tant korretti għax waqt li nsew lil San Mikiel, ħalltu l-kontradi ta’ Ġnien is- Sultan u Ġnien Fieres u għalhekk ħawwdu bħala l-istess kappella dik ta’ San Ċir ma' dik ta’ San Dimitri.

Tagħrif preċiż, ma’ pjanta tal-knisja, deher fl-1975 fl-istudju “Mediaval Churches in Malta” tal-Prof. Mario Buhagiar fil-ktieb “Medieval Malta”.


L-arkati bil-ponta fis-saqaf - Ritratt: Caroline Busuttil



Fil-mużew tal-Kattidral tal-lmdina, fl-1980 Dun Ġwann kellu x-xorti li jkollu fl-istaff tal-Microfilm Project lil Domenic Cutajar u Charles Cassar li malli saru jafu b'din il-kappella b’entużjażmu u ġenerożità offrew ix-xogħol voluntier tagħhom fil-ħin liberu, biex inaddfu l-kappella.  Dan ix-xogħol ħa aktar minn sena u kellhom l-għajnuna tal-NSTF li tagħhom Charles Cassar kien president. Warajh Ray Cremona aktar tard daħal jaħdem ukoll fil-proġett tal-Mużew. L-ewwel għajnuna finanzjarja ta’ Lm150 (€350) saret mill-Friends of G.C. Aktar tard bl-appoġġ finanzjarju tal-NSTF ġie ffurmat fl-1983 is-Sanċir Trust li ltaqa 10 darbiet, 4 minnhom fil-post bl-aħħar laqgħa f’Settembru tal-1988. Kellhom l-għajnuna tal-Perit lil Norbert Attard u bħala arkeologu lil Dr. Anthony Bonanno, bl-assistenza wkoll xi drabi ta’ Dr. Tancred Gouder u wkoll tal-arkeologu Dr. Hayes. L-NSTF ħarġu spiża ta’ madwar Lm3000 (€7000).

Il-Kappella nfetħet mill-ġdid wara r-restawr b’ċerimonja fit-2 ta’ Otubru 1988 li għaliha attendew l-aġent President ta’ Malta Pawlu Xuereb, il-Ministru tal-Edukazzjoni Dr Ugo Mifsud Bonnici u d-diriġenti tal-NSTS. Saret quddiesa u diskors qasir minn Monsinjur Ġwann Azzopardi u diskorsi oħra tal-okkażjoni.

Il-Knisja minn barra u minn ġewwa

L-istil ta’ din il-kappella jixbaħ ħafna lil dak ta' Kappelli medjevali oħra li għandna fil-gżejjer tagħna fosthom dik ta’ Santa Ċeċilja f’Għajnsielem Għawdex u tal-Lunzjata f’Ħal Millieri għalkemm din tas-Sanċir tidher li tista' tkun eqdem.


Ritratt: Caroline Busuttil



Il-kappella tikkonsisti f’kamra mdaqqsa rettangolari mingħajr l-ebda forma ta’ arkitettura jew tiżjin ieħor. Il-ħajt tagħha huwa magħmul minn ġebel li jixbaħ lil ħajt tas-sejjieħ. Mal-ġnub tal-kappella, minn barra,  hemm rinforzi (“buttress walls”) biex iżommu il-kappella wieqfa. Dawn jidhru li saru wara li inbniet minħabba li l-ġebel tar-rinforzi ma jkomplix ma' dak tal-kappella.

Fuq il-bieb, li hu ta’ forma nofs tond ġej għal-ponta, naraw qasma tawwalija jew tieqa li titwessa minn ġewwa bl-ornament, biex tagħti xi ftit dawl lill-kappella minn ġewwa.

Minn ġewwa l-kappella għandha saqaf tax-xorok li jżommuh arkati li gejjin għall-ponta, li kultant jissejħu wkoll ta’ stil sikulo-normann.  Dawn jibqgħu neżlin sal-art. Il-knisja m’għandhiex apside. Instabu ukoll traċċi ta’ bankijiet tal-ġebel bejn l-arkati jew kif inhuma magħrufin aħjar, id-dikkiena.

Għad nistgħu naraw li partijiet mill-paviment tal-knisja kienu taċ-ċangatura li kienu tqiegħdu b’ċertu simetrija. Interessanti ukoll li fuq ġewwa tal-knisja nstabu xi graffiti ta’ xwieni – probabli xi forma ta’ “ex-voto”. Il-kappella għandha żewġ bibien u tieqa li llum huma magħluqin minn aperturi tal-ħadid li għaslkemm ma jħallukx tidħol fiha, jippermettilek tara ġewwa tal-kappella.

Maġenb il-knisja kien hemm ċimiterju żgħir - illum iċċangat. Kienet ħaġa komuni ħafna li fil-kappelli kif ukoll maġenbhom kien isir id-dfin. Hawn min jgħid li hafna mill-kappelli kienu jinbnew appuntu biex isir id-dfin fihom.

Il-Kappella terġa’ tinsab fi stat imminenti li tiġġarraf

Wara li l-kappella ġiet restawrata fl-aħħar tas-snin tmenin, jidher li ftit bdiet tintuża u llum reġgħat intelqet. Il-kappella llum reġgħet waqgħet fi stat t’abbandun totali u ma ssir l-ebda forma ta’ attivita fiha. Biex tidħol lejn il-bieb prinċipali tagħha trid tgħaddi minn passaġġ dejjaq ħafna għax quddiemha hemm ħafna qasab twil li jgħatti u jimblokka l-parti ta’ quddiem tagħha. Dan ifisser li lanqas tista' tara sew il-kappella mill-faċċata.

Tkellima ma' xi bdiewa li għandhom ir-raba’ fl-inħawi tal-kappella u qalulna li dan l-aħħar waqgħu ukoll xi xorok mis-saqaf fil-parti ta’ fejn kien hemm l-altar ewlieni. Għalhekk issa l-kappella hi esposta ukoll għall-elementi. Jidhru ukoll xi qasmiet u konsenturi fil-ħitan tagħha li juru li l-kappella qegħda fil-periklu imminenti li tiġġaraf. Dawn qalulna li għamlu xi rapporti fuq din il-ħsara imma s’issa għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni. Mal-ġnub tagħha hemm ukoll kull tip t’imbarazz u skart li ntefgħu hemm min-nies li ma jafux x’inhu l-importanza ta' dan is-sit arkejoloġiku u arkitettoniku.

Fis-16 ta’ Ġunju tal-2013 kien sar servizz fuq l-aħbarijiet ta’ TVM dwar din il-kappella bit-tama li jerġa’ jqum interess fiha biex terġa’ tiġi rrestawrata u ma tintilifx.  Fost dawk li kienu tkellmu kien hemm Il-Mons. Dun Ġwann Azzopardi, li minkejja l-età tiegħu qagħad imur fuq is-sit biex jieħu sehem fis-servizz, il-perit Nadia Martinelli li kienet għamlet teżi fuq din il-kappella u Roderick Busuttil. 

Araw  video dwar il-kappella maħdum minn Eric Busuttil hawn:

 

Nota qasira dwar il-kittieb Kilin u l-kappella tas-Sanċir

WEB_Kilin - mill-InternetNagħlqu b'nota ftit ta' swied il-qalb. Mikiel Spiteri, magħruf bħala Kilin ħalliena ftit tas-snin ilu fid-9 ta' Lulju, 2008. Kilin kien wieħed minn tal-ewwel biex snin ilu din il-kappella partikolari tinagħta l-importanza li jistħoqqilha u ma titħalliex tintilef għal dejjem. Oriġinarjament konna għamilna sforz biex intellgħu dan l-artiklu propju ftit ġranet wara mewtu b'rispett lejh u sabiex inkomplu l-kawża tiegħu favur il-ħarsien tal-wirt li għandna u b'mod partikolari ta' din il-kappella antika li għal darb'oħra tista' tiġġarraf għal dejjem jekk ħadd ma jieħu ħsiebha.

(Isma’ l-intervista li tana Kilin f’Ottubru tal-2007),

Għaddew ħames snin minn meta deher dan l-artiklu l-ewwel darba u sfortunatament ma kien sar xejn minn dak iż-żmien ‘l hawn.  Qed nerġgħu nagħmlu dan l-isforz għat-tieni darba biex forsi din id-darba xi ħadd jisma’ qabel ma jkun tard wisq.

Hi ħasra kbira li kappella tant antika li skont Monsinjur Ġwann Azzopardi hi l-eqdem waħda li għadha wieqfa fir-Rabat titħalla f’dan l-istat. Nittamaw li din il-kappella medjevali terġa' tiġi rrestawrata malajr kemm jista' jkun biex insalvaw ġawrha ta' arkitettura medjevali fil-kampanja tagħna.

Il-kitba ta’ Roderick Busuttil li ittieħdet minn informazzjoni ta’ Monsinjur Ġwann Azzopardi u ntużat bil-permess tal-awtur. Informazzjoni fuq l-isem tal-kappella ittieħed mill-intervista li konna għamilna lil Prof. Stanley Fiorini (Intervista 1 u Intervista 2) għall-programm "Mat-Tokki ta' Qniepen Żgħar".

Ritratti  Noel Ciantar, Caroline Busuttil, Tony Bonello u mill-Internet

Ritratt: Noel Ciantar
Kyriakos the Anchorite - mill-Internet
Altar (addizzjoni moderna) - Ritratt: Caroline Busuttil
Graffitti ta' bastiment - Ritratt: Caroline Busuttil
Parti minn kolonna Rumana inkorporata f'arkata - Ritratt: Caroline Busuttil
Maxtura tal-bhejjem - Ritratt: Caroline Busuttil
Skart madwar il-kappella - Ritratt: Caroline Busuttil
Xorok niewsa - Ritratt: Caroline Busuttil
Il-Bieb tal-genb - Ritratt: Noel Ciantar
L-irfid mal-hajt minn barra - Ritratt: Noel Ciantar
Il-bieb tal-faccata - Ritratt: Caroline Busuttil
Kejl tal-konsenturi - Ritratt: Caroline Busuttil
Bieb tal-genb - Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt tal-kappella, meħud fl-1977 minn Tony Bonello.  Innutaw il-faċċata tal-kappella, fuq ix-xellug u l-bieb tal-ġenb
fuq il-lemin tal-kappella.  Il-bieb prinċipali illum hu moħbi bil-qasab u mhux la kemm tidħol fiha minn dan il-bieb.

1977 - San Mikiel  tas-SanCir - Rabat - Ritratt: Tony Bonello

 

Ritratt tal-kappella meħud fl-2008 minn Noel Ciantar minn naħa ta’ wara.  Araw l-ammont kbir ta’ ġebel imxerred madwar il-kappella,
possibilment minn ħitan tas-sejjiegħ imwaqqgħin li kienu jidhru fir-ritratt tal-1977 u li f’dan ir-ritratt am jidhrux. Araw ukull il-qasab fuq quddiem

2008 - Ritratt: Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com