KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Santa Marija taż-Żejfi
~ Mosta ~

Il-kappella ta’ Santa Marija magħrufa l-aktar bħala “Taż-Żejfi” tinsab fl-inħawi tal-Besbiżija. X’aktarx minjaf kemm il-darba ngħaddu minn ħdejn din il-kappella aħna u sejrin lejn Tarġa Gap u Burmarrad minn naħat tar-Rabat u l-Imġarr u lanqas biss nagħtu kasha. Il-kappella tinsab f’nofs it-triq li mir-roundabout tal-Imġarr twasslek għal Tarġa Gap. Ftit l-isfel minnha hemm il-kappella l-oħra ta’ San Pawl tal-Qlejgħa.

Ritratt - Noel Ciantar


Oriġini

Din il-kappella tmur lura għal żminijiet bikrin iżda m’għandniex data preċiża ta’ meta nbniet. Kienet tagħmel parti mill-limiti tal-Katidral għalkemm fir-rapporti ta’ xi visti pastorali ta’ xi isqfijiet din kienet magħduda mat-territorju parrokkjali tal-Mosta.

L-ewwel ħjiel jurina li din il-kappella kienet mibnija fis-seklu sittax minn familja mill-Mosta. Aktar tard nafu li din il-kappella, biċ-ċimiterju tagħha, ġiet mibnija mill-ġdid minn Dr. Giovanni Maria Camenzuli. Dan sar skont id-digriet li kien ħareġ il-Vigarju Generali ta’ dak iż-żmien Dr. dun Filippu Borg u li jġib id-data tal-5 ta’ Diċembru 1607.

Dr. Giovanni Maria Camenzuli, imlaqqam “iż-Żejfi”, ħalla ġidu kollu għal din il-kappella. Din id-donazzjoni saret nhar il-11 ta’ Awissu 1610.

Il-kappella minn barra

Din il-kappella għandha faċċata sempliċi ħafna. Fuq il-bieb sempliċi kwadru hemm tieqa żgħira li għandha forma ta’ kwadrant maqlub, forma ta’ djamant, bi grada tal-ħadid bil-monogramma ta’ isem il-Madonna fiha. Fuqha hemm kampnar ħelu li minflok il-qanpiena naraw statwa tal-Madonna.  Mal-faċċata naraw żewġ imwieżeb wieħed fuq kull naħa. Hemm ukoll l-irħama “Non gode l’immunita ecclesiastica” kif naraw ma’ ħafna kappelli oħrajn. Quddiem din il-kappella naraw zuntier żgħir imdawwar minn ċint baxx.

Il-bieb ta’ din il-kappella jippermettilek taraha minn ġewwa wkoll minħabba li ħafna drabi tkun magħluqa u minn ikun għaddej mill-inħawi, jew xi bdiewa li jkunu jaħdmu l-għelieqi tagħhom f’dawk l-inħawi, jkunu jistgħu imorru jinvistawha minn barra.

Il-kappella minn ġewwa

Minn ġewwa l-kappella hija waħda sempliċi u ħelwa.  Is-saqaf tal-kappella jistriħ fuq ħnejjiet u l-art hija ċċangata bil-madum. Din il-kappella fiha altar tal-ġebel u prospettiva sempliċi, xogħol fil-ġebla Maltija. Dan l-altar qiegħed f’daħla li mal-ġnub tiegħu jitilgħu żewġ pilastri u fuqhom iżommu arkata. F’din l-arkata hemm imnaqqxa għadd ta’ stillel.


Ritratt - Noel Ciantar


Il-kwadru titulari huwa kopja fidila tal-kwadru oriġinali li kien jinsab fil-kappella. Il-kwadru oriġinali kien insteraq mill-kappella f’Dicembru tal-1988.  B’xorti tajba dan instab xi ftit taż-żmien ilu. Dan il-kwadru oriġinali issa tqiegħed fis-sagristija tar-Rotunda sabiex ikun jista’ jiġi mħares aħjar u mifloku saret kopja fidila tiegħu.

Il-kwadru jirrapreżenta l-Assunzjoni tal-Madonna imdawra f’għadd ta’ anġli fuq is-sħab. Fil-parti t’isfel naraw żewġ qaddisin li għandhom devozzjoni antika fil-Mosta. Fuq in-naħa tax-xellug hemm il-figura ta’ San Anton Abbati filwaqt li fuq in-naħa tal-lemin insibu l-figura ta’ San Pawl Eremita.

Fil-kappella naraw ukoll via sagra. Fuq kull naħa tal-altar hemm statwetta: dik tax-xellug turi ‘l San Ġużepp u dik tal-lemin turi ‘l Sant’Antnin.
 

Ritratt - Noel Ciantar - San Pawl tal-Qlejgha - miz-zuntier


Għeluq

Din il-kappella ġiet restawrata bit-tħabrik tal-prokuratur tagħha, dun Salv Magro fl-1989 u tqiegħdet statwa tal-Madonna fil-kampnar li hemm fil-faċċata tal-kappella.

F’din il-kappella ssir quddiesa speċjali nhar il-Ħadd ta’ qabel il-festa ta’ Santa Marija, li tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awissu.

Kitba ta’ Mark Micallef
Ritratti ta' Noel Ciantar
Pittura ta’ Rene Sacco

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Pittura ta' Rene Sacco
Ritratt - Noel Ciantar  Veduta lejn il-Mosta miz-zuntier

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com