KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-kappella ta’ Santu Rokku
~ Ħaż-Żebbuġ ~

Waħda mill-eqdem kappelli li nsibu fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ hija dik iddedikata lil Santu Rokku. Din il-kappella, li llum inbidlet f’mużew tal-patrimonju tal-Belt Rohan, tinsab fi Triq il-Kbira, kantuniera ma’ Triq Mamo.

 

Ritratt - Carmelo Vella

 

Oriġini

Fl-1592 Malta intlaqtet mill-epidemija tal-pesta. Dan kien nissel biża' kbir fost il-poplu Malti, għax kulħadd kien jaf x’ifisser flaġell bħal dan. Santu Rokku hu wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ dawk li jkunu morda b’mard infettiv, bħall-pesta. Bejn Mejju tal-1592 u Settembru tal-1593, din il-marda infettiva ħalliet 3800 ruħ mejta, meta l-popolazzjoni f’Malta f’dak iż-żmien kienet stamata li kienet ta’ madwar 30,000, inklużi l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann.   Din il-qerda kabbret bil-kbir id-devozzjoni lejn dan il-qaddis u għal gieħ tiegħu twaqqfu kongregazzjonijiet, inbnew knejjes u altari fi knejjes oħra. Fost dawn il-knejjes li nbnew kif spiċċat il-pesta nsibu dik ta’ Ħaż-Żebbuġ li hemm fi Triq il-Kbira.

Skont il-Viżta Pastorali li saret mill-Isqof Baldassare Cagliares fl-1615 kien fis-sena 1593, sena wara li faqqgħet il-pesta, li Tumas Vassallo u martu Katarin bnew din il-kappella minn flushom, fil-qalba ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dawn ħallew ukoll għalqa fl-inħawi ta’ Ras il-Weħla, biex mir-renti tagħha jitħallsu l-ispejjeż tal-festa tal-qaddis, kif ukoll spejjeż oħra meħtieġa għal manteniment ta’ din il-kappella.   L-istess Isqof kien qal li kien hemm l-obbligu li f'din il-knisja titqaddes quddiesa fil-ġimgħa barra dik ta' nhar il-festa.  Il-quddiesa tal-festa kellha tkun kantata u anke kellu jsir l-għasar. Kien hemm l-obbligu wkoll li kull nhar ta' Sibt jinxtegħel il-lampier.  Il-festa ta’ Santu Rokku kienet tiġi ċċelebrata nhar is-16 t’Awwissu. Din il-kappella kienet ġuspatronat tal-familja Spiteri Agius.

Il-kappella minn barra

Il-faċċata ta’ din il-kappella hija tipika ta’ dawk li kienu jinbnew fis-16 il-seklu. Il-faċċata hija sempliċi u ma fiha l-ebda tiżjin jew skultura. Fuq il-bieb prinċipal tal-kappella naraw tieqa tonda li kienet saret biex idawwalha minn ġewwa. Fuq din it-tieqa naraw gwarniċa ta’ forma kwadra li ma fiha xejn skolpit ġo fiha. Il-kappella għandha wkoll kampnar żgħir, fejn fih għadna nistgħu naraw qanpiena żgħira, li fl-antik kienet idoqq biex isejjaħ in-nies għal quddies. Ta’ min isemmi li fuq il-bieb hemm tidher forma ta’ arkata wiegħsa li taf tindika li fl-antik il-bieb ma kellux il-forma li naraw illum, imma kellu forma ta’ arkata nofs tond. 

Il-kappella minn ġewwa

Il-Kappella minn ġewwa tikkonsisti f’saqaf troll miżmum minn tlett ħnejjiet, li jaqsmu l-knisja f’erba’ partijiet. Il-kappella fiha altar wieħed magħmul mil-ġebel. Fuqu hemm pittura li turi lil Santu Rokku kif normalment jiġi rappreżentat fil-pitturi, jiġifieri liebes ta’ pellegrin fqir waqt li qed jgħolli ħwejġu biex jikxef il-ferita tal-pesta fuq kuxtejh.  Jinsab ukoll akkumpanjat minn kelb li qed iġorr ħobża f’ħalqu.

Din il-pittura tidher li saret fil-bidu tas-sbatax il-seklu. Għalkemm din il-pittura ma nafux min pittirha, Tony Terribile jissuġġerixxi li din tfakkrek f’pitturi ta’ Filippino Dingli. Dan il-pittur Malti għandu diversi pitturi fi knejjes oħra fil-gżejjer tagħna. Il-kwadru titulari fuqu għandu skolpita gwarniċa nofs tond, li tagħti elaganza lil dan l-altar. Il-kappella hi tmien metri twila u seba’ metri wiesgħa.

Fl-antik jidher li kien hemm lampier tal-fidda li kien sar b’wegħda minn Dun Mikelanġ Callus fl-1813.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

In-niċċa ta’ fejn il-knisja

Id-devozzjoni tal-poplu Żebbuġi lejn Santu Rokku, jidher li kienet kbira ħafna għax faċċata fuq quddiem tal-knisja, kantuniera bejn Triq il-Kbira u Triq Mamo, insibu niċċa iddedikata lil dan il-qaddis protettur mill-mard infettiv. Din in-niċċa hija anqas qadima mill-knisja, u nbniet fl-1736. Skont it-tradizzjoni din l-istatwa saret fuq id-daqs ta’ qassis li kien joqgħod fl-inħawi. L-istatwa turi lil Santu Rokku, bil-bastun f’idu juri l-feriti tal-pesta, b’kelb iġorr ħobża maġenbu. Din l-istatwa hi waħda mill-ikbar li nsibu ġo niċeċ f’pajjiżna u għandha xogħol fl-iskultura verament sabiħ. Illum din l-istatwa ġiet mizbugħa bil-kulur.  Jista’ jkun li oriġinarjament hekk kienet.  Ta’ min jinnota li l-iskema tal-kuluri użati hija simili ħafna għal dik li ntużat fir-restawr tal-istatwa ta’ Santu Rokku li hemm f’niċċa ħdejn il-knisja tal-istess qaddis f’Birkirkara.  Din l-istatwa f’Birkirkara kienet irrestawrata m’ilux u wkoll kienet inżebgħet bil-kulur.

Il-kappella matul it-Tieni Gwerra Dinjija

Matul it-tieni gwerra dinjija, il-Gvern Kolonjali kien ħeġġeġ ‘l dawk il-familji li joqgħodu fin-nofs-in-nhar ta’ Malta, l-aktar dawk li joqgħodu ħdejn u madwar it-tlett ibliet u l-portijiet, sabiex joħorġu minn djarhom u jmorru joqgħodu fl-irħula fejn kien hemm anqas riskju għal ħbit mill-għadu mill-ajru.

In-nies kienu jmorru joqgħodu ma’ qrabathom filwaqt li oħrajn, kienu jiġu sistemati f’bini tal-gvern jew tal-knisja.  Fil-knisja ta’ Santu Rokku kienet toqgħod familja bi tlett itfal, refuġjati f’Ħaż-Żebbuġ minn Raħal Ġdid.  Dawn kienu jieklu, jorqdu, jinħaslu u jaqdu kull ħtieġa oħra fil-kappella ta’ Santu Rokku daqs li kieku kienet darhom.  Il-kappella kienet maqsuma biss bil-purtieri sabiex ikun hemm ftit privatezza anke f’dawk  iż-żminijiet iebsin.

Fuq iz-zuntier tal-kappella, quddiem il-bieb ta’ barra kien inbena ċint dobblu sabiex jipproteġiha u lil min kien jgħix fiha minn xi effetti tal-bombi li setgħu jaqgħu fil-qrib.  B’xorti tajba, din il-knisja ma ġarrbitx ħsara matul il-gwerra.

Din il-kappella ttinsab f’kantuniera, bejn Triq Santu Rokku fuq ix-xellug u Triq il-Kbira quddiemha.   Fuq il-lemin tagħha hemm dar li fiha, matul il-gwerra, kien joqgħod fiha ċertu Kola Ciantar li kienet jieħu ħsieb din il-kappella u jara li kellha l-bżonnijiet ta’ kuljum moqdijin.  Kellu anke  aċċess li jitla’ fuq il-bejt tagħha għal raġunijiet ta’ manutenzjoni.  Għal xi żmien, kien iqaddes fiha ċertu Dun Tumas, minn Ħaż-Żebbuġ.

Restawr tal-kappella

Fl-1980 l-Arċisqof ta’ Malta il-Monsinjur Mikiel Gonzi għadda din il-kappella lill-għaqda non governattiva Din l-Art Ħelwa għal 150 sena. Dan għadu jitfakkar b’irħama fuq l-altar tal-kappella. Wara kien inbeda xi xogħol ta’ restawr fuq l-inizzjattiva ta’ Michael Bonnici, il-kustodju ta’ din il-kappella, u din ġiet inawgurata fl-1989. F’dik is-sena ġie rrestawrat ukoll il-kwadru titulari li għadna naraw f’din il-kappella.

Iżda ftit snin wara reġgħet inħasset il-ħtieġa li din il-kappella terġa' tiġi rrestawrata b’mod aktar professjonali u l-kappella tinbidel f’mużew ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-kappella reġgħet infetħet fit-3 t’April 2007. Ix-xogħol ta’ restawr inkluda l-kxif tal-ħitan u t-tikħil tal-fili tal-ġebel li saru b’mod aktar professjonali. Wara saret sistema ta’ illuminazzjoni ġdida li tat dehra mill-isbaħ lil din il-kappella.

Il-kappella llum

Kif għedna l-kappella llum inbidlet f’mużew ta’ patrimonju Żebbuġi. Fiha nsibu żewġ bustijiet, wieħed ta’ Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali Malti u ieħor ta’ Dun Mikiel Xerri, li kien mexxa l-konġura kontra l-Franċiżi.

Fil-knisja hemm ukoll tifkiriet ta’ nies oħrajn li għamlu isem lil Ħaż-Żebbuġ. Fost dawn ma nistgħux ma nssemmux Mikiel Anton Vassalli, missier l-ilsien Malti, Lazzaro Pisani, artist li pitter kwadri f’diversi knejjes, kif ukoll Antonio Sciortino u ħuħ Franġisk Sciortino li kienu skulturi kbar. F’dan il-mużew insibu ukoll fdalijiet tal-fuħħar li kienu nstabu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll ritratti tal-kappelli kollha li għadna naraw fil-Belt Rohan. Insibu ukoll diversi ritratti antiki ta’ bini antik f’Ħaż-Żebbuġ, ritratti ta’ personaġġi Żebbuġin u pitturi oħrajn.

Din il-kappella tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u tkun miftuħa regolarment. Ħajr lil Michael Bonnici, kustodju ta’ din il-kappella, li bl-entużjażmu tiegħu iżomm din il-kappella fl-istat tajjeb li tinsab illum.


Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Caroline Busuttil u Carmelo Vella

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com