KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Rayden Mizzi

Il-knisja tal-Madonna
tal-Isperanza
~ Mosta ~

IIl-knisja filjali ddedikata lill-Madonna tal-Isperanza qiegħda ftit ‘il bogħod mill-knisja Parrokkjali tal-Mosta, sewwa sew fil-wied imsejjaħ għaliha, Wied l-Isperanza, li jagħmel parti minn Wied il-Għasel.

Ġrajjiet din il-knisja jibdew mill-għar li jinsab taħt il-knisja, li fuqu tidher in-niċċa ta’ San Mikiel Arkanġlu. Wieħed jista’ jinżel għal dan il-għar minn fuq iz-zuntier ta’ din il-knisja. Fil-għar imżejjen bil-qsari, naraw statwa ta’ tfajla għarkubbtejha biex tfakkarna fil-leġġenda li tagħti l-oriġini lil din il-knisja.

Il-leġġenda

Skont it-tradizzjoni għall-ħabta tal-1750, ċerta familja mill-Mosta, li kienet taħdem ir-raba fuq ir-riħ ta’ Burmarrad, raw għadd ta’ furbani ġejjin għalihom. Dak iż-żmien il-ħbit tal-furbani kien komuni ħafna, u dawn kienu jiġu u jisirqu kull ma jsibu fi triqithom. Kif raw l-furbani ġejjin għalihom, l-imsejkna ma kellhom xejn x’jagħmlu ħlief li jaħarbu jiġru lura lejn l-Mosta.

Kienu għoddhom waslu l-Mosta meta tfajla ta’ xi 20 sena li kienet qed tiġri magħhom, għajjiet u ma felħitx tiġri iżjed. Bit-Torok li issa kienu qrib, it-tfajla kollha għarqana u għejjiena dlonk kisret lejn fejn kien hemm għar li kien mgħotti sew bit-tursin il-bir. Kif rat dan, hi daħlet tistkenn fl-għar. It-tfajla, imrekkna u moħbija bil-blat tal-għar, kollha beżgħana bdiet titlob lill-Madonna biex teħlisha minn id dawk il-furbani, għax min jaf minn xiex kienet ser tgħaddi jekk taqa’ taħt idhom.

It-Torok, li kienu raw lit-tfajla, malajr waslu fil-post u ssuspettaw li forsi nħbiet qalb il-blat li kienu mdawwrin bih. Bdew ifittxu kullimkien, anki għaddew quddiem l-għar, imma meta raw dak il-ħafna għanqbut u tursin il-bir, ħasbu li hemm ma setgħetx daħlet. Meta raw li t-tiftix kien kollu għalxejn, imbezzgħin mill-Mostin li joħorgu fuqhom, daru lura u telqu b’idejhom vojta minfejn ġew. It-tfajla, imwerwra u bla nifs, meta għadda bosta ħin u ma semgħetx iżjed ħsejjes ħarġet mill-għar u malajr marret lura għand niesha.

Bħala ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna, hi riedet li fil-lok fejn hi ħelset mill-furbani Torok, tinbena knisja biex tibqa’ mfakkra l-ġrajja tagħha. Xewqitha seħħet u l-knisja tal-Isperanza nbniet fuq l-għar, kif għadha tidher sal-lum.

Din il-leġġenda hija waħda minn dawk li rrakkonta il-Ġiżwita Patri Ġuże Delia s.j. u li tista’ taqraha hawn.   

Il-knisja

Il-knisja tal-Isperanza bdiet tinbena għall-ħabta tal-1757. Tant hu hekk li l-prospettiva ta’ fuq il-kwadru naraw impittra s-sena 1760. Fuq il-faċċata fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja hemm l-arma tal-Isqof Fra Bartolomeo Rull li dak iż-żmien kien l-Isqof tal-gżejjer. Fuq in-naħa l-oħra, pariġġha, hemm arma li turi l-monogramma tan-“Nome di Maria”, A u M li tfisser Ave Maria. Iżda hu wisq possibbli li qabel, din kienet turi l-arma ta' xi Gran Mastru, probabilment ta’ Pinto,  li kien jirrenja fl-1760 meta nbniet il-kappella għax fuqha hemm il-kuruna magħluqa li kien addotta hu li kien jippretendi li hu Sovran.  Aktarx li din tħassret jew biż-żmien jew mill-Franċiżi.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Il-knisja għandha għamla ottangonali għax il-koppla sabiħa tagħha hi mibnija fuq tmien ħitan. Il-prospettiva tal-faċċata hi mżejna b’ħafna skultura. Il-knisja għandha zuntier żgħir u fil-faċċata tal-knisja hemm tliet statwi: dik ta’ San Ġużepp, dik ta’ Sant’Antnin ta’ Padova u fin-nofs statwa tal-Madonna li tidher iżomm lil binha Ġesł li għandu f’idejh ankra – is-simbolu tal-Isperanza (it-Tama).
Il-faċċata ta’ din il-knisja nistgħu ngħidu li hi wkoll oriġinali għax il-bieb li jagħti għas-sagristija qed jifforma parti minn din il-faċċata.  Fil-fatt fil-għoli fuq il-bieb tas-sagristija naraw il-kampnar ta’ din il-knisja. Fuq l-istess livell, fuq il-bieb tal-knisja naraw il-frontispizju, li fuqu hemm salib tal-ġebel. Wara l-frontispizju hemm dehra sabiħa tal-koppla ta’ din il-knisja.   Din il-koppla għandha lanterna prominenti bi tmin twieqi b’boċċa żgħira tal-ġebel fil-quċċata, iżda jista’ jkun li fuq din il-boċċa kien hemm darba xi salib żgħir tal-ġebel kif juri r-ritratt l-antik black and white li qed nirriproduċu aktar ‘l isfel.  Il-koppla għandha wkoll  tmin kustilji u hi miżbuha ħamra.

mill-Internet
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Carmelo Vella

Ritratt - Carmelo Vella

Il-bibien, kemm tas-sagristija kif ukoll tal-knisja huma ddekorati b’pediment segmentali, f’qies proporzjonat mal-bieb innifsu, iżda filwaqt li l-pediment ta’ fuq il-bieb tas-sagristija hu sħiħ, dak ta’ fuq il-bieb tal-knisja hu maqsum.  Dan f’nofsu għandu tieqa kbira forma ta’ fjura li għandha grada tal-ħadid fondut.  Il-forma ta’ din it-tieqa hija pariġġ iż-żewġ twieqi li hemm aktar ‘l isfel fil-faċċata.  Dawn it-twieqi, waħda fuq kull naħa tal-bieb tal-knisja u kompluti bil-ġinokkjatur tal ġebel taħthom, kienu jservu biex in-nies tkun tista’ tinvista s-sagrament anke meta l-knisja tkun magħluqa.

Fuq kull naħa tal-bibien, kemm dak tal-knisja kif ukoll dak tas-sagristija, hemm pilastri ggruppati ta’ stil kompost.  Il-pilastri huma ddekorati b’vażuni tal-ġebel fuq nett, fil-livell tal-frontispizju.   Mal-ħitan tal-ġnub il-knisja għanda xi mwieżeb tax-xita.

Aktar opri tal-arti fil-knisja

Il-kwadru titulari li hemm fuq l-altar hu tal-pittur Malti Rokku Buhagiar u juri lil Sidtna Marija waqt li qed iżomm lil binha Ġesł. Il-Madonna tidher qiegħda fuq tron u bilqiegħda fuq sħaba u madwarha l-anġli. Binha Ġesł, li jinsab f’ħoġorha, qed iżomm f’idejh l-ankra. Dan jissimboliżża t-titlu tal-Isperanza li għalih hi ddedikata din il-knisja. Fil-parti t’isfel tal-kwadru jidher xini maqbud f’tempesta, biex ifisser li l-Madonna hija t-tama tal-baħħara wkoll.

 

Ritratt - Rayden Mizzi

 

Il-kwadri li hemm fil-ġnub ta’ dan it-titular huma tal-istess pittur Rokku Buhagiar u fihom naraw lil San Pietru u lil San Pawl. Tiddomina fuq il-kwadru hemm ix-xbieha tal-Ispirtu s-Santu mdawwar b’numru ta’ anġli. Din il-prospettiva hi wkoll mżejna bi skultura ta’ weraq, mazzettuni u disinji oħra, li maqgħudin flimkien, qed jagħmlu perspettiva tabilħaqq eleganti fid-disinn u x-xogħol li fiha. Mal-pilastri naraw il-kwadri tal-erba’ evanġelisti.

Hemm xi statwi oħrajn li juru lil Santa Rita, San Franġisk u lill-Madonna ta’ Lourdes.  Fil-knisja hemm ukoll ħafna kwadri ex-voto biex ifakkru xi wegħdiet li ġew maqlugħa.

Altar ġdid li kien sar f‘din il-kappella kien tbierek mill-Isqof Emmanuel Galea fit-3 ta’ Lulju tal-1966.

Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil  (Pittura ta' Rokku Buhagiar)

Ritratt - Caroline Busuttil (Pittura ta' Rafel Bonnici Cal)

Aktar xogħol sabiħ tal-arti jinstab fis-sagristija tal-knisja, fejn wieħed jista’ jammira wkoll l-istatwa tal-Madonna tal-Isperanza magħmula minn Ġlormu Dingli u kwadru kbir tal-Madonna mpitter minn Rafel Bonnici Cali.  Dan il-kwadru ukoll juri lill-Madonna bil-Bambin f’idejha li qed iżomm ankra f’idu u t-tnejn qed iħarsu bastiment mill-qilla ta’ tempesta.

L-Għar tal-leġġenda

Il-knisja qiegħda mibnija madwar sitt filati aktar fil-baxx mill-livell tat-triq u trid tinżel għaz-zuntier ta’ quddiemha b’taraġ żgħir.  Fuq in-naħa tal-lemin taz-zuntier hemm taraġ ieħor li jieħdok għall-għar li jiġi taħt iz-zuntier innifsu fejn it-tfajla tal-leġġenda preżubilment inħbiet mill-furbani.  Fil-ħajt f’nofs l-arkata li tagħti għal dan l-għar, b’daharha lejn iz-zuntier, insibu wkoll niċċa ċkejkna li fiha statwa tal-ġebel li turi lill-Arkanġlu San Mikiel rebbieħ fuq ix-xitan.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Fl-1896 Dun Ġwann Fenech, prokuratur ta’ din il-knisja, kien irrestawra z-zuntier u fil-għar waqqaf statwa żgħira tal-Madonna bil-Bambin Ġesł u quddiemha hemm mixħuta għarkubbtejha xebba li dwarha tirrakonta l-ġrajja. L-Isqof Pietru Pace b’digriet mogħti fit-23 ta’ Ġunju 1914, kien ikkonċeda 100 jum indulġenza lil kull min jirreċta Salve Reġina quddiem din ix-xbieha.

L-għar huwa mbarrat b’rixtellu tal-ħadid iżda wieħed jista’ jara sew x’hemm fil-għar anke meta dan ikun magħluq.    ‘Il ġewwa minm dan ir-rixtellu hemm fetħa li fiha tlett statwi kbar tal-ġebel, waħda ta’ San Ġwann l-Evanġelista u l-oħra ta’ San Pawl waqt li l-oħra turi lit-tfajla għarkobtejha quddiem il-Madonna.  L-istatwa tal-Madonna tal-Isperanza qiegħda aktar ‘il ġeww fit-tarf tal-għar.  Wara l-istatwa ta’ San Ġwann hemm lapida miktuba b’Malti antik  li tirreferi għall-indulġenza tal-Isqof Pace filwaqt li wara ta’ San Pawl hemm lapida bil-Latin.

Il-kmamar hum miżgħuda b’tiżjin bi qsari ta’ pjanti ħodor u xemgħat żgħar.  Mal-ġemb tal-għar hemm ukoll xi graffitti marittimi minquxa fil-ġebel.

Il-knisja llum

Din il-knisja tinsab fi stat tajjeb ħafna, u għadu jsir fiha l-quddies regolarment.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Rayden Mizi, Carmleo Vella u mill-Internet
Pittura ta’ Rene Sacco

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Carmelo Vella
painting 'ta' l-Isperanza'
Mosta - Wied Speranza

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com