KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Roderick Busuttil

Il-Knisja ta’ Santu Rokku
~ Ħal Balzan ~

Bħalma kważi nsibu f’ħafna bliet u rħula fil-gżejjer Maltin, Ħal Balzan ukoll għandu knisja ddedikata lil Santu r-Rokku. Anzi jidher li dik ta’ Ħal Balzan, kienet minn tal-ewwel li ġew mibnija b’dedika għal dan il-qaddis. Din tinsab fi Triq it-Tliet Knejjes, fil-parti l-antika tar-raħal.

Il-Pesta u Santu Rokku

Jidher li wara li f’Malta spiċċat l-epidemija tal-pesta f’Settembru tal-1593, wara 15-il xahar ta’ flaġell kbir fejn mietu mat-3800 ruħ, id-devozzjoni lejn Santu r-Rokku, protettur tal-impestati kibret mhux ftit. In-nies ta’ Ħal Balzan li fl-1592 kienu jgħoddu mat-tliet mitt ruħ imqassmin f’xi 60 dar, flimkien ma’ nies ta’ rħula oħra wkoll riedu jirringrazzjaw lil Santu r-Rokku, protettur tal-impestati. Jidher li skont l-istorjografu Castagna bejn dawk il-ħmistax-il xahar li l-pesta kienet qed taħkem il-gżejjer tagħna, inbnew diversi knejjes iddedikati lil Santu r-Rokku. Jidher li din il-knisja f’Ħal Balzan inbniet fl-1593, u dan jissaħħaħ bl-iskrizzjoni li hemm minquxa fis-saqaf tal-istess knisja li tgħid “Hoc opus fecit 1593” li tfisser “Dan ix-xogħol sar fl-1593”.

 

Ritratt: Roderick Busuttil

 

Il-knisja minn barra

Milli jidher ma tantx saru alterazzjonijiet f’din il-knisja mill-kostruzzjoni tagħha, għax għadna narawha skont kif ġiet deskritta fl-atti tal-viżti appostoliċi. Il-faċċata tal-knisja ta’ Santu Rokku fiha gwarniċi ornamentali. Iċ-ċinta tal-faċċata tispiċċa bi gwarniċ li fuqu, fin-nofs, hemm salib tal-ġebel fuq pedestall. Fin-nofs tal-faċċata hemm tieqa tonda mdawra bi gwarniċ u f’nofsha disinn tal-istess ġebel magħmul b’mod li jidħlu l-arja u d-dawl fil-knisja. Fuq barra ta’ din it-tieqa hemm gwarniċ kwadru, u n-naħa ta’ fuq, imqiegħed b’forma ta’ trijanglu, hemm gwarniċ ieħor tal-ġebel, li fil-vojt tiegħu għandu warda tal-ġebel ukoll. Il-bieb ukoll hu mdawwar bi gwarniċ tal-ġebel. Fil-ġnub tal-knisja hemm tlitt imwieżeb li joħorġu sewwa ’l barra minn kull naħa.

Il-knisja minn ġewwa

Jekk minn barra din il-knisja hija ddekorata ħafna, minn ġewwa hi ddekorata bil-bosta aktar. Id-daqs, l-istil arkitettoniku u d-dekorazzjoni tagħha jirrenduha sabiħa ħafna. Kif tidħol fil-knisja għajnejk imorru fuq il-faċċata fejn hemm l-apside. Fl-apside ma nżammx l-istil ta’ nofs tond li jispiċċa b’arzella kif inhi l-kumplament tal-knisja, iżda hija ta’ għamla rettangolari mifruda mill-bqija tal-knisja permezz t’arkata. L-art tal-apside hija merfugħa b’għoli ta’ tarġa. Iż-żewġ twieqi li fiha l-knsija, huma mdaqqsin, u kull waħda fiha gwarniċ wiesa’ li jibqa’ sejjer tul iż-żewġ naħat tal-knisja. Minn fuq dan il-gwarniċ jibdew il-ħnejjiet tas-saqaf, li huma erbgħa. Is-saqaf għandu forma ta’ nofs tond. Il-paviment tal-knisja hu magħmul minn għadd ta’ ċangaturi ta’ sittax-il pulzier kwadru.

 

Ritratt: Roderick Busuttil



L-altar tal-knisja

L-altar tal-knisja kien mill-ewwel magħmul mill-ġebel. Dan nafuh mill-viżta pastorali tal-Isqof Cagliares fl-1615, li fl-atti tagħha jingħad li l-altar qiegħed taħt ħnejja maqtugħa għaliha. L-Isqof Balaguer semma’ li l-altar kien maqtugħ mill-bqija tal-knisja permezz ta’ għadd ta’ balavostri tal-ġebel li, għalkemm illum m’għadhomx jeżistu, għadu jidher sew il-post fejn kienu mwaħħlin.

Il-viżta pastorali ta’ Cagliares tal-1615, tagħti tagħrif dettaljat fuq il-kwadru titulari li kien hemm fuq l-altar tal-knisja. Il-kwadru jidher li kien fih impittrin ix-xbihat ta’ Santu r-Rokku, San Pawl Appostlu u San Bastjan.

Festi li kienu jsiru f’din il-knisja

F’din il-knisja ta’ Santu r-Rokku kienu jiġu ċċelebrati żewġ festi: dik ta’ Santu r-Rokku u oħra ta’ San Bastjan.

Il-festa ta’ Santu r-Rokku kienet ssir b’solennità kbira l-għada ta’ Santa Marija, jiġifieri fis-16 t’Awwissu. Wara l-għasar tal-festa kien jitqassam ikel lill-fqar tal-parroċċa. Filgħodu kienet tiġi ċċelebrata wkoll quddiesa kantata. Biex isiru dawn il-funzjonijiet tal-festa u biex jinxtegħel il-lampier quddiem il-kwadru ta’ Santu r-Rokku nhar is-Sibt filgħaxija u fil-festi, ħadu ħsieb Xmun Debono u Ġanni Hagius li ħallew xi flus għal dan l-iskop. Iżda kienet issir ukoll ġabra mar-raħal kollu għal mixegħla li kienet issir.

Il-festa ta’ San Bastjan li kienet issir f’din il-knisja fl-20 ta’ Jannar, tissemma’ l-ewwel darba fl-atti tar-rapport tal-viżta ta’ Balaguer, u din kienet tikkonsisti f’għasar u quddiesa kantata.

Restawr ta’ din il-knisja

Wieħed jieħu gost jara li din il-knisja minn dejjem kienet tinżamm tajjeb, għax miż-żjajar pastorali bejn l-1637 u l-1906, dejjem ġiet imfaħħra għall-indafa, u għalkemm xi kultant intelqet, dejjem instabu mezzi biex din tiġi restawrata mill-ġdid. Mhux ta’ b’xejn li Balaguer fl-1637 fl-atti taż-żjara tiegħu, ħalla miktub: “Din il-knisja ta’ Santu r-Rokku hi sabiħa ħafna u deċenti”. Ma nistgħux nagħlqu din l-informazzjoni fuq il-knisja ta’ Santu r-Rokku bla ma nagħtu aċċenn għal dak li kiteb Quentin Hughes fl-1967 fil-ktieb tiegħu “The Building of Malta” fejn qal “St. Roque at Balzan is elegant – almost sophisticated, with its moulded pediment, decorated door, and carved window piece”.

Fl-1983 għadd ta’ nies minn Ħal Balzan li kellhom għal qalbhom il-patrimonju tar-raħal tagħhom, irrestawraw din il-knisja fil-ħin liberu tagħhom. Riċentement din il-knisja ġiet restawrata mill-ġdid mill-ħaddiema tal-Ministeru tal-Infrastruttura flimkien mal-knisja ta’ Marija Annunzjata, li tinsab biswitha.

Il-knisja m’għadhiex tintuża għall-quddies, imma tinfetaħ għal wiri f’okkażjonijiet speċjali, u ġieli fiha saru xi esebizzjonijiet ta’ oġġetti sagri.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Roderick Busuttil
Proof Reading minn Tony Bonello
 

Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com