KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Immakulata
~ fin-Nigret, limiti
taż-Żurrieq ~

Il-knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni fiż-Żurrieq tinsab fl-inħawi magħrufin bħala tan-Nigret.  Għalkemm din il-knisja tagħmel parti minn kumpless ta’ palazz, il-knisja nnifisha għandha l-faċċata prinċipali tagħha fuq in-naħa ta’ barra tal-palazz.

Oriġini – Il-knisja ta’ qabel, iddedikata lill-Assunta

Il-knisja li naraw illum inbiet flimkien mal-palazz biswitha,  fl-1715 minn Fra Giacomo Togores y Valemuola, Castellan d'Emposta, kavallier tal-lingwa t’Aragona.  Hu kien bena dan il-kumpless bħala residenza tas-sajf.

F’dan il-post qabel kien hemm knisja oħra ddedikata lill-Assunta u kienet magħrufa bħala “l-Assunta tax-Xagħra”.   Il-knisja kien żarha il-monsinjur Dusina u kienet tinsab bejn il-knisja magħrufa bħala “tal-Ħaqba” u dik iddedikata lil San Luqa.  Dusina sab li din il-knisja kienet fi stat tajjeb u kellha altar, bibien tal-injam u pavimentar.  Ma kellha l-ebda benefiċji assoċjati magħha iżda d-devoti tal-inħawi kienu jaraw li ssir il-quddiesa nhar jum il-festa.  Fl-okkażjoni ta’ din iż-żjara ta’ Dusina ċertu Lorenzo Muscat, bin dak li kien stabilixxa l-altar iddedikat lill-Lunzjata, wiegħed li jagħti sitt uqijiet (“oncie”) sakemm xi forma ta’ benefiċju f’immobbli  jkun jista’ jinxtara biex iservi bħala sors ta’ fondi għaż-żamma tal-knisja.

Il-monsinjur Dusina insista li jiddokumenta din id-donazzjoni fir-rapport tiegħu iżda fl-istess waqt faħħar il-ġenerożitą ta’ dan Lorenzo Muscat li għamel din id-donazzjoni.  Fl-istess ħin, Dusina ordna li ma jsir l-ebda quddies fuq l-ebda altar ta’ din il-knisja sakemm ma ssirx it-tiswija u l-manutenzjoni taż-żewġ altari ta’ din il-knisja.

Id-dedika tal-knisja tinbidel għal dik tal-Lunzjata

Skont diversi visti pastorali tal-isqof  Gargallo bejn l-1579 u l-1608, fis-sena 1594 id-dedika tal-knisja inbidlet minn dik tal-Assunta għal dik tal-Lunzjata.

Fiż-żjarat pastorali tal-1608 (l-isqof Gargallo) u l-1615 (l-isqof Cagliares) instab li l-knisja kellha kull ma’ kien hemm bżonn inklużi it-titular u l-lampier.  Dħul minn għalqa magħrufa bħala “Tal-Glejħat” kienet tagħmel tajjeb għall-Primi Vespri u l-quddiesa nhar il-festa.  Din l-għalqa kienet ta’ ċertu Demetrio Magro.  Iż-żjara tal-isqof Cagliares fl-1618 tagħtina ftit aktar informazzjoni fuq dan il-benefiċju.
 

Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia        Il-kappella minn barra


Deskrizzjoni tat-titular ta’ din il-knisa taha l-isqof Balaguer de Camerasa (1635 – 1637) fiż-żjara pastorali tiegħu fejn jgħidilna li l-kwadru kien juri lill-Madonna fiċ-ċentru b’San Ġwann il-Battista fuq naħa u Santa Katerina fuq in-naħa l-oħra.  Jista’ jkun li l-pittura setgħet kienet trittiku iżda setgħet ukoll kellha l-forma oħra bħall-pittura ta’ San Pawl, Santu Rokku u San Sebastjan li h kien hemm fil-knisja ta’ San Leo ta’ Bubaqra.  Fl-istess żmien, jiġifieri fis-sena 1634, il-knisja kienet magħrufa bħala “Ta’ Bieb ix-Xagħra”.

Din il-knisja, għal xi raġuni jew oħra, ġiet dekonsagrata u ngħalqet għall-pubbliku fl-24 ta’ Novembru tal-1658 mill-istess isqof Balguer de Camerasa.

Il-knisja l-ġdida u għal darb’oħra bidla fid-dedika – il-Kunċizzjoni

Kif diġą għidna, il-knisja li naraw illum inbiet flimkien mal-palazz biswitha  fl-1715 minn Fra Giacomo Togores y Valemuola, Castellan d'Emposta, kavallier tal-lingwa t’Aragona

Fl-1728 il-Papa Benedittu XIII  ħareġ digriet fejn ta indulġenza plenarja lill-dawk kollha li jżuru din il-knisja nhar waħda mis-seba’ festi maġġuri tal-Madonna. Il-knisja l-ġdida ġiet ikkonsagrata fl-1739 mill-kappillan taż-Żurrieq ir-reverendu Carmelo Delicata, din id-darba b’dedika oħra Marjana, jiġifieri lill-Immakulata Kunċizzjoni.

Fabrizio Serbelloni jgħid li l-kavallier Fra Togores y Valemuola kein bena l-knisja nnifisha sabiex in-nies tal-inħawi, li kienu fqajrin, setgħu jisimgħu quddies fiha minkejja li minħabba l-faqar tagħhom ma kellomx ħwejjeġ addattati biex jisimgħu il-quddies fil-knisja parrokjali.  Dan il-kavallier filantropu kien ukoll qassam madwar 200 skud lill-foqra taż-Żurrieq  fil-festa ta’ San Ġakbu l-Appostlu.

Mill-viżta pastorali li l-isqof Vincenzo Labini għamel fl-1787 nafu li din il-knisja kienet miżmuma sew u kellha kull ma kienet teħtieġ.  Labini ta l-permess lill-kavallier li kien jgħammar fiha biex iken jista’ jagħmel użu minn kamra li kienet tiġi direttament fuq l-altar sakemm mhux għal skopijiet indiċenti.

Fl-1818 saret l-istatwa ta’ Santa Katerina mill-iskultur magħruf Marjanu Gerada.  Relikwi tal-qaddisa inġabu b’mod solenni mill-knisja parrokjali ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq.  Sena wara, fl-1819, Fra Giovanni Battista Isouard ta parti mill-ġnien tal-palazz biswit il-knisja sabiex fih setgħet issir quddiesa kkonċelebrata kull sena mis-sitt qassisin li kienu jqaddsu fih.

Mill-1881 sal-1883 il-palazz u l-knisja tal-Kunċizzjoni kienu nkrew minn għand Luigi Vassallo biex iservu bħala monasteru u provinċja f’Malta għal grupp ta’ patrijiet Benedittini.  Sal-1961 fil-palazz kien għad hemm xi affreski magħmulin minn dawn il-Benedittini.  Dawn il-Benedittini kienu ntbagħtu f’Malta minn Genova, fl-Italja, iżda prijur ġdid ra li l-komunitą ma kenitx sejra sew f’Malta u fit-13 ta’ Diċembru tal-1883 dawn ittrasferixxew rwieħhom lejn l-Abazija ta’ San Giliano d’Albaro lura fl-Italja.

Mill-1935 ‘l hawn, il-kumpless tal-palazz u l-knisja bdew jintużaw bħala orfanatrofju mmexxi mis-sorijiet tal-Ulied il-Qalb ta’ Ġesł.  Din l-okkażjoni hija mfakkra b’lapida tal-irħam li hemm fil-palazz li tgħid li l-kumpless kien ingħata mill-arċipriet taż-Żurrieq, il-monsinjur Giovanni Battista Ghigo fuq digriet maħruġ mill-isqof ta’ dak iż-żmien Dom Mauro Caruana.

Il-knisja minn barra

Fir-rapport tal-viżta pastorali tal-isqof Alpheran de Bussa tal-1747,  jiġifieri madwar  32 sena wara l-bini tal-knisja li hemm illum, insibu deskrizzjoni tal-knisja li hija ferm qrib ta’ dik li naraw illum.

Il-knisja hija merfugħha mit-triq b’għoli ta’ żewġ tarġiet.  Il-knisja għandha żewġ daħliet:  waħda priċipali fil-faċċata u l-oħra fuq il-ħajt tal-lemin li jħares lejn in-nofs-in-nhar. Il-faċċata hija ddekorata b’panew fuq kull naħa tal-bieb prinċipali.  Il-kantunieri huma mdaħħlin ftit ‘il ġewwa u dan jagħti mpressjoni li l-knisja hija dejqa aktar milli fil-fatt hi.  Din il-parti tal-faċċata wkoll fiha panew dekorattiv simili għal dak li diġą semmejna.

Il- bieb prinċipali huwa mdawwar  minn gwarniċun sempliċi.  Fin-naħa ta’ fuq hemm entablatura sempliċi sporġuta ftit pulzieri mill-gwarniċ tal-bieb.  Eżatt taħtha, fil-ġnub, hemm żewġ disinji dekorattivi fil-ġebel forma ta’ skroll.  Fuq il-bieb hemm friża sempliċi li fuqha hemm pediment segmentali miftuħ fin-nofs tiegħu.

Fil-viżta pastorali tal-isqof Alpheran de Bussa tal-1747 insibu li fuq il-bieb prinċipali kien hemm l-arma tal-Papa Benedettu XIII imnaqqxa fil-ġebel.  Illum din m’għadiex hemm imma probabilment kienet tinsab fin-nofs tal-pediment segmentali miftuħ li hemm fuq il-bieb.

Gwarniċa tal-ġebel iddawwar il-faċċata.  Din hi miksura fin-nofs tagħha b’pediment triangulari li iżda m’għandux il-bażi l-mimduda.  Fuq dan il-pediment hemm pjattaforma żgħira li fuqha hemm salib tal-ġebel.  Dan il-pediment jgħin biex jerfa’ l-ħarsa  ta’ dak li jkun ‘il fuq.

Fuq kull kantuniera tal-faċċata prinċipali hemm kampnar relattivament imdaqqas.  Dawn it-tip ta’ kampnari kienu dehru għall-ewwel darba fil-faċċata tal-konkatidral ta’ San Ġwann fil-belt Valletta iddisinjat minn Gerolamo Cassar.  Aktar tard, din l-iskema bdiet tinfirex l-aktar fid-disinji tal-knejjes ta’ Lorenzo Gafą.

Iż-żewġ kampnari huma tal-istess forma, b’erba’ kolonni kwadri li jerfgħu baldakkin tal-ġebel b’boċċa fuq nett bħala tiżjin.  Taħt il-kampnar tax-xellug hemm arloġġ li juri l-ħin filwaqt li fil-kampnar tal-lemin hemm xi qniepen żgħar.  Jista’ jkun li xi waħda minn dawn il-qniepen kienet issemmiet fiż-żjara tal-isqof Alferan de Bussan li semmejna diġą.

Il-knisja għandha parapett imdawwar bil-balavostri tal-ġebel kif ukoll lanterna mdaqqsa poligonali li wkoll għandha salib żgħir tal-ġebel jinkurunaha.

Il-knisja minn ġewwa

Minn ġewwa, il-knisja hija maqsuma fi tnejn:  il-parti tal-presbiterju u l-parti fejn hemm in-nava.  In-nava għandha l-kantuniieri tagħha ittundjati u fiż-żjara tiegħu tal-1747 l-isqof Alpheran de Bussan iddeskriva l-għamla tagħha bħala waħda “ovali”.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


In-nava għandha saqaf troll, b’erba’ kustilji ħerġin mill-erba’ kantunieri u jispiċċaw fil-kantunieri tal-lanterna fin-nofs tas-saqaf.  Il-bażi tal-lanterna tirrifletti d-disinn tal-pjanta tal-knisja.  Kull naħa tal-lanterna hemm tieqa li sservi biex iddawwal l-intern tal-knisja.  Fuq il-bieb tal-ġenb hemm tieqa li fuqha hemm pediment segmentali.  Din ukoll tagħti ftit dawl lill-knisja.  Pariġġha, fuq il-ħajt tax-xellug tal-knisja li jħares lijn it-tramuntana, darba kien hemm tieqa simili iżda llum din it-tieqa hija bblukkata.

Wara l-bieb prinċipali, minn ġewwa, hemm speċi ta’ xatba tal-injam li l-parti ta’ fuq tagħha sservi bħala poġġaman għal gallarija żgħira fuq il-bieb.  Din ix-xatba sservi biex meta l-knisja tkun magħluqa biha, in-nies setgħet xorta waħda tinviżta s-Sagrament.  Din għalhekk, kienet taqdi l-funzjoni ġeneralment moqdija minn dawk it-twieqi li ssib ta’ spiss fi knejjes simili.  Is-sinjorina Julie Brincat, l-awtriċi tal-kitba oriġinali bl-Ingliż, tinterpretaha bħala varjanti ta’ dik ix-xatba tal-injam li ġieli nsibu bejn il-presbiterju u n-nava (l-“ikonostasis”) u tagħti bħala eżempju il-knisja tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri.   Iżda kemm il-fatt li l-ikonostatis ġeneralment insibuhom fi knejjes eqdem (medjuevu tardiv) u mhux f’dawk mibnijin fis-seklu tmintax, kif ukoll għall-fatt li din il-knisja m’għandiex twieqi fil-baxx li jagħtu għal barra, nissoponu li din ix-xatba aktar probabbli  li hija varjanti ta’ dawn it-twieqi milli varjanti tal-ikonostasis.

Il-gallarija fuq il-bieb prinċipali setgħet serviet bħala kor żgħir jew anke bħala post privileġġjat għas-Sinjur tal-Palazz.  Il-gallerija titla’ għaliha minn garigor li l-bieb tiegħu kien minn ġewwa fuq il-lemin tal-bieb prinċipali u minnu tista’ tibqa’ tiela’għal fuq il-bejt tal-knisja.  Fuq kull naħa tal-bieb prinċipali, minn ġewwa, wieħed isib fonti tal-ilma mbierek tal-irħam.  Iżda dawn il-fontijiet mhumiex ippareġjati u għalhekk jista’ jkun li nġabu minn knejjes oħra, differenti, u tqiegħdu hemm.

Żewġ ħitan żgħar jisseparaw il-parti fejn hemm l-altar mill-bqija tal-knisja.  Fil-kantunieri bejn dawn il-ħitan u nava nsibu żewġ niċeċ żgħar.  Fihom insibu żewġ statwetti żgħar, waħda ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idu u l-oħra turi x-xbieha tal-Madonna taħt it-titolu ta’ Lourdes.  Il-preżbiterju nnifsu huwa tarġa għola mil-bqija tal-knisja u jinkludi kor żgħir fuq kull naħa tal-altar li jintużaw mis-sorijiet għat-talb tagħhom ta’ kuljum.  Il-parti fejn hemm l-altar hija msaqqfa b’saqaf troll li jistrieħ fuq żewġ arkati.

L-altar innifsu jinsab f’daħla żgħira u mgħolli mill-preżbiterju b’żewġ tarġiet.  L-altar hu magħmul mill-ġebel u miżbuħ bi sfumaturi biex jiġi qisu tal-irħam meta taraħ.  Il-faċċata tal-altar fiha riljev li juri l-monogramma li tirrapreżenta lill-Madona.  Dan il-riljev huwa ndurat bid-deheb.  Altar aktar modern magħmul mill-injam u li jinsab fuq pjattaforma, illum qed jintuża biex jingħad il-quddies fuqu.

Fin-naħa ta’ nofs-in-nhar tal-preżbiterju, jiġifieri fuq il-lemin tal-altar, hemm bieb li jagħti għal kamra żgħira li sservi bħala ħruġ ieħor għall-knisja.  Fuq kull naħa tal-altar hemm bieb.  Dawn il-nibien jagħtu għal sagristija li tgħaqqad il-knisja mal-bqija tal-palazz.

Opri tal-arti

Il-kwadru titulari juri lill-Imakulata kunċizzjoni flimkien ma’ San Ġakbu, San Lawrenz u San Leonardu il-Konfessur.  Il-Madonna hija mdawwra minn anġli żgħar (putti) li qed iħarsu lejha b’ħarsa ħelwa minn bejn l-isħab filwaqt li ħamiema bajda, li tirrapreżenta l-Ispirtu s-Santu tidher nieżla mis-smewwiet min-naħa xellugija ta’ fuq tal-kwadru.

San Ġakbu jidher għarkobtejħ fuq quddiem tal-kwadru filwaqt li San Lawrenz u San Leonardu jidhru bilwieqfa fuq in-naħa tal-lemin.  Il-pożizzjonijiet tal- qaddisin kif ukoll il-ġesti tagħhom jimplikaw li qegħdin f’nofs konverżazzjoni u għalhekk donnhom jinvolvu ‘l min jarahom f’din it-taħdita wkoll.

Bħal ħafna kwadri simili ta’ din l-epoka, il-kompożiżżjoni tal-figuri hija waħda ta’ piramida bil-ponta ta’ fuq rapreżentata mir-ras tal-Madonna.  Il-figuri huma mpittrin fil-parti baxxa tal-kwadru u l-Madonni hija proprzjonalment ta’ daqs iżgħar mill-figuri l-oħrajn.  Għalkemm il-firxa ta’ kuluri użati hija limitata, id-daqqa tal-pinzell hija tajba u lixxa, minkejja l-fatt li l-verniċ fuq il-kwadru skura xi ftit u dan jagħmilha ftit diffiċli biex wieħed jeżamina sew id-daqqiet tal-pinzell.  Fuq it-tila twaħħlu wkoll kuruna tal-metall, sitt stilel u qamar.

Ir-rapport taż-żjara tal-isqof  Alpheran de Bussan fl-1747 isemmi din il-pittura u jagħti deskrizzjoni tagħha.  Dan jindika li dan il-kwadru seta’ sar meta nbiet il-knisja l-ġdida fl-1715.  Ir-rapport isemmi wkoll kitba li kien hemm fuq il-pittura li kienet tgħid "Tota Pulcra es Arnica Mea”, jiġifieri “Kollok Sbejħa u Ħabiba Tiegħi”.  Jidher ukoll li kien hemm lampier imdendel quddiem din il-pittura.

Il-pittura turi nfluenza tal-istil Barokk Naplitan, li kien inġab f’Malta minn Mattia Preti.  Il-pittura tidher li hi ta’ xi pittur minuri miċ-ċirku ta’ Gan Nikol Buhagiar.

Din il-pittura tinsab midawwra fi gwarniċ tal-ġebel li hu mżejjen b’motif ta’ weraq tal-achantus ikkuluriti.  Fit-truf ta’ fuq tal-gwarniċ insibu żewġ kapitelli u bejniethom hemm l-arma tal-monogramma tal-Madonna.  Fuq din l-arma hemm kuruna kbira.  Illum il-ġurnata, kurifiss kbir u sett ta’ sitt gandlieri fuq l-altar jgħattu mhux ftit dan il-kwadru.

Bl-istess stil bħall-gwarniċ, fuq us-saqaf troll insibu dekorazzjoni oħra bl-Ispirtu s-Santu imdawwar minn raġġ ta’ dawl.

Fuq il-ħajt tat-Tramuntana insibu pittura li turi lil San Benedittu.  Huwa raffigurat bħala fiqura monumentali liebes l-abitu iswed u qed jitlob quddiem kurċifiss fil-kampanja.  Wara l-kurċifiss jidhru l-baklu u mitra sempliċi li juru li kien Abbati.  Fl-isfond naraw l-abazjia ta’ Monte Cassino u kollox huwa mdawwal mir-raġġi taż-żernieq.  Il-ħamiema li takkompanja l-qaddis tirrapreżenta lil oħtu, Santa Scholastika,  li jingħad li meta mietet, Benedittu kellu viżjoni tagħha tiela’ s-sema f’forma ta’ ħamiema.

Il-figura tal-qaddis issib il-bilanċ fis-siġar twal warajha.  Id-daqqiet tal-pinzell huma fini u l-istil jindika li hi pittura tas-seklu dsatax.  Il-verniċ tal-pittura skura xi ftit u din l-pittura wkoll għandha ħtieġa ta’ tindifa.  Hemm ukoll xi marki fuqha, fuq ras il-qaddis, li jindikaw tixrib bl-ilma.  San Benedittu naturalment hu marbut mal-preżenza tal-Benedittini fil-palazz ma’ ġemb il-knija iżda mhux magħruf jekk il-ppittura saritx f’Malta jew inġiebet mill-Italja.

L-isqof Michele Gerolamo Molina jgħid li il-knisja l-antika tal-Assunta kien post ta’ pellegrinaġġ minn nisa tqal biex jitolbu biex ikollhom ħlas tajjeb.  Din id-devozzjoni baqgħet għaddejja anke  fil-knisja l-ġdida.  Ir-rapport taż-żjara tal-isqof Alpheran de Bussan's fl-1747 jgħidilna li kien hemm għadd ta’ pitturi  “ex-voto” li llum m’għadhomx jeżistu.

Teżisti wkoll pittura tal-Madonna li għandha ċintorin madwar żaqqha.  Din il-pittura setgħet kienet tifforma parti minn din id-devozzjoni tal-ħlas.  Il-Madonna tidher minn qaddha ‘l fuq u għandha proporzjon klassiku u turi influenza tal-Barokk Ruman.  Il-Madonna qed tidher tinterċedi bejn dak li jkun qed jitlob u Alla li lejħ qed tħares.  Din il-pittura hija mżejna bi tnax-il stilla tal-fidda, ċintorin tal-fidda u ġiżirana tad-deheb b’salib imwaħħal magħha.  Dawn huma xhieda tad-devozzjoni tal-fidili li kienu jżuruha.

Fil-knisja nsibu pittora tal-wiċċ ta’ Kristu (“sudarium”) li stilistikament tidher li jista’ jkun tas-seklu dsatax.  Fis-sagristija mbagħad hemm pittura tal-Monsinjur Giovanni Battista Ghigo tal-pittur Giuseppe Duca.  Din il-pittura kienet inaghtat mill-monsinjur Ghigo nnifsu lis-sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesł.

Fil-knisja nsibu wkoll sett tal-Via Sagra, stampati bit-teknika tal-chromolitografija li għalkemm mhux datati, jidhru li saru lejn l-aħħar tas-seklu dsatax jew lejn il-bidu tas-seklu għoxrin.  F’nofs in-nava ċentrali nsibu il-lapida tal-qabar tar-reverendu Giuseppe Camilleri, li miet fl-1924 u li fi żmien kien rettur ta’ din il-knisja.  Il-knisja għandha wkoll relikwarju ddekorat bil-filugranu li fih biċċa mis-Salib ta’ Kristu.

Il-knisja llum

Illum il-knisja għadha tintuża regolarment għall-quddies.  Ir-rettur tagħha  huwa l-Arċipriet taż-Żurrieq.  Fiha jsir il-quddies kuljum fis-06:45 u fis-06:30 fil-Ħdud u l-festi.  Nhar ta’ Sibt filgħaxija ssir ukoll quddiesa fil-17:00.

Kitba ta’ Juliet Bonnici: Traduzzjoni mit-teżi tagħha mhux pubblikata “The Filial Churches of Zurrieq: History, Architecture and Works of Art (2002)”, Traduzzjoni u żidiet minn Noel Ciantar
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Fr. Jonathan Farrugia, Juliet Bonnici u mill-Arkivji Nazzjonali

Zurrieq_Knisja_Filjali_L-Immakulata_li_tinsab_fin-Nigret_141
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia        Il-pittura titulari
Ritratt - Juliet Bonnici
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia        Pittura tal-Madonna
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia        Ex voto2
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia        Ex voto1
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia        Statwa ta' San Guzepp
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia        Statwa tal-Madonna ta' Lourdes
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com