KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Santa Katerina Detail - Ritratt: Caroline Busuttil

Il-Knisja ta’
Santa Katerina tad-Daħla
~ Rabat ~

Bi dritt Triq Ħal Bajjada, f’xaqliba qadima tar-Rabat, jekk int taqbad Triq Misraħ Suffara u tibqa’ miexi lejn ix-xaqliba magħrufa bħala “is-Swatar”, tasal f’żona fit-tarf tar-Rabat li tissejjaħ “Ta’ Santa Katarina”. Din iż-żona tissejjaħ ukoll “Id-Daħla” għax, kif tfisser il-kelma stess, hi bħal daħla lejn ir-Rabat. lt-triq iġġib l-isem ta’ Santa Katarina. Fil-qalba ta’ ftit djar ta’ bdiewa, qabel ma taqbad miexi lejn Ħad-Dingli, hemm knisja li minn dejjem kienet ċkejkna. Imma l-ġrajjiet marbutin ma’ din il-knisja jeħduna ‘l bogħod ħafna. Hi knisja li nbniet, waqgħet, reġgħet inbniet, u mill-ġdid kellha titniżżel ħalli mbagħad tinbena dik li għandna llum.

B’din il-kitba, sejjer jingħata flit ħjiel ta’ storja li turina r-rabta li n-nies tal-post kellhom ma’ din il-knisja. Ħabbewha l-bdiewa, imma ħasbu fiha wkoll xi familji nobbli ta’ Malta. Naslu mbagħad għaż-żmien iżjed qrib tagħna meta l-ftit nies tal-post bdew jixxennqu dejjem iżjed biex huma wkoll ikollhom, mhux biss knisja, imma anki festa. Ħadmu biex ikollhom, mhux biss is-servizzi pastorali essenzjali, imma wkoll knisja illi tiġbdek lejha, għax imżejna kif jixirqilha, speċjalment fi żmien il-festa li huma jiċċelebraw f’ġieħ Santa Katarina. Madankollu, din il-knisja ċkejkna żgur li ma kinetx tkun tista’ żżomm fuq riġlejha li kieku, minn żmien għall-ieħor, ma kellhiex retturi li b’imħabba u dedikazzjoni ħadu ħsiebha. Il-benefiċjarji tar-renta ċkejkna mhux dejjem kienu saċerdoti; imma benefiċjarju saċerdot dejjem sata’ jaħdem aħjar ħalli l-ħidma pastorali fiha ma tonqosx.


Santa Katerina tad-Dahla - Rabat - Ritratt: Caroline Busuttil


Bejn 1500 u 1575: Bini, qagħda mwiergħa u rovina

Il-Knisja ta’ Santa Katarina nbniet għall-ewwel darba lejn is-sena 1500. Imma kien żmien ta’ faqar, għalkemm f’dak iż-żmien ukoll hi kellha r-rettur tagħha. Fi żmien ta’ invażjonijiet u t’attakki mill-furbani, f’dik ix-xaqliba li ma kinetx ħielsa mill-periklu, ma kienx hemm il-possibiltā li jieħdu ħsieb tajjeb ta’ dik il-knisja. ll-knisja kienet mitluqa u saħansitra kienet qed tiġarraf weħidha.

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Jannar 1575, Mons. Pietro Dusina, bħala Viżitatur Appostoliku, beda l-viżta tiegħu f’dawk il-knejjes tal-kampanja li kienu meqjusin bħala filjali għal dik tal-belt il-qadima ta’ Malta. Dawn kienu tletin waħda. Fosthom kien hemm dik imsemmija għal Santa Katarina.

Il-Knisja kellha altar wieħed. Imma, tant kienet mitluqa, li ma kellhiex la bieb u lanqas paviment. Ir-rettur tagħha kien Dun Santoro Vella. F’jum il-festa ta’ Santa Katarina il-Kappillan ta’ Ħad-Dingli kien jieħu ħsieb li jiġi reċitat l-ewwel għasar u li titqaddes quddiesa. Ċertu Franġisk Summatissa, Grieg li kien skrivan fuq ix-xwieni tal-Ordni, akkwista l-art fejn kienet dik il-knisja mingħand Dun Santoro de Nasis, u tgħabba bil-piż li jagħti l-elemożna (karitā lill-fqar) tal-quddiesa ta’ nhar il-festa.

Dusina ordna li l-knisja tiġi magħluqa għal kollox. Il-kwadru ta’ Santa Katarina kellu jittieħed fil-knisja parrokkjali ta’ San Pawl, u jitqiegħed fejn jidhirlu r-Rettur ta’ din il-knisja. Ir-Rettur ta’ San Pawl kellu jieħu ħsieb li jqiegħed mal-altar ta’ Santa Katarina ventaltar tal-ġild u żewġ gandlieri. Żdied ukoll l-obbligu tal-quddiesa stabbilita. Mill-ġebel tal-knisja kkundannata seta’ jsir użu għall-bini ta’ knisja ġdida, skont fejn ir-Rettur ikun jidhirlu.

1628: Bini ġdid tal-Knisja

Billi saret ġuspatronat lajkali, il-knisja ta’ Santa Katarina setgħet tinbena mill-ġdid. Inbniet fl-1628. B’hekk, setgħet tingħata ftit għajnuna spiritwali lil dawk il-bdiewa li kienu joqogħdu f’dik ix-xaqliba. F’dak iż-żmien, dik ix-xaqliba fejn inbniet il-knisja diġā kienet tissejjaħ Tad-Daħla. Twaqqaf ġuspatronat minn Indri Vassallo f’ismu u f’isem martu Sapienza Michallef. Hu offra mill-artijiet tiegħu ġnien imsejjah proprju "Tad-Daħla". Minn dak il-ġnien kienu jidħlu żewġ uqijat fis-sena. L-Uqija kienet munita tad-deheb ta’ Sqallija li kienet iġġib sitt Dukati. (Dukat kien jinqasam f'xi 18-il biċċa tal-fidda).

Vassallo bena minn flusu dik il-knisja, u rabat b’kuntratt lir-Rettur tagħha biex iqaddes ħames quddisiet fis-sena. Dawk iż-żewġ uqijat ta’ imgħax kienu jservu biex tiġi ċċelebrata quddiesa nhar Santa Katarina b’għasar lejlietha, kif ukoll isiru erba’ quddisiet sempliċi nhar Sant Andrija Appostlu, nhar San Pawl Appostlu, u fil-festi ta’ Santa Luċija u San Blas. Barra minn hekk, kien hemm l-obbligu li jinxtegħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt. Minn dik ir-renta, ir-rettur tal-knisja kien obbligat ukoll li jipprovdi x-xemgħa. Kollox ġie stabbilit legalment b’kuntratt tad-9 ta’ Novembru 1630, quddiem in-Nutar Giovannello Carbot. Imbagħad, l-istess donazzjoni ġiet ikkonfermata b’legat tat-8 ta’ Diċembru 1650, quddiem in-Nutar Giovanni Francesco Zammit.

Kif kien juri fil-ġuspatronati lajkali, il-fundatur ta’ xi opra jibbenefika ħafna lil niesu stess. Għalhekk, il-fundatur għażel bħala Rettur lil wieħed minorenni. Dan kien il-kjerku Mattew Vassallo, ta’ 17-il sena, neputi tiegħu. Imma, sakemm dan kellu jiġi ordnat saċerdot, it-tmexxija tal-knisja tħalliet f’idejn Dun Tumas Tabone. Ġie ċċarat li, anki jekk il-benefiċjarju ma jkunx saċerdot, ir-renta kien jeħodha hu, imma kien ikollu l-obbligu li jara li jiġi sodisfatt kulma kellu jsir. Fil-fatt Mattew Vassallo wasal biex sar saċerdot, u f’idejh ħa t-tmexxija ta’ din il-knisja. Meta r-Rettur ma kienx jista’ jqaddes il-quddies hu nnifsu, kien fid-dmir li jsib saċerdot li jqaddishom u jagħtih l-elemożna. Indri Vassallo u martu tant riedu li dik il-knisja tibqa’ marbuta ma’ nieshom b’mod li poġġew fil-kuntratt li r-retturi kellhom ikunu dejjem qraba tagħhom. Darba, kellhom ikunu minn naħa ta’ Indri Vassallo u darba minn naħa ta’ martu Sapienza Michallef.
 
Ġie stabbilit ukoll li, jekk il-knisja jkollha l-ħsara jew tiġġarraf, ir-Rettur ikun mgħobbi bil-piż li jsewwiha jew jibniha kompletament. Il-fundatur, Indri Vassallo, miet fid-29 ta’ Mejju 1655, u ndifen f’Ta’ Ġieżu, fil-Belt. Martu mietet fl-20 ta’ Jannar 1657, u ndifnet f’San Lawrenz tal-Birgu.

1636: Mill-Viżta Pastorali ta’ żmien l-Isqof Balaguer

Il-knisja ta' Santa Katarina tad-Daħla tibqa’ tissemma minn viżta għal oħra. Aktarx li nsibu dejjem ir-rabtiet li hi kellha mal-fundatur tagħha Indri Vassallo. Imma l-viżti juruna l-qagħda tal-knisja f’xi żmien partikulari.  Il-qagħda tal-imgħoddi qatt ma kienet tajba ħafna. Nagħmlu xi kummenti u nwasslu xi tagħrif storiku dwar l-imgħoddi.

Meta l-fundaturi kienu għadhom ħajjin, il-Konviżitaturi ta’ viżta pastorali ta’ żmien l-Isqof Mikiel Ġwanni Balaguer marru jżuru dik il-knisja. Billi kienet waħda ċkejkna ma marx l-Isqof innifsu. Fid-deskrizzjoni, inkiteb li ma kenitx ilha li nbniet. Din il-viżta kienet fit-28 ta’ Jannar 1636, u għalhekk kienet waslet biex tagħlaq tmien snin mibnija. Minn hemm nafu li l-art fejn kien hemm il-knisja kienet fil-qrib tal-proprjetā tal-fundatur, Indri Vassallo.

Din tal-1636 hi l-ewwel deskrizzjoni ċara li għandna tal-knisja. Imma għadha ma hix tal-knija tal-lum. Insiru nafu li kienet knisja b’altar wieħed li kien tal-ġebel. Fiċ-ċentru tiegħu, l-altar kellu r-relikwi tal-qaddisin. Fuq l-altar kien hemm erba’ gandlieri tal-injam, li kienu ndurati. Kien hemm ukoll żewġ anġli tal-injam indurati. Il-knisja kellha l-bżonnijiet tagħha għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. L-altar kellu tliet tvalji. Fuq l-altar, kien hemm żewġ imħaded li nissopponu li kienu għall-missall u kien hemm dik li kienet tissejjaħ il-Karta tal-Glorja bit-talb li jingħad f’kull quddiesa.

Fiċ-ċentru tal-altar, kien hemm Kurċifiss. L-altar kellu l-iskannell tiegħu li kien impitter. Dak l-iskannell kien b’erba’ tarġiet, li fiċ-ċentru tagħhom kien hemm it-tabernaklu. Dan it-tabernaklu ċkejken kien nofsu mpitter u l-kumplament kien indurat. L-altar kien jiżżejjen b’żewġ vażuni ta’ fjuri artifiċjali.
 
Il-pittura ta’ fuq l-altar kienet turi lil Santa Katarina fiċ-ċentru. Fuq il-lemin tagħha kien hemm il-qaddisin San Pawl u San Blas. Fuq ix-xellug kien hemm Sant Andrija u Santa Luċija. Huma l-qaddisin li jissemmew fil-kuntratt tal-fundazzjoni tal-ġuspatronat, u li fil-festa tagħhom kienet tiġi ċċelebrata quddiesa. Dik il-pittura kellha gwarniċ tal-injam indurat. Mal-gwarniċ, kienu jidhru l-armi tal-kunjomijiet Vassallo u Michallef.

Għal dan l-altar, wieħed kien jitla’ bi tliet tarġiet tal-ġebeI. Kien hemm balavostri tal-ġebel iduru mal-istess altar. Fuq in-naħa ta’ quddiem, l-altar kellu miegħu ventaltar tal-ġild b’ornamenti ndurati. Lampier tal-metall kien imdendel quddiem dak l-altar. Skont il-legat, dak il-lampier kien għadu qed jiġi mixgħul kull nhar ta’ Sibt. F’dak iż-żmien għall-ispiża tad-dawl kien qed jidħol ċertu Mikiel Sciriha, li kellu f’idejħ l-għelieqi mħollija minn Indri Vassallo u martu.

Indri Vassallo, il-fundatur, li kien għadu ħaj, baqa’ jieħu ħsieb jiċċelebra l-festa ta’ Santa Katarina bil-kant tal-ewwel għasar u tal-quddiesa. Wara l-quddiesa, il-fundatur kien joffri kolazzjon lil dawk li jkunu preżenti.

Knisja sabiħa u ċimiterju

Dik il-knisja tal-1630 kienet waħda sabiħa u kif wieħed jixtieq li jkun post qaddis. Kienet imbajda, u għalhekk nadifa, kollha kemm hi. Kien fiha erba’ arkati mas-saqaf tagħha. Kien hemm erba’ bibien jagħtu għall-knisja. Il-bieb prinċipali kien iħares lejn l-oċċident. Fuq in-naħa ta’ barra kien hemm ċimiterju, li kien imdawwar b’ħajt mibni b’ġebliet kwadrati. Dan iċ-ċimiterju kien iħares lejn in-nofs in-nhar. Bejn iċ-ċimiterju u d-daħla għall-knisja kien hemm xatba tal-injam.
 
Tnejn mill-bibien tal-knisja kienu fuq ix-xellug. Bieb minnhom kien jinżamm dejjem magħluq. Il-bieb l-ieħor kien iħares lejn il-lvant, u kellu bieb tal-injam li jissakkar. Fuq il-bejt kien hemm qanpiena waħda. Fis-sagristija tal-knisja, kien hemm armarju biex jintrefgħu fih il-paramenti sagri. Il-bankijiet fejn ipoġġu bilqiegħda n-nies kienu tal-ġebel. Il-knisja, skont dawn il-viżitaturi, ma kien jonqosha xejn ħlief li jkollha kalċi tagħha. Min iqaddes fiha kellu bżonn li jieħu kalċi miegħu.

1680: Fi żmien l-Isqof Molina

Wara 44 sena, it-tibdil ma kienx kbir. Għandna deskrizzjoni tal-knisja ta’  żmien l-Isqof Ġlormu Molina. Titqies li hi knisja mibnija tajjeb. Kienet għadha ġuspatronat. F’dak iż-żmien, ma kien jonqosha xejn, u għalhekk lanqas kalċi għall-quddies ma kien jonqosha (evidentament, għalhekk, kien inxtara). Inkiteb li kienet madwar tliet mili ‘l bogħod mill-Katidral tal-Imdina.

F’Santa Katarina, nhar il-festa titulari, kien jiġi ċċelebrat numru ta’ quddies. L-ewwel għasar kien qed jitkanta, mhux biss lejliet Santa Katarina, imma wkoll għall-festi tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Sant Andrija u Santa Luċija. F’dak iż-żmien, il-benefiċju tal-knisja kien qed jitgawda minn Dun Ġann-Anton Vassallo, qarib tal-fundatur.

1744: Żmien ta’ rovina minn terremot

Għadda ż-żmien, u l-knisja, minflok ma għaddiet għall-aħjar, marret għall-agħar. L-isqof ta’ Malta kien Paolo Alpheran de Bussan. Dan beda waħda mill-viżti tiegħu fil-25 ta’ April 1744. F’Santa Katarina Tad-Daħla, ma marx l-Isqof innifsu. Hu bagħat lil Dun Albin Portoghes, wieħed mill-konviżitaturi. Kien fis-17 ta’ Mejju 1744. Fil-fatt l-isqof ma kellux għalfejn imur għax il-qagħda kienet ħażina ħafna.

Il-Konviżitatur sabha fi stat ħazin ħafna għaliex, ftit iżjed minn sena qabel, fl-20 ta’ Frar 1743, kien għamel terremot qawwi, u kollox kien f’perikiu li jiġġarraf.  Il-Koviżitatur fakkar dak li kien hemm stabbilit fil-kuntratt tal-1630. Il-kuntratt kien fih: “Jekk il-knisja tiġarraf, jew tintlaqat minn xi sajjetta, jew tiġi attakkata mill-għedewwa, jew ikollha xi ħsarat, jiġu minfejn jiġu u jiġu kif jiġu, il-beni kollha ta’ Indri Vassallo, li kien miet fl-1655, jiġu ipotekati sakemm il-knisja ma tiġix imsewwija jew mibnija mill-ġdid. Il-bini u t-tiswijiet isiru kull darba li matul iż-żmien ikun hemm il-ħsarat.”

Għalhekk il-konviżitatur Portoghes iffissa żmien lill-werrieta ta’ dak Indri Vassallo, u obbligahom li, fi żmien sitt xhur, jaħsbu biex jagħmlu dak li ordna l-fundatur.  Jekk il-werrieta ma kellhomx jerġgħu jġibu lil dik il-knisja fi stat tajjeb, id-dħul kollu li kellhom minn fuq l-artijiet ta’ Vassallo kien se jiġi ssekwestrat b’esekuzzjoni mill-Promotur Fiskali. F’dan il-każ, il-promotur fiskali jibniha bil-pariri li jagħtuh il-periti.

F’dak iż-żmien, ir-Rettur tal-benefiċċju kien il-Kanonku-Koġtur (“għajjutant”) Dun Ġwann M. Azzopardi.  Dan kien mgħobbi bil-piż tal-għosrien (plural tal-kelma “għasar”) u l-quddies fil-ġranet stabbiliti. Hu ddikjara li dejjem kien ħa ħsieb li ma jonqosx fl-obbligi tiegħu.

Il-bini tal-knisja ta’ żmienna

Anki knisja ċkejkna għandha ħafna storja marbuta magħha. Aħna nafu li l-knisja reġgħet inbniet mingħajr ma kellha bżonn li titwaqqa’ għal kollox. Wara dik it-theddida ta’ żmien l-Isqof Alpheran, ġiet mibnija tajjeb il-knisja li għadha titgawda sal-lum. Il-kotba tal-istorja ma jgħidulna xejn minn dawn il-ġrajjiet ta’ Santa Katarina Tad-Daħla. Nafu biss li l-ġuspatronat, fl-1866, kien ilu minn xi żmien f’idejn il-familji nobbli Testaferrata.


Ritratt: Caroline Busuttil


Din il-knisja baqgħet għal ħafna żmien ieħor bħala ġuspatronat. Għaddiet ukoll minn familja għall-oħra. Imma dawn, illum, nistgħu insejħulhom ġrajjiet tal-imgħoddi. Minn fomm Rettur riċenti Dun Mikiel Attard, li kien ilu jaħdem fiha tul 45 sena (1953-1998), niġbru t-tagħrif dwar dak li sar fi żmienna. Għal xi snin fil-bidu tas-seklu għoxrin, il-benefiċċju ta’ Santa Katarina kien f’idejn il-kjeriku Rev. Karmenu Bologna, Kanonku tan-Nadur. Dan ma kienx saċerdot, u kien joqgħod f’Raħal Ġdid. Rarament biss kien jiġi f’Tad-Daħla. Hu miet fl-1930. Il-ġuspatronat spiċċa għal kollox. L-ebda familja nobbli m’għad għandha d-dritt li tippreżenta lir-Rettur quddiem l-isqof ta’ Malta. Għal xi snin bħala Rettur kien hemm Dun Renč Cirillo. Għal xi żmien qasir ieħor wara t-tieni gwerra dinjija, ġieli mar iqaddes il-Kanonku Dun Franġisk Catania tar-Rabat. Imma s-servizzi pastorali kienu għadhom neqsin ħafna. Mill-1953, il-knisja ġiet fdata f’idejn il-Kanonku Dun Mikiel Attard. Hu qatt ma kellu xi nomina uffiċjali ta’ Rettur ta’ din il-knisja. Imma fil-fatt, nistgħu ngħidu li fi żmienu sar fiha wisq iżjed milli qatt sar fl-imgħoddi.

Il-ħidmiet pastorali aktar spissi bdew minn dan iż-żmien. Fil-knisja malajr sar paviment bil-madum. Id-daħla li ssemmiet li kienet magħluqa bil-ġebel ġiet miftuħa, u fil-post tagħha sar konfessinarju għax ma jidhirx li qatt kien hemm xi wieħed. Anki l-festa ta’ Santa Katarina bdiet issir bi ftit solennitā minn din is-sena 1953. Għall-ewwel, kienet issir fil-25 ta’ Novembru, li hi l-ġurnata liturġika tagħha. Dik li tħabtet biex isir legat għall-quddiesa ta’ nhar il-festa kienet xebba twajba bl-isem ta’ Pawla Scicluna.


Ir-Rabat - Festa SK 2006 - Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia


Id-Daħla ta’ żmienna

Meta l-festi, minflok ma mietu kif ipprevedew x’uħud, bdew jikbru, kulħadd beda jixtieq li jkollu statwa. In-nies ta’ Santa Katarina tad-Daħla ma ridux ikunu anqas minn oħrajn. Fl-1958, ir-Rabti Ġlormu Dingli ġie mogħti l-kummissjoni li jaħdem statwa ta’ Santa Katarina. Hu mmudelaha fuq dik taż-Żurrieq li ħarġet minn idejn l-iskultur Mariano Gerada. Imbagħad, ġiet sgraffita minn Willie Attard. Żmien iżjed tard, Charlie Azzopardi ħadem għall-istatwa niċċa u bradella. Il-kuruna ta’ fuq ras l-istatwa kienet tal-metall. Imma din saret tal-fidda u ġiet indurata. Hekk ukoll l-awreola ta’ ma' ras il-qaddisa saret tal-fidda ndurata.

Fid-Daħla wkoll, il-gurnata ta’ Santa Katarina bdiet tkun waħda mistennija. Jieħdu pjaċir biha, mhux biss in-nies tal-post, imma wkoll dawk tar-Rabat. Jinżammu wkoll xi rabtiet maż-Żurrieq, fejn il-parroċċa hija msemmija għal Santa Katarina. Il-festa ġiet trasferita għall-aħħar Ħadd ta’ Settembru biex, possibilment, jiġi evitat il-maltemp. Dan kien fl-1983. Mis-sena ta’ wara bdiet issir il-purċissjoni. L-ewwel waħda mexxiha l-Agostinjan Patri Ugolin Gatt. Għalhekk, sar standard għall-purċissjoni. Bil-mod il-mod, għall-festa saru wkoll trofej, pilandri u pavaljuni bil-bozoz.  Billi l-festa kienet qed tikber dejjem, għal xi żmien fit-Tridu, kienet tmur iddoqq il-Banda ta’ St. Patrick. Imbagħad, lejliet il-festa u nharha, bdiet tmur iddoqq il-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat. Tkun mistennija min-nies tar-Rabat anki l-fiera li ssir fi żmien din il-festa. Fl-aħħar ġurnata tat-Tridu, issir Lejla Maltija b’kant u għana.  Is-Sibt, minbarra l-fiera, ikun hemm kull xorta ta’ ikel, u ma jkunx nieqes lanqas il-logħob tan-nar.  Ikun hemm ħruq tan-nar tal-art u tal-ajru. Fl-1997, sar id-damask għall-knisja, ġew akkwistati tliet linef, u saru wkoll tliet kapep għall-purċissjoni.

Tul is-sena: Ġewwa u Barra

Il-Knisja tal-imgħoddi kienet fqira.  Xi affarijiet kienu tgħarrqu biz-żmien. Oħrajn li ssemmew f’deskrizzjonijiet tal-imgħoddi ma dehrux iżjed. Ma kienx għad hemm il-qanpiena u l-kwadru titulari li fakkarna. Imbagħad, fl-1962, saret qanpiena li nħadmet mid-ditta Barigozzi ta’ Milan u ftit wara, saru żewġ qniepen żgħar oħrajn.

Ma kienux għadhom hemm iżjed lanqas il-gandlieri tal-bronż li darba kien hemm fil-knisja.  Illum, il-knisja għandha tlett settijiet ta’ gandlieri tal-bronż. Is-sett tal-festa ġie arġentat minn Azzopardi tal-Blata l-Bajda. Iż-żewġ settijiet l-oħra jintużaw matul is-sena.

B’insistenza tal-Kanonku Dun Mikiel Attard, il-Gvern daħħal l-ilma u d-dawl elettriku fid-“Daħla”. Għalhekk, il-knisja għenet anki f’opra soċjali u ċivili. Fl-1985, saru s-servizzi sanitarji meħtieġa. L-elettriku fil-post kellu l-effett pożittiv tiegħu fuq il-knisja nnifisha. Il-faċċata, mill-1956, bdiet tintrama bid-dawl elettriku. Mexxa x-xogħol il-kuntrattur Anġlu Grima, imlaqqam “Il-Qutu” li kien jiġi hu Monsinjur Dun SaIv Grima, fundatur tad-Dar tal-Kleru u tal-kogregazzjoni tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu. Mill-1986, id-dawl elettriku beda jintrama anki fit-toroq.


S Katerina tad-Dahla procession: Ritratt: Anthony M. Brincat


Il-Ħidma Pastorali

Bir-renta li fl-imgħoddi tħalliet mill-fundaturi, illum lanqas biss ma hemm l-elemożna suffiċjenti biex issir nofs quddiesa. Imma l-pastorali, minflok ma waqfet, marret għall-aħjar. Minn meta l-Kanonku Attard ħa f’idejħ il-ħsieb ta’ din il-knisja, hu beda jmur il-Ħamis ta’ qabel l-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Kien ikun disponibbli għall-qrar ta’ dawk kollha li jfittxuh. Kien jorqod fis-sagristija tal-knisja, u l-għada, jiċċelebra quddiesa fl-erbgħa ta’ filgħodu. Kull nhar ta’ Ħadd kienet issir quddiesa fis-sitta ta’ filgħodu, imma mill-1996 din qiegħda ssir fl-erbgħa ta’ wara nofs in-nhar.

Minbarra l-funzjonijiet ta’ żmien il-festa, isiru wkoll dawk tal-Milied. Fl-istess żmien tal-Milied, issir il-priedka tat-tifel, pageant mit-tfal tal-post, u anki festin ċkejken għalihom. Fi żmien ir-Randan, isir kors ta’ eżerċizzi għal kulħadd u anki Via Sagra fit-triq.

Din hi ftit mill-ħidma pastorali fil-knisja ta’ Santa Katarina Tad-Daħla ta’ żmienna. Il-popolazzjoni għalkemm ċkejkna tiġi moqdija fil-bżonnijiet spiritwali tagħha. Illum, il-post jintlaħaq malajr bis-saħħa tal-mezzi tat-trasport li jeżistu llum. In-nies tal-post jagħtu ħafna għajnuniet lir-Rettur tal-knisja. Is-sehem tagħhom hu kbir speċjalment fi żmien il-festa ta’ Santa Katarina. Dejjem instabet ukoll xi persuna twajba li tagħti l-għajnuniet tagħha matul is-sena.

Minkejja li ż-żminijiet tal-lum f’tant affarijiet huma diffiċċli ħafna iżjed minn tal-imgħoddi, din il-knisja hi moqdija wisq aħjar milli kienet mijjiet ta’ snin ilu. Saċerdot fil-post ma jkunx hemm. Imma fi żmienna ir-Rabat jintlaħaq malajr. In-nies tal-post dejjem urew imħabba u ġenerożitā mar-Rettur li, skont il-possibiltajiet tiegħu, jagħtihom kull għajnuna li jista’ jagħtihom.


Kitba ta’ Patri Alexander Bonnici OFM Conv
Proof Reading: Andrew Hili
Ritratti: Caroline Busuttil, Fr. Jonathan Farrugia, Tony Bonello, Anthony M. Brincat

Meħud mill-pogramm tal-festa ta’ San Pawl, Rabat “Il-Festa Tagħna
Użata bil-permess tas-Sur Piu Scerri, President.

Santa Katerina - Ritratt: Caroline Busuttil
Santa Katerina tad-Dahla Rabat - Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ir-Rabat - Dettall tat-titular ta' SK - Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Altar Santa Katerina tad-dahla - Ritratt: Caroline Busuttil

Din hi ftit mill-ħidma pastorali fil-knisja ta’ Santa Katarina Tad-Daħla ta’ żmienna. Il-popolazzjoni għalkemm ċkejkna tiġi moqdija fil-bżonnijiet spiritwali tagħha. Illum, il-post jintlaħaq malajr bis-saħħa tal-mezzi tat-trasport li jeżistu llum. In-nies tal-post jagħtu ħafna għajnuniet lir-Rettur tal-knisja. Is-sehem tagħhom hu kbir speċjalment fi żmien il-festa ta’ Santa Katarina. Dejjem instabet ukoll xi persuna twajba li tagħti l-għajnuniet tagħha matul is-sena.

Minkejja li ż-żminijiet tal-lum f’tant affarijiet huma diffiċċli ħafna iżjed minn tal-imgħoddi, din il-knisja hi moqdija wisq aħjar milli kienet mijjiet ta’ snin ilu. Saċerdot fil-post ma jkunx hemm. Imma fi żmienna ir-Rabat jintlaħaq malajr. In-nies tal-post dejjem urew imħabba u ġenerożitā mar-Rettur li, skont il-possi-biltajiet tiegħu, jagħtihom kull għajnuna li jista’ jagħtihom.

Ir-Rabat - dettall tal-vara ta' SK - Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Santa Katerina tad-Dahla Rabat - Ritratt: Caroline Busuttil

Ħabbewha l-bdiewa, imma ħasbu fiha wkoll xi familji nobbli ta’ Malta. Naslu mbagħad għaż-żmien iżjed qrib tagħna meta l-ftit nies tal-post bdew jixxennqu dejjem iżjed biex huma wkoll ikollhom, mhux biss knisja, imma anki festa.

Ħadmu biex ikollhom, mhux biss is-servizzi pastorali essenzjali, imma wkoll knisja illi tiġbdek lejha, għax imżejna kif jixirqilha, speċjalment fi żmien il-festa li huma jiċċelebraw f’ġieħ Santa Katarina.

Il-Knisja ta' Santa Katarina tad-Dahla LO Rabat  -  Ritratt: Tony Bonello
S Katerina tad-Dahla facade 2 - Ritratt: Anthony M. Brincat

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017