KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ Santa Marija,
ir-Ritorn mill-Eġittu
~ Kemmuna ~

Kemmuna hi gżira żgħira li tagħmel parti mill-arċipelagu Malti.   Fiha biss 3.5 kilometri kwadri u tinsab kważi fin-nofs fil-fliegu bejn Malta u Għawdex.  Għalkemm illum hemm uffiċjalment 4 persuni biss jgħixu fiha, jidher li sa mill-qedem din il-gżira setgħet kienet abitata b’aktar nies.  Jidher ukoll li fil-medju evu kienet saret post komdu fejn jistkennu l-pirati u għalhekk spiċċat mhux abitata.

Fi żmien il-Kavallieri, eżattament fis-sena 1618 fi żmien il-Granmastru Wignacourt,  inbena t-torri ta’ Kemmuna, iddedikat lill-Santa Marija.  Jidher li l-ħsieb li jinbena torri fuq Kemmuna kien ilu jberren f’moħħ il-Kavallieri minħabba li din il-gżira ġieli ntużat biex il-pirati jistkennu fiha u jippreparaw biex jattakkaw il-gżejjer Maltin. Imma minħabba li biex jinbena t-torri ried jinġarr il-materjal kollu bil-baħar dan dam ma nbena. Hu fatt kemmxejn stramb li fuq Kemmuna jidher li kien hemm kappella sa min-nofs is-seklu tlettax.  Dan nafuh għax kienet immarkata f’mappa antika jew portolan ta’ din l-epoka.  Iżda jidher, minn riċerka riċenti, li din setgħet kienet trogloditika u għalhekk il-problema tal-“bini” tagħha ma kienetx teżisti.


Ritratt - Caroline Busuttil


Dedika

Fil-bidu din il-knisja kienet iddedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta’ Sidna Marija u kien għalhekk li din il-kappella tissejjaħ il-knisja ta’ Santa Marija, u għadha tissejjaħ hekk sal-lum. Il-bajja li hemm biswitha tissejjaħ ukoll il-bajja ta’ Santa Marija, 

Bħalma l-Insara madwar id-dinja jiċċelebraw is-Seba' Duluri tal-Verġni Imbierka, jiċċelebraw ukoll is-seba' mumenti ta’ ferħ li ġarrbet il-Madonna. Fost dawn insibu r-ritorn tas-Sagra Familja f’Nazaret mill-Eġittu, wara li anġlu tal-Mulej deher lil Ġużeppi  biex jinfurmaħ li Erodi l-Kbir, li kien ried joqtol lil Ġesł , issa kien miet.

Jingħad li din id-devozzjoni kienet tant kbira fost ir-raħħala ta’ din il-gżira ċkejkna, li meta rranġawha bidlu d-dedika minn dik ta’ Santa Marija, għar-Ritorn tas-Sagra Familja mill-Eġittu.

Oriġini

Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet l-ewwel knisja iżda tidher li hija antika ħafna. Li nafu żgur hu li din il-kappella, li tagħmel parti mid-djoċesi t’Għawdex, inbniet għal aktar minn darba. Din il-gżira għamlet żmien abbandunata minħabba l-ħbit frekwenti tal-furbani, u aktarx li ġiet sakkeġġata minn dawn il-ħallelin tal-baħar kemm-il darba.

Iżda aktar qabel, seta’ kien hemm kappella oħra, trogloditika, fuq din il-gżira.    Apparti l-kappella mibnija fl-1618 u t-Torri ta’ Wignacourt,  wieħed jista’ jaħseb li din il-gżira hija diżabitata apparti d-day trippers li jżuruha bl-eluf fix-xhur tas-sajf.

Illum nafu li fl-imgħoddi, anke possibilment sa minn żmien il-Feniċi, kienet bejta ta’ attivitą.  Oqbra skavati lejn il-bidu tas-seklu għoxrin minn Sir Temi Zammit u oħrajn  wrew biċċiet u ħwejjeġ tal-fuhħar li jmorru lura saż-żmien tal-Bronż, fil-fażi ta’ Borġ in-Nadur.  Il-fatt li din il-gżira mhix mogħnija b’għejun ta’ ilma jew ilma tal-pjan, jillimita kemm din il-gżira kienet tista’ jkollha raba maħdum għad kien hemm dipendenza totali fuq l-ilma tax-xita.  Ir-raba maħdum jidher li hu kkonċentrat f’Wied l-Aħmar lejn nofs-in-nhar tal-bajja ta’ Santa Marija u jaf il-bidu tiegħu lejn in-nofs tas-seklu dsatax.

L-attivitą fuq din il-gżira fil-medjuevu kienet ikkonċentrata madwar il-knisja ta’ Santa Marija, kif kienet magħrufa dik li hemm illum f’dawk iż-żminijiet.   Knisja f’dawn l-inħawi kienet issemmiet f’kitba tal-1296.  Wara l-knisja li nbiet fl-1618 li għadna naraw illum. hemm żewġ għerien li jidher li kienu magħmulin b’id il-bniedem u li kienu abitati u li setgħu servew ta’ knisja trogloditika qabel ma nbiet dik tal-1618.  L-għar il-kbir jissejjaħ “Għar Ħamrija” u hu aċċessibbli iżda l-għar iż-żgħir hu kompletament blukkat b’siġar tat-tin. 
 

itratt - Leslie Vella, mill-Internet - uzat bil-permess


L-għar il-kbir ġie rriċerkat minn Keith Buhagiar (Comino: Historical and Archaeological Observations).  Tidħol għalih minn bieb żgħir rettangolari li n-naħa tal-punent tiegħu hi magħmula minn ħajt tas-sejjieħ.  L-art tal-għar hija madwar metru aktar baxxa minn dik ta’ barra.  Aktar tard, fl-aħħar perjodu li dan l-għar kien użat, l-għar inqasam fi tlett partijiet b’ħitan tas-sejjieħ baxxi.  Numru ta’ ħwat imħaffrin fil-ħajt ta’ nofs-in-nhar jindikaw li l-aħħar użu tal-għar kien xi forma ta’ stalla għall-annimali.  Hemm speċi ta’ toqba fis-saqaf fuq in-naħa tal-lvant tal-għar li l-użu tagħha għadu mhux magħruf.  Jista’ jkun li din kienet tintuża għal xi forma ta’ ventelezzjoni jew anke bħala ċumnija.

Tlett settijiet ta’ marki distinti tal-għodda jindikaw li dan l-għar tkabbar aktar minn darba.  Oriġinarjament l-għar kien ovali u kellu saqaf ittondjat (speċi ta’ “troll”) b’mod fin li l-marki tal-għodda bilkemm jidhru.  Tlett slaleb Latini jidhru mnaqqxin fuq in-naħat ta’ nofs-in-nhar, il-lvant u l-punent tas-saqaf.  Taħthom hemm faxx dekorattiv li jdawwar il-ħitan kollha. 

Fl-aħħar fażi ta’ użu ta’ dan l-għar il-ħitan tal-lvant u tal-punent tkomplew jitħaffru biex jitkabbru u l-kumpless issa ġie kif nafuh illum, bi speċi ta’ tlett apside, liema apside kienu diviżi waħda minn oħra b’ħitan baxxi tas-sejjieħ.  Il-ħajt ta’ nofs-in-nhar ukoll kompla jitħaffer ftit ieħor.  Il-marki li ħallew l-għodod biex tkompla jitħaffer dan l-għar mhumiex fini daqs dawk li juru t-tħaffir tal-ewwel parti tal-għar u għalhekk hija faċli biex wieħed jistabilixxi sa fejn it-tħaffir oriġinali waqaf.
 

itratt - Leslie Vella, mill-Internet - uzat bil-permess


Keith Buhagiar jispiċċa l-istudju tiegħu billi jgħid li l-istorja twila ta’ dan l-għar, il-lok fejn qiegħed, il-pjanta tiegħu kif ukoll it-tħaffir raffinat tal-parti bikrija tal-għar jissiġġerixxu b’mod qawwi li dan l-għar seta’ serva bħala knisja.  Hu jfakkar li knejjes trogloditici kienu għadhom jintużaw saħansitra almenu anke sal-1575 meta kien għamel iż-Żjara Appostolika il-monsinjur Dusina.

Il-knisja li hemm illum

Iżda fil-bidu ta’ l-1618 il-kavallieri bnew it-torri ta’ Santa Marija u ftit wara, fl-istess sena, xi raħħala reġgħu marru joqgħodu f’Kemmuna, għax ħassewhom protetti bit-torri li kien għadu kif inbena. Dawn mill-ewwel, reġgħu bnew il-knisja li għadna naraw sal-lum. Il-kappella kienet diġą teżisti qabel din id-data, għaliex f’mappa nawtika ta’ nofs is-seklu tlettax hemm indikata l-knisja f’Kemmuna, għalkemm mhux bilfors fl-istess post fejn ninsibu lil din tal-lum. Din il-mappa antika tinsab miżmuma fil-Mużew Marittimu ta’ Greenwich fl-Ingilterra.
 
Iżda nsibu ukoll li fl-1667 din il-kappella ġiet ipprofanata mill-isqof Bueno. Fl-1716 ir-raħħala li kienu jgħixu f’din il-gżira reġgħu irranġaw din il-knisja u  kabbruha, u ddedikawha lir-ritorn tas-Sagra Familja f’Nazareth mill-Eġittu, u reġgħu fetħuha għall-kult tal-publiku. F’dik l-istess sena l-isqof Cannaves reġa' ikkonsagraha mill-ġdid. Fi żmien aktar riċenti, monsinjur Mikiel Gonżi, meta kien Isqof t’Għawdex, kien iħobb imur jippriedka l-eżerċizzi tar-Randan hemmhekk.

L-għamla tal-knisja
 
Din il-kappella minn quddiem tidher li għandha saqaf ċatt, qisha xi razzett, iżda x’ħin tidħol fiha, issib li għandha saqaf ta’ stil neogotiku mibni fuq tlett ħnejjiet. Il-ġnub tagħha jingħaqdu f’linja li tibda minn ħdejn il-bieb ta’ barra u tispiċċa fl-apside. Dan l-apside mdawwar ukoll, jispiċċa b’ponta waħda fis-saqaf, eżatt f’tarf il-linja li semmejna. Minn ġewwa, il-knisja hija sempliċi ħafna, u ma għandiex tiżjin arkitettoniku.

Il-presbiterju u l-parti tal-altar huma maqtugħa mill-kumplament tal-kappella permezz ta’ grada tal-injam li tissejjaħ ‘iconostasis’. Din hija użanza Biżantina, li daħlet f’Malta meta ġew f’Malta xi qasssisin tar-rit Biżantin wara l-ħakma Għarbija f’Malta. Din hija l-unika knisja li għad għandha din il-grada għalkemm xi wħud, bħal dik tal-Lunzjata Ħal Millieri għadhom juru t-toqob fejn darba kien hemm l-iconostasis imwaħħla. Jingħad li din il-grada li naraw illum saret fl-aħħar tas-seklu dsatax jew fil-bidu tas-seklu għoxrin biex tieħu post oħra antika ta’ oriġini medjevali.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


F’din il-kappella hemm xi siggijiet fi gruppi ta’ tlieta tlieta.  Fuq barra, din il-knisja għandha zuntier żgħir tul il-faċċata tagħha kollu. Fil-faċċata fil-għoli insibu żewġt twieqi li qed jagħtu d-dawl ġewwa dan il-maqdes. Fin-naħa ta’ fuq tal-faċċata nsibu kampnar ħelu, bi tlett ħnejjiet, u fuq il-ħnejja tan-nofs hemm salib tal-ġebel. Dan it-tip ta’ kampnar tista' tgħid li hu uniku fil-forma tiegħu f'Malta.

Il-bieb tal-knisja mhuwiex faċċata tal-altar kif imdorrijien naraw f’ħafna mill-knejjes tagħna. Jiġifieri kif tidħol trid iddur fuq ix-xellug biex issib l-altar. Kif tidħol fil-knisja trid tinżel tlett tarġiet biex tiġi għall-livell tal-art.  Dan ukoll hu stil li jinsab fil-kappelli tal-epoka.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Leġġendi

Ma' dan it-tempju nsibu leġġenda ħelwa marbuta miegħu. Din il-leġġenda tgħid li ċertu eremita San Kurraw telaq minn għar fil-Mosta segwit minn xi nies Mostin jinsulentawħ. Hu qasam il-baħar fuq il-mantar tiegħu għal Kemmuna, fi trieqtu lejn il-Qala, Għawdex. Hemm sab eremita ieħor magħruf għall-qdusija tiegħu. Skont din il-leġġenda, dawn iż-żewġ eremiti kienu jżuru lil xulxin billi jaqsmu l-fliegu fuq il-mantar tagħhom.

Leġġenda oħra kienet tgħid li meta kien ikun il-maltemp u l-qassis ma kienx ikun jista' jmur  iqaqddes Kemmuna, in-nies t’hemmhekk kienu jinġabru fil-bajja ta’ Santa Marija biex jisimgħu l-quddiesa li kienet issir fil-knisja tal-Kunċizzjoni tal-Qala, imsejħa “ta’ fuq il-blat”. Din mhix dik ta’ San Kerrew, iżda oħra żgħira li tinsab fil-għoli fuq Ħondoq ir-Rummien, u li tiġi sewwasew faċċata ta' Kemmuna. 

Opri f’din il-knisja

It-titular huwa biċċa xogħol mill-isbaħ li juri lis-Sagra Familja tirritorna Nazaret mill-Eġittu. Fil-kwadru tidher il-Verġni Imbierka tidderiġi lit-tfajjel Ġesu’ minn idu, waqt li San Ġużepp jidher wara, maġenb il-ħmar li qed jiġi miġbud minn anġlu. Naraw ukoll anġli oħrajn li jidhru li qed josservaw kollox, u żewġt itfal iħarsu mistgħaġba. Dan huwa xogħol mil-isbaħ attrbwit lill-pittur Senglean Francesco Zahra jew inkella ta’ xi ħadd mill-iskola tiegħu. Dan il-kwadru ġie rrestawrat fl-1928 mill-kavallier. Vincenzo Bonello.
 

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil


Ta’ preġju wkoll huwa kalċi antik li hemm f’din il-kappella. Dan il-kalċi ġej minn żmien il-kavallieri. F’dan it-tempju hemm ukoll tlett statwi, waħda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesł, statwa oħra tal-Madonna, u statwa oħra ta’ San Ġużepp u t-tfajjel Ġesł.

Festi li jsiru f’din il-knisja

Il-festa titulari ta’ din il-knisja kienet tiġi ċċelebrata fis-7 ta’ Jannar, l-għada tal-Epifanija, iżda m’għadiex tiġi ċċelebrata. Minflokha, wara kienet  tiġi ċċelebrata l-festa tal-Qalb Mqaddsa ta’ Ġesł fl-24 ta’ Lulju. Imma maż-żmien anki din inqatgħet.

Fl-antik il-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesł  kienet tiġi ċċelebrata bil-kbir, u kien jinħaraq anki n-nar.  Dan baqa’ jseħħ biss sal-1949, meta saret traġedja kbira. Wieħed mill-murtali li kienu qegħdin jinħarqu dak inhar, ħa fl-art u ħalla liż-żagħżugħ Salvu Said mejjet. Minn dak inhar ‘l hawn, ma baqgħux isiru aktar festi ta’ barra f’din il-gżira ċkejkna.

Mis-sena 2015 bdiet issir il-festa ta’ Santa Marija, fil-weekend ta’ wara l-15 t’Awissu. Fis-snin 2015 u 2016 din il-festa ikkonsistiet minn quddiesa mqaddsa mill-Isqof t’Ghawdex monsinjur Mario Grech s-Sibt fil-għaxija.  Għal din l-okkażjoni kien hemm open day fit-Torri ta’ San Marija organizzata mill-NGO Din l-Art Ħelwa. Kien hemm ukoll attivitajiet soċjali fosthom ikel tradizzjonali Malti u banda minn Għawdex.
 

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil


Din il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba grazzi għan-nies tal-lokal. Hi tkun miftuha għall-quddies is-Sibt fil-għaxija fis-6pm u l-Ħadd fil-għodu fil-5.45am. Fis-sajf issir quddiesa oħra is-Sibt fis-7.15pm.
 
Kitba ta’ Joe Brincat.  (Il-kitba dwar Għar Ħamrija hija sintesi tal-istudju ta’ Keith Buhagiar dwar is-suġġett, kitba ta’ Noel Ciantar)
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Fr. Jonathan Farrugia u Leslie Vella.  Is-sur Vella ġentilment tana permess li nużaw ritratti mis-sit tiegħu  https://leslievella.wordpress.com/tag/ghar-il-hamrija/

a_Commino-KappellaSantaMarija
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
itratt - Leslie Vella, mill-Internet - uzat bil-permess
itratt - Leslie Vella, mill-Internet - uzat bil-permess
itratt - Leslie Vella, mill-Internet - uzat bil-permess
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr Jonathan Farrugia     Il-kwadru titulari
Ritratt - Caroline Busuttil

 

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017