KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-Kunċizzjoni tal-Blat
~ Qala - Għawdex ~

Hekk kif taqbeż is-santwarju antik u devot tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Qala u taqbad in-niżla lejn Ħondoq ir-Rummien, f’nofs it-triq fuq il-lemin tilmaħ daqsxejn ta' kappella timraħ fis-skiet fuq il-fliegu li jifred lil Għawdex minn Kemmuna li f’xi waqtiet ikun jgħaxxqek u kalm qisu ħġieġ, f’oħrajn iwaħħxek bil-qawwa tal-mewġ irid jibla' l-art u r-riħ ivenven ma' kullimkien. Kappella żgħira, b'faċċata sempliċi u umli, iżda kkurata u miżmuma tajjeb ħafna. L-orġini ta' din il-kappella, li s'issa kienu mistura, instabu riċentament f’manuskritt ta' ċertu valur storiku miżmum fl-Arkivju tal-Katidral tal-Imdina.

Il-parroċċa f’nofs is-seklu sbatax

Il-parroċċa li kienet tkopri l-Lvant ta' Għawdex, imwaqqfa mill-isqof Davide Cocco Palmieri fl-1688, kienet kibret ġmielha fin-numru ta' abitanti. Waqt li fl-1667 kien hemm joqgħodu fiha 327 ruħ, fl-1728 kien hemm 843, fl-1755 1,378, u fl-1781 kien hemm 1,927 ruħ. F'dak li għandu x'jaqsam ma' territorju, il-parroċċa kienet tkopri dawk li llum huma l-Qala, in-Nadur, Għajnsielem, l-Imġarr u Kemmuna. Fiha sa nofs is-seklu tmintax kien hemm erba' knejjes - il-knisja parrokkjali ta' San Pietru u San Pawl, il-knisja filjali tal-Immakulata Kunċizzjoni, dik ta' Santa Marija tal-Eġittu f’Kemmuna u ta' San Martin fit-torri Garzes tal-Imġarr. 

Il-parroċċa kienet ilha mmexxija mill-kappillan Dun Salvatore Galea (1712-1778) sa mill-1743 u dan ħadem ħafna f’diversi oqsma u nħawi ġeografiċi tal-parroċċa li kienet fdata fidejħ. Fosthom insibu li fil-parrokat tiegħu komplew isiru opri fil-kappella tal-Madonna tal-Eġittu fKemmuna, bdiet issir purċissjoni tal-Gandlora mill-knisja parrokkjali sal-knisja tal-Kunċizzjoni, inġab il-fdal ta' San Koronatu, u anke kompla jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali u materjali tal- parruċċani tiegħu. L-akbar opra fiżika li ħalla l-kappillan Galea kienet li ta bidu għal knisja parrokkjali ġdida minħabba li l-antika (li kienet inbniet wara t-twaqqif tal-parroċċa) kienet saret ċkejkna wisq.

Il-bidu tal-kappella tal-Blat

S'issa, it-tagħrif dwar il-kappella ċkejkna magħrufa bħala tal-Blat fil-Qala kien skars wisq. Kien hemm il-ħjiel li din inbniet x'imkien wara l-ewwel nofs tas-seklu tmintax. Diversi kittieba dan l-aħħar snin taw dati diverġenti dwar il-bidu tagħha.  Lawrenz Theuma jsemmi l-1780 waqt li Joseph Bezzina jagħti l-1770ijiet. In-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-ġenesi tal-kappella ta lok għal spekulazzjonijiet, bħal pereżempju li l-kappella nbniet frott ta' wegħda li saret mis-sajjieda.  Dan iżda baqa' biss spekulazzjoni għax id-dokumentazzjoni kienet nieqsa u l-istorja trid tinbena fuq evidenza konkreta u raġunata.  Marbuta ma' din il-kappella teżisti wkoll leġġenda li offriet tentattiv ta' spjegazzjoni dwar il-bidu tagħha.

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

Il-leġġenda marbuta ma’ din il-kappella

Il-leġġenda tirrakkonta kif il-Kemmunin kienu jiddependu għall-quddies ta' kuljum għal kollox minn qassis li ried jaqsam minn Għawdex. Iżda fi ġranet ta' maltemp, li wieħed jaqsam kienet tkun diffiċli jekk mhux impossibbli wkoll. Għalhekk il-Kemmunin qatgħuha li jibnu kappella ċkejkna fuq il-blat ta' fuq ir-riħ ta' Ħondoq ir-Rummien sabiex fi ġranet ta' maltemp qawwi, huma jkunu jistgħu jinġabru f’post msejjaħ Għar Għana u jsegwu l-quddiesa li ssir ġo din il-kappella ċkejkna. Leġġenda ħelwa u popolari li tixhed l-importanza tal-quddiesa ta' kuljum fil-ħajja tal-Għawdxin ta' żminijiet oħra. Iżda sakemm ma jkunx hemm bażi ta' kitba, il- leġġenda tibqa' biss leġġenda.

Il-kitba ta' Patri Pelaġju

Iżda manuskritt li nkiteb bejn l-1764 u l-1778 minn Kapuċċin minn Ħaż-Żebbuġ, Patri Pelaġju Mifsud Piscopo, joffri ftit informazzjoni interessanti dwar il-bidu tal-kappella tal-Blat. Dan huwa manuskritt ta' għoxrin paġna li jitratta kollu kemm hu fuq il-parroċċa tal-Lvant ta' Għawdex, li skont hu kienet iddedikata lil San Pietru u San Pawl flimkien mal-Immakulata Kunċizzjoni.  Dan id-dokument jinkludi fih tagħrif toponomastiku, ġeografiku, storiku u anke soċjali. Ma jonqosx li jidħol ukoll fuq il-knejjes li kien fiha.  Jidħol fid-dettall b'mod speċjali fuq il-knisja parrokkjali u dik tal-Kunċizzjoni b'dak kollu li kien fihom.   Proprju meta jasal biex itemm dak li kellu xi jgħid fuq il-knisja devota tal-Kunċizzjoni tal-Qala, idur biex fil- qosor jikteb dwar il-kappella tal-Blat.

Tagħrif ġdid fuq il-kappella tal-Blat

Patri Pelaġju jikteb kif teżisti 'cappellina' li ġiet mibnija fl-1760 fġieħ il-Verġni Mbierka fuq ir-riħ ta' Ħondoq ir- Rummien ('Chandaq i Rommien'). Jidher li kienet id-devozzjoni ta' ċertu wieħed jismu Michele Spiteri li wasslitu biex jibni minn flusu din il-kappella. Dan Michele Spiteri kien gabillott ('Gabelotto') minn Kemmuna. Mal-flus tiegħu kien hemm magħquda wkoll il-flus ta' ieħor jismu Andrea Spiteri, possibilment qaribu. Inċidentalment, l-1760 hija wkoll is-sena li fiha l-kappillan Galea poġġa l-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali l- ġdida tal-parroċċa ta' San Pietru u San Pawl, f’liema parroċċa nbniet il-kappella tal-Blat.

Imma għaliex inbniet din il-kappella f’dan il-post? Għaliex ġiet iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni wkoll bħall-oħra li kien hemm ftit 'il fuq minnha? Għaliex issejħet dejjem 'tal -Blat'? Dawn huma kurżitajiet li jistgħu jiġu mtoffija minn din il-kitba ta' Patri Pelaġju. Dan jikteb li qabel ma nbniet il-kappella li hemm illum, fl-1751 ċertu wieħed jismu Andrea Portelli mir-Rabat ta' Għawdex, frott ta' devozzjoni li kellu, ħallas minn butu għal statwa tal-Kunċizzjoni, diġÓ msejħa 'tal-Blat' sa minn dan iż-żmien. Hemm imniżżel li l-istatwa kienet magħmula mill-ġebel jew blat, u jista' jagħti l-każ li għalhekkk issejħet 'Madonna tal-Blat' għaliex proprju nafu li l-istatwa kienet magħmula mill-ġebel ('statua dipietra nostrale').  Mela l-indikazzjoni hija li t-titlu 'Madonna tal-Blat' kien diġÓ jeżisti minn qabel ma nbniet il-kappella, u kien attribwit lill-istatwa li telgħet fl-1751. Il-laqam tal-Blat għal din il- kappella mela mhux ġej mill-fatt li mibnija fuq il-blat, imma minħabba li din l-istatwa li kien hemm qabel kienet tissejjaħ 'tal-Blat'. Għaliex Portelli ddeċieda li jagħmel din l-istatwa f’dan il-post għadu misteru.

L-istatwa tal-Madonna tal-Blat

L-istatwa saret minn idejn Giovanni Caruana. Dan Giovanni Caruana ftit li xejn hemm informazzjoni dwaru.  Ir-Rabtin ta' Malta jiddikjaraw li sa fejn nafu s'issa, l -unika xogħol li nafu bih li ħareġ minn idejn dan l-iskultur hija l-istatwa titulari ta' San Pawl tar-Rabat li saret lejn l-1770.  Imma issa, skont ix-xhieda ta' Patri Pelaġju, nafu wkoll li dan l-iskultur ħadem ukoll l-Immakulata Kunċizzjoni magħrufa bħala 'tal-Blat' fl-1751. Din l-istatwa tissemma' fil-viżti pastorali ta' wara.

Fl-ewwel viżta pastorali li qatt saret lil din il-kappella mill-kappillan Dun Francesco Sapiano (1736-1812), iddelegat mill-Isqof, il-kappillan ordna li l-istatwa tal-Kunċizzjoni li ħadem Caruana ma tibqax hemm, imma tittieħed f’post aktar sikur.

Fl-10 ta' Mejju 1783 kien l-isqof Mons. Vincenzo Labini (1735-1807) stess li niżel f’din il-kappella u fil-viżta pastorali hemm konferma ċara li din l-istatwa ta' Caruana kienet tal-ġebel ('statuam lapideam'). Dak in-nhar, l- isqof Labini innota li l-kappella kien fiha pittura titulari u li l-istatwa tal-Kunċizzjoni kienet għadha hemm. Dan ordna li din tittella' fuq il-faċċata tal-kappella. Wara li żarha, l-Isqof, bis-salib quddiemu tela' lura lejn id-dar parrokkjali fin-Nadur biex jgħaddi l-lejl ħalli mbagħad l-għada jkompli bil-viżta tiegħu fil-knisja parrokkjali.  Fil- fatt, l-istatwa kellha ddum hemm mhux ħażin.

Kien imbagħad fl-1887, meta l-kappillan tal-Qala Dun Giuseppe Diacono (1847-1924) temm il-proġett ta' rinovar tal-knisja tal-Kunċizzjoni, li l-istatwa oriġinali tal-Madonna tal-Blat ġiet trasferita f’niċċa mibnija fil-faċċata tas-Santwarju fejn għadha hemm sal-lum.  Hija statwa ta' ċertu valur, li issa nstab aktar tagħrif dwar min ħallasha, min ħadimha u meta saret.

Sant'Indrija fuq il-ventartal

L-ismijiet li semmejna ta' Andrea Spiteri li ħallas parti mill-ispejjeż tal-bini tal-kappella fl-1760 u Andrea Portelli li ħallas għall-istatwa fl-1751 jistgħu joffru wkoll materjal għal-iktar profonditÓ fdin il-ġrajja. Huwa maħsub s'issa li l-ventartal li kien jinsab fil-kappella tal-Blat u li llum ġie restawrat u ttieħed fil-knisja parrokkjali tal-Qala, u li kien fih ix-xbieha ta' Sant'Andrija fuqu, kien kollu kemm hu marbut mas-sajjieda. Dan għaliex Sant'Andrija huwa popolarment marbut mas-sajjieda u jekk wieħed iħares per eżempju lejn ix-Xlendi, it-Triq tal-Għajn u Għajnsielem, dan huwa l-każ.  Iżda fil-Qala u fin-Nadur (li fih kien hemm il-knisja parrokkjali), ma jidhirx li dan kien il-każ. Anzi nafu li f’dawn iż-żewġ reġjuni, il-protettur invokat mil-baħħara kien San Franġisk ta' Paola, wara li leġġenda tgħid li dan kien qasam fuq mantar mill-Italja għal Sqallija. Fil-fatt, fil-knisja parrokkjali ta' San Pietru u San Pawl fin-Nadur minn dejjem kien hemm altar iddedikat lilu, u għal pittura waħda, kien hemm tnejn tiegħu, waqt li l-festa tiegħu nhar it-2 ta' April kellha ċerta importanza fost il-poplu u kienet issir b'solennitÓ.


Ritratt - Caroline Busuttil

 

Mela kif seta' Sant'Andrija sab ruħu fuq il-ventartal tal-kappella tal-Madonna tal-Blat? Possibilment, dan minħabba jew Andrea Portelli li ħallas l-istatwa jew Andrea Spiteri li ħallas parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-bini tal-kappella. Seta' wieħed minnhom għamel xbieha tal-qaddis li jġib ismu fuq il-ventartal?  Hemm allura l-probabilitÓ li Sant'Andrija mhux minħabba r-rabta tas-sajjieda li għamlu xi wiegħda li sab ruħu hemm, imma frott isem min ħallsu, li jista' jkun sajjied hu wkoll, u għax nafu wkoll li dan kien diġÓ hemm sal-1781 (dsatax-il sena wara l-bini tal-kappella) meta saret il-viżta pastorali mill-kappillan Sapiano. 

L-ewwel snin tal-kappella

Il-manusrkitt ta' Patri Pelaġju nkiteb biss ftit snin wara l-bini ta' din il-kappella u jagħtina tagħrif siewi dwar l-istat tagħha. Il-kappella ('chiesina') ġibdet ċerta devozzjoni lejha min-nies tal-inħawi. Fit-22 ta' Novembru tal-1768, li kien is-Sibt, il-Provigarju Cauchi li kellu l-fakultÓ mogħtija mill-Isqof ta' Malta Mons. Bartolome Rull (1691-1761), bierek lill-ġemgħa taħt it-titlu tal-Madonna tal-Blat. L-għada, li kien l-ewwel Ħadd tal-Avvent, dan qaddes fl-istess kappella.  Għall-festa tal-Madonna tal-Blat, Andrea Portelli amar li jkun hemm tliet snin perpetwi (flimkien mas-sitta ta' qabel) ta' mixgħela ta' lampa, u dan kollu sar b'att uffiċċjali. F'dawn l -ewwel snin tagħha, sa fejn iwassal dan id-dokument, Patri Pelaġju jikteb li din il-kappella kienet meqjuma, ikkurata u frekwentata minn diversi abitanti tal-madwar.  L-abitanti ta' dawk l-inħawi ħadu ħsieb ukoll li jkun hemm lampa mixgħula kontinwament f’din il-kappella.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Din hi waħda mill-iktar kappella sempliċi li nsibu fil-gżejjer tagħna. Għandha forma ta’ kaxxa b’zewg pilastri wieħed fuq kull naħa. Il-bieb hu mdawwar bi gwarniċa sempliċi u fuqu nsibu niċċa bl-istatwa tal-Madonna Sultana tal-Baħar (Stella Maris). Din l-istatwa saret mill-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi u tbierket fil-31 ta’ Mejju tal-1978. Il-kappella hi mdawra b’zuntier mdaqqas li minnu hemm veduta sabiħa ħafna ta’ Ħondoq ir-Rummien b’Kemmuna quddiemek.

Il-bieb għandu żewġ twieqi żgħar li jippermettulek li tara l-kappella minn ġewwa anki meta tkun magħluqa – ir-ritratti minn ġewwa li qed taraw f’din il-paġna ttieħdu propju minn dawn it-twieqi fil-bieb. Jidhru ukoll xi mwieżeb tal-ilma fil-ġenb tagħha.

 

Ritratt - Noel Ciantar


Minn ġewwa l-kappella hi sempliċi ħafna. Għandha altar wieħed tal-ġebel li hu qadim ħafna. Dan kien inġieb mill-kappella l-oħra tal-Kunċizzjoni ftit aktar ‘l fuq minnha meta din tal-aħħar kien sarilha altar tal-irħam.

Il-kwadru titulari li hu taż-żejt juri lil Immakulata Kunċizzjoni tisħaq ras is-serp. Din il-pittura saret fis-seklu tmintax minn Rokku Buhagiar u tistrieħ f’arzella sempliċi tal-injam.

Il-kappella għandha saqaf troll li jserraħ fuq tlett arkati. Il-kappella tieħu d-dawl minn tieqa mdaqqsa li hemm fil-ġenb tal-knisja li ddawwalha sew. Il-kappella tidher attrezzata sew u fiha sett kwadri tal-Via Sagra, ambone tal-injam u artal f’forma ta’ mejda bi stil post-Konċiljari. Dawn tal-aħħar kif ukoll xi fans imwaħħlin mal-ħajt huma xhiedha li juru li din il-knisja għadha tintuża regolarment. Hemm ukoll żewġ statwi f’niċeċ fuq iż-żewġ ġnub tal-knisja. Dawn l-istatwi juru lil San Ġużepp u lill-Kunċizzjoni.  Hemm ukoll statwa żgħira oħra li turi l-Ecce Homo f’niċċa żgħira f’rokna bejn żewġ kwadri tal-Via Sacra.

Riċentement żdidet kamra oħra żgħira mal-kappella li sservi bħala sagristija.

Il-kappella llum

Il-kappella tal-Madonna tal-Blat illum il-ġurnata hija miżmuma fi stat tajjeb ħafna u għadu jsir użu frekwenti minnha, kif ukoll tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Blat nhar it-tieni Ħadd ta' Mejju.

Nota EditorjaliDan artiklu deher għall-ewwel darba fil-ħarġa tal-festa ta’ Leħen il-Qala, tal-2015.  Użat bil-permess tal-awtur.

Kitba ta’ Daniel Meilak
Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttil, Reyden Mizzi u Carmelo Zammit Pulo

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Noel Ciantar - Kuncizzjoni tal-Blat fuq is-Santwarju tal-Qala

Il-Kunċizzjoni "Tal-Blat", f'niċċa fil-faċċata
tas-Santwarju tal-Kunċizzjoni tal-Qala.

Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Qala-Kuncizzjoni Tal-Blat-C Zammit Pulo
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017