KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja ta’ San Niklaw
~ Ħaż-Żabbar ~

Kappella oħra li nsibu bejn Ħaż-Żabbar u Marsascala hija dik iddedikata lil San Nikola li tinsab fl-inħawi taż-Żonqor. Din il-kappella tidher sew fuq ix-xellug inti u nieżel minn Ħaż-Żabbar għal Wied il-Għajn (Marsascala). Tinsab f’nofs kampanja sabiħa u hija mdawra minn arja friska li ssaħħrek. Għalkemm tinsab fil-limiti ta’ Wied il-Għajn, baqgħet taqa’ taħt il-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, peress li qabel ma’ Wied il-Għajn sar parroċċa fl-1949, hi kienet fil-limiti ta’ Ħaż-Żabbar.

Devozzjoni qadima lejn San Nikola

Id-devozzjoni lejn dan il-qaddis ta’ Lvant daħlet kmieni fil-gżejjer Maltin, u dan peress li fiż-żminijiet tan-nofs bikri Malta kienet taħt Kostantinopli fi Lvant. Tant hu hekk, li barra dan il-qaddis hemm qaddisin oħra tal-Lvant, bħal Santa Katarina u San Ġorġ li għalihom uħud mill-parroċċi qodma ta’ Malta huma ddedikati. Fil-punent ta’ Malta, is-Siġġiewi, li flimkien maż-Żejtun (Santa Katarina) u Ħal Qormi (San Ġorġ) u xi oħrajn, kien digà parroċċa fl-1436, kien dedikat lil San Nikola. Fil-qedem id-devozzjoni lejn San Nikola kienet imxerrda ħafna, tant li wara d-devozzjoni lejn il-Verġni Marija, kienet l-aktar waħda popolari.

Bosta kienu l-kappelli żgħar Maltin iddedikati lil dan il-qaddis. Min-naħa tagħna nistgħu nsemmu oħra, dik li tinsab bejn iż-Żejtun u Marsaxlokk, fit-triq li tagħti għal Delimara. Dan jurina li l-qima lejn San Nikola kienet mifruxa sewwa wkoll fin-nofs in-nhar ta’ Malta. L-istess fl-Ewropa. Fl-Ingilterra biss aktar minn 400 kappella kienu dedikati lilu!

Oriġini

Ma nafux is-sena eżatta meta ġiet mibnija f’Żonqor l-ewwel kappella ddedikata lil San Nikola, iżda l-qedem tagħha hu ppruvat mid-dokumenti antiki li jirreferu għaliha. Żonqor diġà jissemma fil-lista tal-irġiel Maltin li kienu jservu fid-Dejma fl-1417: il-guardia zungul.  Veru li l-kelma “żonqor” tfisser blat iebes ħafna; tant hu hekk, li minn din il-parti ta’ Wied il-Għajn kienu jaqtgħu l-blat għad-dħin tal-qamħ, iżda jista’ jkun ukoll li dan il-post jissejjaħ hekk mill-isem jew laqam ta’ xi ħadd.

 

Ritratt - Noel Ciantar


Imbagħad riferenzi f’dokumenti antiki għall-kappella għandna aktar minn waħda. Hekk fl-1504 niltaqgħu ma’ “chabel ta sanniculau, clausura in contrata czuncul”, [ħabel ta’ San Niklaw, biċċa art fi-inħawi ta’ Żonqor]. “Ħabel” hu kejl ta’ għelieqi. Din ir-riferenza tidher f’att notarili tan-nutar C. Canchur.  Fl-1536 niltaqgħu ma’ “contrata sancti nicolal ta czuncol” f’att tan-nutar Brandan De Caxario. Fl-1538 niltaqgħu ma’ “contrata sancti nicolal ta Zoncol ta geuenie” (tan-naħa ta’ ġewwa), f’att tan-nutar Brandan De Caxario ukoll.  Dawn id-dokumenti qodma huma biżejjed biex jippruvaw li f’Żonqor kienet diġà teżisti kappella ddedikata lil San Nikola fl-ewwel snin tas-seklu sittax, jekk mhux qabel ukoll, jiġifieri qabel sewwa mill-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta.

Fl-1575, bħal ħafna knejjes rurali oħrajn, din il-knisja żarha il-Visitatur Appostoliku il-monsinjur Pietro Dusina. Hu jsemmi li qiegħda fil-"contrata de Zungul" fil-parroċċa ta’ Santa Katerina (jiġifieri ż-Żejtun). Hu sab li kellha altar iżda la kellha bieb tal-injam, la rettur, la dħul u lanqas tiżjin. Il-kappella kienet mibnija fuq art ta’ ċertu Salvu Burḷ, li kien jiċċelebra l-festa bil-vespri u b’quddiesa. Dan Salvu Burḷ ġie ordnat mill-monsinjur Dusina biex iwaħħal bieb tal-injam fi żmien xahar taħt piena ta’ 10 skudi. Sakemm jagħmel il-bieb, Burḷ kellu jaqdi l-obbligi li kellu fil-knisja parrokkjali li kien jaqa’ taħtha.

Din il-knisja antika donnha kienet iddestinata li ma jkollhiex min jieħu ħsiebha sewwa u li ma tintużax regolarment. Dan peress li kienet ġiet ipprofonata nhar il-25 ta' Marzu tal-1659 mill-isqof Balaguer Camarasa u reġgħet messitha l-istess xorti seba' snin wara (1666) mill-isqof Lorenzo Astiria. Wara, għamlet xi żmien tiffunzjona u kien hemm l-obbligu li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata bl-għasar u quddiesa. Il-knisja reġgħet ġiet ipprofanata mill-isqof Michaele Molina fil-25 ta’ Marzu tal-1679.

Bħal ħafna knejjes oħrajn, din il-kappella ġarbet ħsarat fit-tieni gwerra dinjija. It-tiswijiet sarulha f’Novemberu tal-1945.

Kwadru u statwa ta’ San Nikola

Kif għidna, din il-kappella qadima tant sofriet ħsara matul is-snin li l-isqof Balaguer Camarasa ħass il-htieġa fl-1659 li jalaqha u ma jħallihiex tintuża aktar għall-quddies. Kurżità kbira teżisti dwar kwadru ta’ San Nikola li jinsab fil-mużew ta’ Ħaż-Żabbar. Dan il-kwadru hu attribwit lil Mattia Preti. Jekk hu veru li hu tiegħu, allura dan il-kwadru ma kienx jinsab fl-ewwel kappella magħluqa mill-isqof fl-1659, għaliex il-pittur Mattia Preti wasal Malta fl-1662, fi żmien il-Gran Mastru Rafel Cottoner. Ta’ min iżid hawn li dan il-pittur ħadem ħafna f’Malta fi żmien Gran Mastru li kien jismu Nikola - Nikola Cottoner. ll-kwadru attribwit lil Mattia Preti hu tassew kwadru sabiħ u mpitter b’dik il-forza qawwija li spiss nassoċċjawha ma’ Mattia Preti. San Nikola, liebes ta’ Isqof, iħares dritt lejn l-ispettatur, filwaqt li b’sebgħu wieħed ta’ idu l-leminija jindika li hemm Alla wieħed, u f’idu x-xellugija jżomm il-baklu ta’ Isqof.

Il-kwadru li naraw illum fil-kappella hu kopja minn fuq l-oriġinal li kien jinsab qabel fil-kappella u kien tneħħa minn hemm biex jevitaw li jinsteraq. Dan il-kwadru oriġinali tpoġġa fil-mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar.  Din il-pittura ġiet irrestawrata ferm tajjeb f’Novembru 2008 minn Sabine Azzopardi B.Cons. (Hons.) . Is-sur Michael Mifsud, li qiegħed jieħu ħsieb il-kappella, pinġa l-pittura li hemm fil-kappella llum fuq kopja tal-oriġinal.

L-irħama li tinsab fuq il-bieb minn ġewwa tfakkar il-bini u l-konsagrazzjoni tal-kappella fi żmien l-isqof Bartolomeo Rull. Prominenti mnaqqxa fil-ġebel fil-frontispizju fuq il-bieb prinċipali minn naħa ta’ barra hemm l-arma tal-istess isqof Rull, iddekorata bil-kappell episkopali u s-sitt iġmiemen fuq kull naħa kif insibu fl-armi tal-isqfijiet. Din l-arma turi wkoll l-arma tal-Gran Mastru Pinto, peress li l-isqof Rull kien ukoll membru tal-Ordni ta’ San Ġwann fi żmien il-Gran Mastru Pinto u kien jokkupa l-kariga ta’ Prijur fl-Ordni.

 

Ritratt - Noel Ciantar



Ritratt - Caroline Busuttil   lżda statwa ċkejkna tal-injam ta’ San Nikola, li wkoll ilium tinsab fil-Mużew Parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar, ġiet mill-kappella l-qadima, għaliex sakemm tlestiet il-kappella ġdida f’Żonqor, din l-istatwa żgħira tpoġġiet fuq l-altar tal-Madonna tal-Katina fil-knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar, fejn baqgħet kull sena ssir il-festa ta’ San Nikola. Din l-istatwa ittieħdet lura f’Żonqor meta nbniet hemm kappella ġdida. Meta l-altar tal-Madonna tal-Katina inbidel f’dak tal-Karmnu, Francesco Zahra ħejja kwadru ġdid u fiħ ġie ukoll imfakkar San Nikola. Wara, l-istatwa mill-ġdid sabet ruħha f’Ħaż-Żabbar. Illum fil-kappella naraw statwa mlibbsa  ta’ Isqof b’ilbies tad-drapp.

Kien nhar l-10 ta’ Luiju, 1759, eżattament mitt sena wara l-għeluq tal-ewwel kappella f’Żonqor, li monsinjur Giovanni Maria Azzopardi Castelletti, fi żmien l-isqof Bartilmew Rull, bierek u qiegħed l-ewwel ġebla tal-kappella l-ġdida, li għadna naraw illum. Din il-kappella, li ġieli tissejjaħ “Tas-Subriċint”, ġiet mibnija minn Giovanni Battista Azzopardi Barbara. Kitba twila bil-Latin fuq irħama, imqegħda fuq il-bieb ta’ barra min-naħa ta’ ġewwa, tagħtina dan it-tagħrif. Skont lapida oħra li qiegħda fuq in-naħa ta’ barra, il-kappella ġiet imbierka fl-1762. Allura ħadet tliet snin biex inbniet.


Il-kitba, bil-Latin (u t-traduzzjoni għall-Malti), tgħid hekk:

IN THAUMATURGI MYRAE ARCHIEPISCOPI D. NICOLAI HONOREM
HANC SACRAM AEDEM DEO DICTAM, UNA CUM EJUS SACRARIO
ABS FUNDAMENTIS EXCITARI AERE PROPRIO CURAVIT
ADSIGNATA EIDEM DOTE PERPETUA
J.U.D. DOMINICUS JOHANNES BAPTISTA AZOPARDI BARBARA
PRAEDII CONTINENTIS DOMINUS
OBSEQUENS PIAE VOLUNTATI JOHANNIS FRACISCI PATRIS SUI
ORETENUS QUUM VIVERET SIBI CONLATAE
ANNUENTE ILL. ET RMO D.F. BARTOLOMAEO RULL
DIGNISSIMO HUJUS DIOECESIS ANTISTITE
DE SE SUISQUE BENEMERENTE
JACTO PRIMO HUJUS AEDIFICII LAPIDE, AC RITE BENEDICTO
AB D. JOHANNE MARIA AZOPARDI CASTELLETTI FILIO SUO
CANONICO CAPITULARI PRINCIPIS AECCLESIAE MELITENSIS
ET PRAELAUDATI AECCLESIARCHAE VICARIO GENERALI
VI.ID JULIAS A.P S. M DCCLIX
 

Ritratt - Noel Ciantar

GĦALL- UNUR TA’ T-TAWMATURGU KBIR L-ARĊISQOF NIKOLA
DIN L-IMQADDSA DAR KONSAGRATA L’ ALLA, WAĦIDA MAL-OĠĠETTI SAGRI TAGĦHA
ĦA ĦSIEB TAL-PEDAMENTI MTELLA’ U TA’ MADWARHA
MAĦTURA B’ ĦAKMA DEJJIEMA
J.U.D. ĠIOVANNI BATTISTA AZZOPARDI BARBARA
LI XTARA L-ARTIJIET TAS-SINJUR
BIEX IWETTAQ IT-TJUBIJA TA’ ĠANFRANĠISK MISSIERU
L-ART LI GĦEX FIHA BI ĦLAS FIS-SENA
L-ILLUST. Eċċ. REVERENDISSMU SINJUR FRA BARTILMEW RULL
BIX-XIERAQ ISQOF TA’ DIN ID-DJOĊESI
FI |MIEN L-EPISKOPAT TIEGĦU
POĠĠA L-EWWEL ĠEBLA TA’ DAN IL-BINI B’RIT IMQADDES
MIS-SINJUR ĠANMARI AZOPARDI CASTELLETTI IBEN TIEGĦU
KANONKU KAPITULARI TAL-KATIDRAL TA’ MALTA
U VIGARJU ĠENERALI TAL-KATIDRAL EWLIENI
6 TA’ LULJU 1759
 

Il-kappella għandha paviment magħmul mill-ġebla tal-franka ta’ Malta u ddisinjat b’mod tassew artistiku u oriġinali. Mibnija fuq stil barokk, l-istil tant popolari fil-gżejjer Maltin fi żmien il-Kavallieri, il-kappella hi mżejna b’koppla pjuttost baxxa u bil-lanterna. Kemm il-faċċata, kif ukoll il-ġnub tal-kappella huma mżejnin b’numru ta’ pilastri, filwaqt li l-faċċata tispiċċa b’pediment trijangulari. Il-kappella għandha pjanta ċentralizzata. Fjammi tal-ġebel iżejnu l-irkejjen fuq in-naħa ta’ fuq minn barra.

Il-kappella tal-lum

Għal xi żmien, il-membri tal-M.U.S.E.U.M. ta’ Ħaż-Żabbar kienu jużawha għall-irtiri tagħhom.

Il-kappella ġeneralment tkun miftuħa kull nhar ta’ Gimgħa fil-għaxija għar-Rużarju u kull l-aħħar ġimgħa tax-xahar issir l-adorazzjoni. Issir ukoll quddiesa kull l-ewwel ġimgħa tax-xahar.
 

Kitba tal-kanonku Joe Abela.  Ħajr lis-sur Ġużeppi Theuma għaż-żieda ta’ xi dettalji fl-informazzjoni dwar din il-kappella.  Ħajr ukoll lis-sur Michael Mifsud li jieħu ħsieb din il-kappella tal-informazzjoni li għaddielna.
Ritratti ta’ Guzeppi Theuma, Caroline Busuttil u Noel Ciantar.
Pittura ta’ Guzeppi Theuma.

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017