KappelliMaltinTitleBanner
Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

St Nicholas Icon

San Nikola ta’ Bari
Isqof ta’ Myra

F'Malta hawn għaxar kappelli ddedikati lil San Nikola barra l-parroċċa majjestuża tas-Siġġiewi, fejn il-qaddis hu wkoll il-patrun tar-raħal. F'Għawdex ma teżisti l-ebda kappella ddedikata lil dan il-qaddis. Min kien dan San Nikola u għaliex f'Malta hawn devozzjoni daqshekk kbira lejn dan il-qaddis ?

Il-ħajja ta' San Nikola

San Nikola twieled fit-tielet seklu wara Kristu, madwar is-sena 270, fil-villaġġ ta' Patara, fl-Ażja Minuri u għex f'Myra fil-Lycia.  Missieru u ommu (Ġovanna u Epifanju f'ċerti sorsi jew Theophanes u Nonna f'oħrajn) kienu sinjuri iżda mietu f'epidemija meta Nikola, l-uniku wild tagħhom, kien għadu żgħir.  Għalhekk mar jgħix ma' zijjuħ, li kien l-Isqof ta' Patara fejn kompla jikber fil-qdusija.

Dan iz-ziju ta' Nikola kien Abbati ta' monasteru f'Myra.  Għalhekk, meta Nikola ingħażel biex isir hu Isqof ta' Myra minħabba l-qdusija tiegħu minkejja li ma kienx ordnat, wisq probabbli li zijjuħ ordnaħ bħala Djaknu u mbagħad bħala Presbiteru qabel ma sar isqof.  Iżda hu maħsub li Nikola qatt ma serva la bħala  Djaknu u lanqas bħala Presbiteru.  Il-fatt li Nikola inħatar Isqof mingħajr ma kien attwalment saċerdot hija xi ħaġa rari imma possibbli u dan id-dettall jista' jindika li Nikola kien persuna li storikament eżista u mhux hi invenzjoni twajba.  Bħala Isqof ta' Myra, Nikola ta l-ġid kollu li kellu lill-fqar u ddedika lilu n-nifsu biex jgħin li batut u jaħdem kontra l-inġustizzji. 

Madwar is-sena 300 wara Kristu, għalhekk insibu lill-Nikola bħala Isqof ta' Myra.  Dan kien żmien l-Imperatur Dijoklezjanu, jiġifieri żmien meta l-Insara kienu qed jiġu ippersegwitati fl-Imperu Ruman.  Nikola sofra wkoll il-ħabs u l-eżilju f'dan il-perjodu.  Wara r-rebħa ta' Kostantinu fuq Maxentius u bil-promulgazzjoni tal-Editt ta' Milan fl-313 WK, il-Kristjaneżmu sar ir-reliġjon tal-Imperu.  Ftit wara, fis-sena 325 WK, il-Knisja sejħet l-ewwel Konċilju f'Niċea biex tiddefinixxi t-twemmin tagħha fid-dawl ta' teoriji eretiċi li kienu qed ifeġġu.  Jingħad,għalkemm mhux ippruvat, li Nikola l-Isqof ta' Myra kien magħhom, jiddefendi t-tagħlim tal-Knisja kontra l-Arjanniżmu.  Nikola kien wieħed mill-isqfijiet li ffirmaw dak li llum insejħulu “Il-Kredu (ta' Niċea)”, jiġifieri l-istqarrija tat-tagħlim Nisrani uffiċjali.  Għalkemm isem Nikola ma jidhirx fuq kull lista ta' min ħa sehem f'dan il-Konċilju, ismu jidher f'almenu 6 listi kopji inkluża l-eqdem waħda fil-verżjoni bil-Grieg.  Dubju jekk attendiex tassew f'dan il-Konċilju ta’ Niċea jeżistu għax il-listi li jissemma' fihom huma kopji tal-oriġinali u mhux l-oriġinali nfushom.  Iżda l-indikazzjonijiet qawwija huma li Nikola kien persunaġġ storiku li għex tassew u li attenda wkoll dan il-Konċilju ta' Niċea li ddefinixxa għall-ewwel darba it-tagħlim bażiku tal-fidi Nisranija.

Nikola, l-Isqof ta' Myra, miet fis-6 ta' Diċembru tas-sena 343 WK u ndifen fil-Katidral ta' Myra. Xi sorsi oħrajn jagħtu s-sena tal-mewt tiegħu bħala 345 WK jew anke 352 WK.   Il-fama tal-qdusija tiegħu kibret tant li l-qabar tiegħu sar ċentru ta' pellegrinaġġ.  L-ewwel referenzi għal dan il-qaddis insibuhom fis-sitt seklu wara Kristu, jiġifieri madwar 250 sena wara mewtu.  Kitba ta' ħabib qrib ta' ċertu Nikola ta' Sion, li kien Abbati ta' monasteru fil-muntanji qrib Myra u li għex fis-sitt seklu wara Kristu,  jgħid li dan Nikola ta' Sion “mar Myra biex jinvista l-qabar tal-Kbir San Nikola”.  Dan jindika wkoll li dan il-qaddis kien diġą meqjum bħala qaddis f'dan iż-żmien.  Kitbiet antiki li jsemmu lil dan il-qaddis jinkludu dawk ta' Mikiel l-Arċimandrita, manuskritti Etjopjani u mis-Sinai, id-Decretum ta' Gratianus, kitbiet ta' Eustratios ta' Kostantinopli fl-583WK u l-Passionarium Romanum tas-650WK fost oħrajn.

Wara mewtu

Wara mewtu, Nikola beda jiġi meqjum bħala qaddis li bl-interċessjoni tiegħu iseħħu l-mirakli kbar.  Sustanza likwida, imsejħa “manna”, trabbiet fil-qabar tiegħu u jingħad li kella l-qawwa li tfejjaq mill-mard.  San Nikola kien sar qaddis importanti fil-knisja tal-Orjent.  Prinċep Russu, Vladimir I, tgħammed fis-sena 987 WK u ħa l-fidi Nisranija u mal-fidi, ħa wkoll il-kult ta' San Nikola lejn ir-Russia, fil-parti fejn illum insibu l-Belorussja, l-Ukrajna u parti mir-Russja.

Fl-1071, l-Imperatur Biżantin Romanus IV tilef il-kontroll tal-Ażja Minuri lit-Torok.  Filwaqt li 10 snin wara, jiġifieri fl-1081, it-territorju mitluf reġa' ntrebaħ mill-Biżantini, għall-bidu Myra kienet għadha taħt it-Torok.  Fil-konfużjoni li kien hemm, grupp ta' baħrin minn Bari, fl-Itaja, organizzaw spedizzjoni biex isibu l-fdalijet tal-qaddis, jeħduhom lura f'pajjiżhom u joħholqu ċentru ta' pellegrinaġġ u b'hekk ikunu ħolqu skop ġdid ta' kummerċ fil-belt tagħhom.  Dan wettquh b'suċċess u ħatfu l-għadam tal-qaddis mill-qabar fil-katidral fejn kien midfun u ħaduhom lejn Bari.   Id-dettalji tal-istorja, bħalma ngħidu aħna, jekk kienux tassew baħħara devoti li serqu r-relikwi jew inkella kienux ħallelin qed ifittxu jisirqu xi relikwa, ivarjaw u ma nafux eżatt x'inhuma. Iżda żgur nafu li l-fdalijiet ta' San Nikola sabu ruħhom ġo Bari fl-Italja.  Bnew Bażilika ddedikata lill-qaddis u kif ħasbu, il-post sar ċentru ta' pellegrinaġġi u devozzjoni.  L-investiment li kien sar fi spedizzjoni riskjuża jidher li kien irnexxa.

Iżda mhux l-għadam kollu kien ittieħed Bari u dawk li ma' ħadux il-baħħara ta' Bari, ħaduhom il-baħħara Venezjani waqt l-ewwel Kruċjata u baqgħu sejrin bihom ġo Venezja fejn inbniet knisja iddedikata lill-qaddis fuq il-famuż Lido.  Li dawn iż-żewġ settijiet ta' għadam ġew minn persuna waħda kien ġie ppruvat xjentifikament xi ftit snin ilu.

Mirakli u Leġġendi

Jeżistu għadd ta' leġġendi u mirakli dwar San Nikola, kemm dawk li għamel f'ħajtu kif ukoll oħrajn li seħħew wara mewtu.  Ħafna minnhom, bħal f'każi ta' qaddisin oħrajn, waslu għandna permezz tal-Legenda Aurea ta' Jacobus de Voragine.

Fra Angelico - Il-hajja ta' San Nikola - It-twelid, il-Vokazzjoni u l-istorja tat-tlett xebbiet.


L-ewwel storja li nafu biha dwar San Nikola taslilna mir-raba' seklu wara Kristu, meta l-Isqof Nikola kien għadu ħaj sewwa sew fi żmien l-Imperatur Kostantinu.  Kien hemm xi rvellijiet fil-Phrygia u xi suldati ntbagħtu biex jirrestawraw l-ordni.  Xi suldati marru Myra biex jixtru l-ħonż.  Xi nies makakki libsu ta' suldati u bdew jisirqu.  In-nies tal-belt ħasbu li kienu s-suldati li qed jagħmlu hekk u qabdu tlett suldati u tawhom lill-Ġenerali tagħhom għall-ħaqq.  L-Isqof Nikola sar jaf b'dan l-ingann u daħal għalihom u salvalhom ħajjithom eżatt qabel ma kienu ser jinagħtaw il-mewt.

Waħda mill-eqdem stejjer ukoll dwar San Nikola turieħ bħala protettur tat-tfal.  Lejliet il-festa tiegħu f'Myra, furbani Għarab niżlu l-art  u serqu kull ma sabu.  Huma u sejrin lura, ħatfu wkoll tfajjel ċkejken, Basilios, u ħaduħ magħhom biex ibigħuħ bħala skjav fi Kreta.  Ommu għeliet sal-mewt għat-teħid tal-uniku tifel tagħha minn magħha.  Sena wara, lejliet l-istess festa ta' San Nikola, din il-mara ma pparteċipatx fil-festa iżda qagħdet titlob bil-kwiet f'darha sabiex il-Qaddis Nikola jerġa' jġibilha 'l binha lura qawwi u sħiħ.  San Nikola sema' talbha u deher lil Basilios u ħadu lura għand il-ġenituri tiegħu ġewwa Myra.

Storja minnhom tirrakkonta ġrajja ta' tlett xebbiet minn familja fqira.  Billi missierhom ma kellux flus biex jagħtihom dota biex ikunu jistgħu jiżżewġu, id-destin tagħhom kien li jinbiegħu fl-iskjavitł.  Fi tlett okkażjonijiet differenti, San Nikola tefa' borża ta' muniti tad-deheb sabiex il-missier ikun jista jżewweġ 'il waħda minn uliedu u jevitalhom ħajja ta' miżerja fl-skjavitł.

Storja oħra tirrakkonta l-ġrajja ta' tlett zgħazagħ studenti tat-teoloġija li kienu qed jivjaġġaw lejn Ateni fil-Greċja sabiex jistudjaw.  Sid ta' waħda mill-lukandi fejn waqfu biex jistrieħu matul il-lejl, seraqhom, qatilhom  u qatta' ġisimhom biċċiet u qiegħdu f'bettijja sabiex jippreservaħ u jbiegħu bħala laħam tal-ikel.  Iżfa ġara li l-Isqof Nikola kien qed jivjaġġa u waqaf propju fl-istess lukanda biex jistrieħ.  Bil-lejl, hu kellu ħolma li urietu x'kien seħħ.  Hu sejjaħ lil sid il-lukanda biex jara x'ġara u mbagħad, wara li talab 'l Alla, iż-żgħażagħ reġgħu inagħtaw il-ħajja mill-ġdid u Nikola bagħthom lura għand il-familji tagħhom.

Darb'oħra, meta kien għadu żagħżugħ, Nikola mar pellegrinaġġ ġo l-Art Imqaddsa sabiex jimxi fejn mexa l-Imgħallem tiegħu Ġesł Kristu.  Meta kien sejjer lura, qamet tempesta qalilha li kienet ser iġġarraf il-ġifen li kien fuqu u waqt li l-baħħara kienu mwerwrin li ser jegħrqu, Nikola bil-kalma kollha talab lil Alla u t-tempesta battiet u l-vjaġġ intemm b'wiċċ il-ġid.

Storja oħra titkellem daw il-ġuħ li darba kien hemm f'Myra.   L-Isqof Nikola għamel l-almu tiegħu biex isib il-qamħ biex jitma' n-nies tal-belt tiegħu.  Sema' li kien hemm bastiment tal-merkanzija mgħobbi bil-qamħ li kien sorġut f'port fil-qrib fi trieqtu lejn l-Eġittu.  Il-kaptan ma riedx ibiegħlu qamħ għax qallu li dan kien diġą mħallas u miżun lest u kellu d-dover li jwasslu kollu sa fejn kellu jħottu.  Nikola iżda ppreswadieħ biex ibiegħlu mitt xkora iżda oħroġ il-għaġeb li meta wasal fil-port ta' Alexandria fl-Eġittu, ma kien hemm l-ebda nuqqas fil-qamħ miftihem.  Kull min sema' b'dan il-miraklu beda jfaħħar 'l Alla.  Iżda mhux hekk biss.  F'Myra, il-qamħ serva għal sentejn sħaħ sa ma ntemm l-għaks u anke kien baqa' biżżejjed qamħ biex jinżera ħsad tajjeb għas-sena ta' wara.


Fra Angelico - Il-hajja ta' San Nikola - L-istorja tat-tifel salvat mill-iskjavitu, l-istorja tal-qamh u l-istorja tal-helsien mill-bahar imqalleb.


Il-Kult ta' San Nikola

San Nikola hu popolari ferm fil-Knisja tal-Orjent, l-aktar fir-Russja u fil-Greċja.  Sa mill-bidu tas-sitt seklu wara Kristu, l-Imperatur Ġustinjanu bena knisja ddedikata lilu f'Kostantinopli.  Ismu jidher ukoll fil-Liturġija Divina ta' San Ġwann Krisostmu (raba' seklu wara Kristu).  Filwaqt li fl-Italja l-kult tiegħu beda meta l-fdalijiet tiegħu ittiħdu f'Bari fl-1081, fil-Ġermanja l-kult beda xi mitt sena qabel, fi żmien l-Imperatur Otto II (973WK-983WK) li kellu l-mara tiegħu, Theophano, ta' nisel Grieg.   Nafu wkoll li l-Isqof Reġinaldu ta' Eichstaedt, li miet fid-991WK, kien kietb poeżija dwar il-ħajja ta' dan il-qaddis (Vita S. Nicholai).

Il-mixja tas-sekli żiedet mhux naqset il-popolaritą ta' dan il-qaddis.  Hu meqjum bħala l-Qaddis Patrun f'għadd ta' pajjiżi fosthom il-Greċja, ir-Russja, Sqallija u ir-Renju ta' Napli.  Djoċesijiet u bliet li jżommu lil San Nikola bħala l-Qaddis Patrun tagħhom jinkludu il-Lorraine fi Franza, Ličge fil-Belġju, Campen fl-Olanda, Korfu fil-Greċja, Freiburg fl-Iżvizzera u Moska fir-Russia.  Naturalment għandna wkoll ir-raħal tas-Siġġiewi f'Malta.  Fl-Italja, fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fil-Belġju hemm għadd knir ta' bliet li jsejjħhu lilu bħala Qaddis Patrun tagħhom.  Knejjes imsemmijin għal dan il-qaddis jgħoddu bl-eluf u għadd tassew kbir insibuhom fil-Bejġju, fl-Italja u fl-Ingilterra.

Minħabba l-għadd ta' leġġendi, stejjer u mirakli assoċjati ma' dan il-qaddis, hu jitqies ukoll bħala Qaddis Patrun tal-baħħara, tan-neguzjanti u merkanti, ta' min jirhan il-ħwejjeġ, tal-priġunieri, ta' dawk li jaħmu l-ħobż, tal-vjaġġaturi, tal-farmaċisti, tat-tfal u tal-għarajjes fost għafna oħrajn.

Il-kult tiegħu hu mifrux mhux biss fost l-Insara Kattoliċi u Ortodossi, iżda wkoll fost l-Anglikani, il-Baptists, il-Luterani, il-Metodisti, il-Presbiterjani u r-Reformisti.

Il-festa tiegħu taħbat nhar is-6 ta' Diċembru, id-data ta' meta miet.  Festa oħra assoċjata mal-qaddis taħbat nhar id-9 ta' Mejju, il-jum tat-translazzjoni tal-fdalijiet tiegħu minn Myra għal Bari.

Il-Kult f'Malta

Il-qaddis, bil-Malti nsejħulu “Nikola” iżda wħud isejħulu “Niklaw” jew “Niklusi”.  Ma nafux meta daħal il-kult ta' dan il-qaddis f'Malta, iżda nafu li hu antik ferm.  Dan jixduh l-għadd ta' kappelli antiki f'Malta li huma ddedikati lilu, fosthom tnejn fost erba' kappelli medjevali li nafu li kienu jeżistu fil-lokaltą ta' Wied ir-Rum u Wied Ħażrun fl-inħawi tas-Simblija fir-Rabat.  Ma ninsewx ukoll il-parroċċa tas-Siġġiewi, iddedikata wkoll lilu, li nafu li kienet diġą mwaqqfa sa mill-1436, meta tissemma fil-lista (“Rollo”) tal-Isqof Senatore de Mello.

Wieħed jista' jispekula li l-kult tiegħu iddaħħal f'Malta mill-patrijiet Balżileni li ġew f'Malta wara l-miġja tan-Normanni, fejn għenu fir-rikristjaniżżazzjoni ta' Malta.    Dan jista' jkun indikat mill-fatt li f'Għawdex, il-kult tiegħu mhux mifrux.  Nafu li f'Għawdex, seta' kien baqa' nukleju sostanzjali ta' Nsara anke waqt l-ħakma Għarbija u mal-miġja tan-Normanni, ir-rikristjaniżżazzjoni t'Għawdex ħadet xejra differenti minn dik ta' Malta. 

Hawn għaxar kappelli ddedikati lilu f'Malta li jinsabu f'Ħal Niklusi (Siġġiewi), il-parroċċa l-antika tas-Siġġiewi, fil-Għargħur, fl-Imdina, fil-Forti Ricasoli (Kalkara), f'Ħaż-Żabbar, fiż-Żejtun,  fil-Buskett (b'ko-dedika lil Santa Luċija), oħra fir-Rabat (“Ta' Xerri”, b'ko-dedika lit-Twelid tal-Bambin) u jerġa oħra fir-Rabat (Tas-Simblija, għalkemm id-dedika lil San Nikola mhix ippruvata).  Ma' dawn irridu nżidu naturalment il-parroċċa tas-Siġġiewi li hemm illum.  Il-kult ta' San Nikola tant hu qawwi f'Malta li għalih hemm l-aktar kappelli ddeikati wara dawk iddedikati lill-Madonna taħt xi titolu jew ieħor.  San Pawl biss għandu 10 kappelli ddedkati għaliħ bħal San Nikola.

Nikol Ciantar, f'lista ippublikata fil-ktieb “Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex” (Novembru 2013), jidentifika 25 niċċa jew statwa li juru ‘l qaddis.  Kważi nofshom jinsabu fis-Siġġiewi, ir-raħal iddedikat lil dan il-qaddis.  F’Għawdex m’hemm l-ebda statwa jew niċċa li turi lil San Nikola ta’ Bari.

Lija  1

Qrendi  2

Haz-Zebbug, Malta  2

Mosta  1

Siggiewi  12

Zejtun  1

Msida  1

Valletta  1

Zurrieq  1

Mtarfa  1

Zabbar  2

 


F'Għawdex m'hemm l-ebda kappella ddedikata lil dan il-qaddis.  L-istess bħalma nsibu fin-niċeċ u statwi tat-toroq, insibu fil-firxa fl-ismijiet ta' toroq f'Malta fejn hawn 16-il triq, pjazza jew sqaq imsemmijin għal dan il-qaddis iżda waħda biss fil-gżira t'Għawdex, f'Kerċem.

Simboli tal-Qaddis fil-Knisja tal-Orjent: l-Omophorion u l-Vangelu
Jeżistu wkoll għadd ta' drawwiet u taqbiliet marbuta ma' dan il-qaddis.  Fis-Siġġiewi, it-tfajliet kienu jitolbu lil San Nikola biex isibilhom għarus u kien hemm l-użanza li jlissnu xi taqbiliet:

      San Nikola tal-misraħ
      Sibli wieħed (jew żewwiġni) ħa nifraħ.

Kienu jgħidu wkoll:

      San Nikola tal-ventura
      Tlabtu waħda tani tnejn
      Wieħed wiċċu kbir bin-nemex
      Tal-ieħor isfar bħal lellux

L-irġiel kienu jgħidu hekk:

      San Nikola tal-venturi
      Tlabtu waħda tani tlieta,
      Waħda zoppa oħra għamja
      U l-oħra waqgħet mit-tieqa.

jew

      San Nikola tal-venturi
      Tlabtu waħda tani tnejn
      waħda għamja u l-oħra truxa
      Kemm aħjar ma tagħni xejn

Marbut mal-għerusija u ż-żwieġ hemm l-espressjoni li tgħid li “daħal San Nikola dit-triq” meta jkun ser isir aktar minn tieġ wieħed fl-istess triq.  Fis-Siġġiewi, fi żmien il-festa, kienu jagħmlu  l-ħobż ta' San Nikola, li kien jikkonsisti f'boċċa fin-nofs imdawwra b'sitta oħrajn żgħar.  Kienu wkoll iduru mal-istatwa tal-ġebel li hemm fl-pjazza fir-raħal u jitolbu lill-qaddis biex isibilhom ġuvni addattat għalihom.

Taqbila oħra li ġieli tingħad fejn jissemma' San Nikola, għalemm mhux fil-kuntest ta' għerusija jew żwieġ, hija din:

      San Filep kemm hu iswed
      San Nikola kemm hu xiħ
      Evviva Ġorġi Tagħna
      x'huwa aħmar u sabieħ"

Three legends of St Nicholas by Gerard David


San Nikola fl-arti, il-letteratura u l-mużika

Fl-arti, San Nikola ġeneralment jiġi muri bħala Isqof xiħ.  Fil-Knisja tal-Lvant, speċjalment fl-ikoni, hu jidher liebes l-”omophorion”, jiġifieri dik l-ispeċi ta' stola wiegħsa tal-qoton li tintlibes madwar l-ispallejn u tibqa' nieżla 'l quddiem fuq is-sider kważi sal-art.  Fuqha jkollha erba' slaleb u stilla ta' tmien ponot irrakmati li jissimbolizzaw 'l Kristu Ragħaj it-Tajjeb li jiġri wara l-merħla tiegħu – li hu dak li Isqof għandu jagħmel bħala ragħaj tad-djoċesi tiegħu.  Normalment ipinġuħ ukoll bil-kiteb tal-evanġelu f'idu.  Ġieli jintwera b'Ġesł Kristu warajħ fuq naħa u l-Madonna (Omm Alla, Theotokos) warajħ fuq in-naħa l-oħra.  Kultant jiġi muri liebes il-mitra stil ortodossa iżda ġieli jiġi muri wkoll b'xaru xuxa. 

Fil-Knisja Kattilika Rumana San Nikola jiġi muri bħala Isqof bil-baklu u bil-mitra.  Kultant ikun hemm xi xena assoċjata ma' xi miraklu li jingħad li għamel bħal nagħtu każ xi tlett itfal ħerġin minn bettija jew xi vapur f'tempesta.  It tjubija u l-ġenerożitą tiegħu jintwerew billi jitpoġġewlu jew tlett muniti, jew tlett boroż ta' flus jew tlett boċċi tad-deheb f'idu biex ifakkruna fl-istejjer assoċjati ma' dan il-qaddis.

Dwar San Nikola tal-Venturi il-poetessa Għawdxija Mary Meilak kitbet novella li ġġib l-istess isem.  Il-Ġiżwita Patri Ġużč Delia kiteb il-leġġenda tal-ħelsien tat-tifel Bażilju mill-iskjavitł f'forma ta' poeżija.   Iżda l-aktar biċċa letteratura magħrufa u li ħalliet impatt fuq l-għarfien ta' San Ninkola fost in-nies kienet bla dubju ta' xejn il-poeżija tal-poeta Amerikan Clement Clarke Moore "A Visit from St. Nicholas", li kitibha fl-1823.  Din il-poeżija, li hawn min jattribwiha lil Henry Livingston Jr, hija aktar magħrufa bħala “Twas the Night Before Christmas”, mill-ewwel vers tagħha.  Din il-poeżija nistgħu ngħidu li kienet hi li bidlet lil qaddis San Nikola f'Santa Claus jew Christmas Father.  Din l-istorja titkellem dwar ġrajja, f'lejliet il-Milied, meta raġel tal-familja qam bil-lejl għax sema' xi ħoss barra d-dar tiegħu. Hu ra lil San Nikola, għaddej fis-sema fuq żlitta miġbuda minn 8 ċriev.  Dan waqaf fuq il-bejt tad-dar, niżel miċ-ċumnija bi xkora mimlija ġugarelli u x'ħin ra l-kalzetti tat-tfal mitluqin hemm ħdejn in-nar biex jinxfu, qabad u mlihom bil-ġugarelli.  Qabel ma telaq, sellem lil dak il-missier mistgħaġeb u taħ il-Milied u l-lejl it-tajjeb.  Din l-istorja kompliet tkabbar il-fama ta' dan il-qaddis bħala persunaġġ ġeneruż u ħabib u protettur tat-tfal.

Id-dehra ta' Santa Claus kompliet tinfirex aktar b'sensiela ta' reklami tad-ditta Coca Cola fis-snin tat-tletinijiet, għalkemm irridu ngħidu wkoll din ma kenitx l-ewwel ditta tax-xorb li għamlet użu ta' dan il-karattru fir-reklami tagħha.  Sa mill-bidu tas-seklu għoxrin wieħed kien diġą beda jsib lil dan il-karattru jiġri mal-ħwienet fil-jiem tal-Milied.  U minħabba l-assoċjazzjoni li hemm bejn dan il-qaddis u l-karitą, ċertu għaqdiet tal-volontarjat bħas-Salvation Army jilbsu ta' dan il-karattru waqt li jqassmu l-karitą matul dawn il-ġranet.

Ma tonqosx ukoll id-dehra ta' Santa Claus fiċ-ċinema.  Fost l-ewwel films insibu “A Little Girl Who Did Not Believe in Santa Claus” tal-1907.  Iżda bla dubju ta' xejn l-iktar film magħruf u li jiġi muri fuqit-television sena wara sena huwa “Miracle on 34th Street” tal-1947 fejn ix-xiħ li jinterpreta dan il-karattru, Edmund Gwenn, rebaħ Academy Award għall-Best Supporting Actor.  L-istorja tant tmiss il-qlub li dan il-film kien reġa' nħadem fl-1994.

Fil-mużika, hemm Oratorju bl-isem “San Nikola ta' Bari” li nkiteb minn Giovanni Battista Bononcini fl-1693.  Aktar riċenti hija l-Kantata dwar il-qaddis tal-kompożitur Ingliż Benjamin Britten li nkitbet fl-1948.  Ara dokumentarju qasir ta' ħames minuti dwar din il-katata hawn taħt.

Oratorju dwar il-ħajja ta' San Nikola inkiteb riċentament mis-Surmast Prof. Dione Buhagiar fuq kliem tal-Prof. Joe Friggieri u ndaqq għall-ewwel darba fil-knisja parrokjali ta' San Nikola fis-Siġġiewi nhar is-6 ta' Diċembru tal-2012.

Kitba: Noel Ciantar
Ritratti: mill-Internet u Caroline Busuttil

San Nikola:  Dettall mill-Kurunazzjoni tal-Vergni ta' Fra Angelico.  Innota x-xeni mill-Passjoni fuq il-kappa tal-qaddis.
Il-qabar ta' San Nikola f'Demre
Il-qabar ta' San Nikola f'Bari

Dan iz-ziju ta' Nikola kien Abbati ta' monasteru f'Myra.  Għalhekk, meta Nikola ingħażel biex isir hu Isqof ta' Myra minħabba l-qdusija tiegħu minkejja li ma kienx ordnat, wisq probabbli li zijjuħ ordnaħ bħala Djaknu u mbagħad bħala Presbiteru qabel ma sar isqof.  Iżda hu maħsub li Nikola qatt ma serva la bħala  Djaknu u lanqas bħala Presbiteru.  Il-fatt li Nikola inħatar Isqof mingħajr ma kien attwalment saċerdot hija xi ħaġa rari imma possibbli u dan id-dettall jista' jindika li Nikola kien persuna li storikament eżista u mhux hi invenzjoni twajba.

San Nikola jsalva it-tlett innocenti

Minħabba l-għadd ta' leġġendi, stejjer u mirakli assoċjati ma' dan il-qaddis, hu jitqies ukoll bħala Qaddis Patrun tal-baħħara, tan-neguzjanti u merkanti, ta' min jirhan il-ħwejjeġ, tal-priġunieri, ta' dawk li jaħmu l-ħobż, tal-vjaġġaturi, tal-farmaċisti, tat-tfal u tal-għarajjes fost għafna oħrajn.

Il-kult tiegħu hu mifrux mhux biss fost l-Insara Kattoliċi u Ortodossi, iżda wkoll fost l-Anglikani, il-Baptists, il-Luterani, il-Metodisti, il-Presbiterjani u r-Reformisti..

L-istatwa ta' San Nikola f'Bari
L-istatwa ta' San Nikola fis-Siggiewi
St Nicholas Chapel, Marsascala - Pittura ta' Maris Zamit
Il-mewt ta' San Nikola
Ikona Russa ta' San Nikola ta' Myra
Miracle34Street
Il-Knisja ta' San Nikola fis-Siggiewi

Dokumentarju  qasir ta’ ħames minuti dwar il-Cantata “St. Nicholas” ta’ Benjamin Britten

 

Il-Pjazza ta' San Nikola fis-Siggiewi - Ritratt: Caroline Busuttil
Il-Bazilika ta' San Nikola, f'Bari

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017