KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt -  Jessica Cefai

Is-Santwarju tal-Kunċizzjoni
~ Qala - Għawdex ~

Waħda mill-eqdem knejjes li hemm ġewwa Għawdex hija bla dubju dik il-kappella tal-Kunċizzjoni li hemm ġewwa l-Qala fi trieq Ħondoq ir-Rummien.  Dan it-tempju huwa popolari ħafna kemm mal-Għawdxin kif ukoll mal-Maltin.  Fil-passat, waqt xi katastrofi nazzjonali bħal terremoti, nixfa u epidemiji, in-nies kienet tmur bi ħġarha f’dan it-tempju biex titlob lill-Madonna tal-Kunċizzjoni fil-Qala biex tidħol għalihom.

Oriġini ta’ din il-kappella

Din il-knisja hija qadima ħafna, u ħadd ma jaf eżatt meta nbniet.  Dokumenti juruna li dan il-post kien post ta’ devozzjoni kbira anke sa minn żmien il-ħakma tal-Arab bejn is-sena 870 u 1091.   Jingħad li meta kien Malta l-Konti Ruġġieru kien jiġi f’dan it-tempju biex jitlob. Xi studjużi jaħsbu li dan it-tempju ġie mibni fuq tempju ieħor pagan ta’ qabel il-Kristjaneżmu.

Waqt żjara pastorali li għamel il-Viżitatur Appostoliku il-Monsinjur Pietru Dusina fl-1575, din il-kappella sabha fi stat ħażin ħafna wara li kienet ġiet attakkata għal diversi drabi mit-Torok li kienu jinżlu l-art f’Għawdex. Għaldaqstant il-knisja ġiet ipprofanata u magħluqa.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Imma d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Qala qatt ma mietet, u n-nies li joqgħodu f’dawn l-akwati ma ridux li din il-kappella tibqa’ magħluqa. Għalhekk bid-donazzjonijiet u bix-xogħol volontarju li huma għamlu f’din il-kappella, sewwewha, bnewlha sagristija, u għamlu zuntier ġdid quddiem din il-knisja ħelwa. Sa mill-1615 kienet waħda mill-kappelli li kienu miżmumn fi stat tajjeb ħafna kif ukoll bħala waħda mill-akbar kappelli f'Ghawdex, li għalkemm fit-tarf tal-lvant t'Għawdex, kienu jżuruha nies minn madwar il-gżira kollha.  Jista' jkun li għalhekk li kien li l-isqof Calgiares għażilha biex iqiegħed fiha l-pittura tal-Kunċizzjoni kif ser naraw aktar 'l isfel.

Għal xi żmien din il-kappella serviet ta’ Paroċċa għan-Nadur, Għajnsielem, il-Qala u Kemmuna meta dawn l-irħula kienu għadhom magħqudin bħala n-Nadur fl-1688.  Imbagħad fl-1872 meta l-Qala nqatgħat minn man-Nadur u saret paroċċa għaliha, din il-kappella saret il-paroċċa ta’ dan ir-raħal il-ġdid, u baqgħet isservi ta’ paroċċa, sakemm inbniet il-paroċċa l-ġdida, dik iddedikata ‘l San Ġużepp.

It-Titular
 
Originarjament din il-kappella kienet iddedikata lill Assunzjoni ta’ Marija (“Santa Marija tal-Qala”), imma fl-1615, l-isqof Cagliares biddel id-dedikazzjoni u t-titular ta’ din il-kappella ċkejkna għal dik tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Il-festa tal-Kunċizzjoni kienet twaqqfet fl-1476 mill-Papa Sistu IV iżda kien biss fl-1854 li l-Papa Piju IX iddikjara dan it-twemmin bħala Domma tal-Fidi li jorbot lill-Insara kollha.  L-isqof Calgiares kellu devozzjoni kbira lejn il-Kunċizzjoni.  Hu kien wiegħed lill-Madonna li jekk isir Isqof ta’ Malta huwa kien ser jagħmel minn kollox biex ikabbar id-devozzjoni lejn l-Immakulata Kunċizzjoni.  Għalhekk meta sar Isqof ta’ Malta huwa biddel id-dedika ta’ din il-knisja u ta lill-knisja il-pittura titulari il-ġdida.

Wara l-bidla tad-dedika, il-pittura titulari l-antika nżammet fis-sagristija għal xi żmien, u fl-1899 ġiet trasferita għall-knisja parrokjali tal-lokal.  Din il-pittura antika kienet iżgħar minn dik li hemm illum u kien fiha x-xbieha tal-Verġni Mqaddsa tiela’ s-sema akkumpanjata minn erba’ anġli, bit-tnejn ta’ fuq iżommu kuruna fuq ras il-Madonna.  Din kienet magħrufa bħala Santa Marija tal-Qala. Il-pittur u d-data meta saret mhumiex magħrufa. Jingħad li din il-pittura spirat ukoll lill-pittur li pitter it-titular tal-Madonna ta’ Pinu.

It-titular il-ġdid  minn żmien ilu, inkluż minn żmien Agius de Soldanis, kien jiġi attribwit lill-pittur Federico Barocci minn Urbino, iżda llum hemm dubju serju dwar dan.   Studjużi aktar riċenti bħal John Marciari u Ian Verstegen illum jattribwuħ lil Francesco Vanni (1566-1610), kontemporanju ta’ Barocci.  L-isqof Cagliares kien akkwista din il-pittura meta kien f’Ruma biex tiġi kkonfermata l-ħatra tiegħu ta’ Isqof ta’ Malta.  Hu imbagħad ta din il-pittura lill-knisja tal-Qala fil-vista tiegħu tal-1615 meta kien ġie lura minn Ruma.  Il-probabiltÓ hi li hu stess kien miżinformat dwar min kien il-pittur li pitter dan il-kwadru għax fiż-żjara pastorali, ikkwotata minn Rev. Joseph Bezzina, jingħad li l-isqof Cagliares “ta din il-pittura taż-żejt foq il-kanvas, li turi l-figura tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Federico Barocci ta’ Urbino lil Don Domenico Apap, ir-rettur, u urieħ ix-xewqa li din il-pittura kellha tiddendel fil-knisja”.  Mhux hekk biss.  Id-data ta’ meta suppost tpitter dan il-kwadru tingħata bħala dik tal-1615 – data evidentament ħażina għax fl-1615 kemm Barokki kif ukoll Vanni kienu diġÓ t-tnejn mejtin.  Id-data naturalment tirreferi għal meta din il-pittura ingħatat lill-knisja tal-Qala.  Jidher li l-pittura li hemm fil-Qala hi kopja ta’ Vanni stess ta’kwadru li qiegħed fil- Pinacoteca fi Siena u li tpitter fl-1602.  Dan ir-ragruppament ta’ figuri kien popolari ħafna fiż-żmien li qed nitkellmu fuqu u Vanni seta’ pitter għadd ta’ kwadri simili biex ibiegħhom.

Il-kwadru jirrapreżenta fuq il-lemin ‘il Madonna qiegħda tgħaffeġ b’riġlejha s-serp li ħiereġ minn qalb weraq impittrin b'dettall kbir. Fuq in-naħa tax-xellug, il-Missier Etern, b’dirgħajħ miftuħin u b'erba' rjus ta' anġli taħtu, qiegħed jitgħaxxaq bl-akbar opra li ħarġet minn idejĦ omnipotenti filwaqt li qed jimliha bil-grazzji.

Mal-bidla tat-titular, in-nies bdiet tmur bi ħġarha lejn din il-kappella sabiex titlob għall-grazzji bl-iterċessjoni tal-Madonna taħt it-titlu tal-Immakulat Konċepiment.  Bdew jiżdiedu l-kwadri ex-voto - xhieda ta' grazzji maqlugħa u sal-1640, l-erba' ħitan tal-kappella kienu miksijin bil-kwadri ex-voto.  Il-Gvernatur t'Għawdex, il-Baruni ta' Remching Carlo Federico, tfejjaq mirakolożament minn puplesija qawwija fl-1642 wara li talab lill-Madonna tal-Qala tidħol għalih.

Fl-1 ta’ Awwissu 1954, fl-okkażjoni tal-ewwel ċentenarju mill-proklamazzjoni tad-Domma tal-Konċepiment tal-Madonna mingħajr Tebgħa mill-Papa Piju IX, il-kwadru ġie solennement inkurunat minn Mons. Giuseppe Pace, isqof ta’ Għawdex.

F’għeluq il-25 sena ta’ din l-inkurunazzjoni, sewwa sew fl-4 ta’ Awwissu 1979, saret il-funzjoni solenni meta madwar ir-ras tal-Madonna tal-kwadru tal-Kunċizzjoni tqiegħed stellarju prezzjuż. Mexxa din il-funzjoni sagra Mons. Nikol Cauchi, Isqof ta’ Għawdex, assistit minn Mons. Dino Romoli, Isqof ta’ Pescia, u minn Mons. Dom Angelo Mifsud, Abbati Benedittin.

Il-knisja

Il-knisja tinsab fit-trieq li tagħti għall-bajja ta' Ħondoq ir-Rummien. Għandha forma kwadra u zuntier imdaqqas quddiemha.

Il-faċċata għandha bieb wieħed tal-injam u fuqu hemm tieqa tonda.  Aktar 'l fuq minn din it-tieqa hemm niċċa li fiha statwa tal-Madonna tal-Kunċizzjoni magħluqha bil-ħġieġ.  Fil-kantunieri tal-faċċata hemm kolonni li huma mżejnin b'boċċa ovali tal-ġebel fuqhom.

Fuq in-naħa tal-lemin hemm ċimiterju li fih tiddomina statwa tal-bronż ta' Kristu rebbieħ fuq il-mewt.  Il-bidu ta' dan iċ-ċimiterju hu mistur fil qedem iżda llum hu miżmum tassew tajjeb.  Il-veduta li tara minn dan iċ-ċimiterju hi waħda mpressjonanti għax iġġib 'l Kemmuna taħtek fi sfond tal-gżira ta' Malta fuq wara.  Il-kappella għandha kampnar wieħed fuq in-naħa ta' wara tan-naħa leminija tagħha.

Fuq il-ħajt tax-xellug ta' din il-knisja hemm bieb imbarrat bil-ġebel u fuqu hemm tieqa mdaħħla 'l ġewwa u li tagħti ħjiel ta' kemm huma ħoxnin il-ħitan ta' din il-kappella.  Aktar lura fuq l-istess ħajt jinsab bieb ieħor żgħir tal-injam. It-tlett naħat tal-kappella, barra l-faċċatta huma mdawwrin bl-imwieżeb.

Fuq wara, il-ħajt fiħ arkata li fiha tieqa ddekorata bi ħġieġ ikkulurit li turi erba' anġli kbar imdawwrin mas-simbolu tal-Verġni Mbierka Marija Ommna.

Il-knisja minn ġewwa

Minn ġewwa, l-knisja hija ġawhra, mżejjna b'għadd ta' pitturi, skulturi u nduratura kemm fis-saqaf troll kif ukoll mal-ħitan.  X'ħin tidħol mill-bieb sempliċi ta' njam lixx, issib ruħek wara antiporta kbira u tara knisja żżommlok in-nifs bis-sbuħija tagħha meta għajnejk jaddattaw għad-dlam li fiha wara li tkun ħallejt id-dawl tax-xemx Mediterranja.

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

Fil-faċċata wieħed mill-ewwel jilmaħ l-altar maġġur, bil-pittura titulari warajħ.  L-altar tal-injam fuq stil post-Konċiljari jinsab quddiem l-altar l-antik. Il-kwadru titulari (ara deskrizzjoni aktar 'l fuq) hu mdawwar bi gwarniċun majestuż iddekorat u ndurat u fuqu tinsab it-tieqa tal-ħġieġ ikkulurit imsemmija wkoll aktar 'il fuq.

Fuq iż-żewġ naħat tal-altar hemm irħama kommemorattiva, dik tax-xellug tikkomemora it-tlett mitt sena (1688) mit-twaqqif tal-Parroċċa "Santa Marija tal-Qala" mill-isqof Cocco Palmieri.

Fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja hemm altar b'pittura fuqu li turi 'l Madonna bil-Bambin f'idejha, 'l San Duminku fuq il-lemin tagħha u 'l Santa Rita fuq ix-xellug tal-Madonna.  Il-Madonna u l-Bambin f'dan il-kwadru huma t-tnejn inkurunati.

Faċċata ta' dan l-altar, fuq ix-xellug tal-knisja, hemm altar ieħor li għandu kurċifiss kbir u ħdejħ hemm pittura ovali ta' San Kurradu (ara l-leġġenda marbuta ma' dan il-qaddis aktar 'l isfel).

Fuq in-naħa tax-xellug hemm taraġ ċkejken u dejjaq, kważi moħbi, li jniżżlek ġo kmajra żgħira, maqtuha fil-blat u li fiha l-fdalijiet li kienu nsatbu fl-1937, preżubilment tal-qaddis Kurradu.  Dawn il-fdalijiet jinżammu f'urna tal-ħġieġ wara grada tal-ħadid.  Lampier żgħir ikun jixgħel quddiem dawn il-fdalijiet.  Santa tal-qaddis u inkwatru żgħir b'talba 'l qaddis huma l-unika ħwejjeġ li hemm f'din il-kripta.

Leġġendi marbuta ma’ din il-kappella

Hemm diversi leġġendi marbutin ma’ din il-kappella. Waħda minnhom hija dik li tirrakkonta l-ġrajja ta’ San Karrew (Kurradu).  Din il-leġġenda tgħid li fis-seklu ħmistax kien hawn raġel qaddis li kien barrani li kien jgħix f’Malta. Dan ir-raġel, li kien jismu Karrew (hawn min isejjaħlu wkoll “Kurraw”), kien qed jgħix ħajja qaddisa ta’ eremita ġewwa għar f’Wied il-Għasel fil-Mosta. Xi ragħajha Mostin bdew jittantawħ u jippruvaw iwaqqawħ fid-dnub.  Wara li ippruvaw kemm il-darba, Karrew ipprova jikkoreġihom, iżda dawn bdew iwaddbulu l-ġebel, u minħabba f’hekk kellu jitlaq minn Malta u mar ikompli jgħix din il-ħajja ta’ eremita ġewwa l-Qala, f’Għawdex, fejn miet, u ġie midfun fil-kripta ta’ din il-knisja.

Iktar tard beda jingħad li dan ir-raġel qaddis beda jagħmel il-mirakli mat-tfal morda u il-kripta ta’ din il-knisja saret post ta’ devozzjoni kbira.  Kien hemm saħansitra nies li kienu jmorru u jiġbru xi frak minn din il-kripta biex ifejjqu lil xi familjari, li minħabba l-mard tagħhom, ma kienux jistgħu imorru f’din il-kappella. Din id-devozzjoni lejn dan ir-raġel qaddis għada teżisti sal-llum.

Fit-3 t’Ottubru 1937, waqt skavi li kienu qed isiru fil-kripta ta’ din il-knisja, instab skeletru ta’ raġel fil-post fejn fil-leġġenda jingħad li kien ġie midfun dan l-eremita. L-għadam kollha ta’ dan l-iskeletru ġew miġbura f’kaxxa u miżmuma fis-sagristija għal xi żmien.  Fl-1991 dan l-iskeletru ġie eżaminat, u minn dan l-eżami ġie kkonfermat li dan huwa skeletru ta’ raġel li jmur lura għal ħmistax il-seklu. Dawn il-fdalijiet tqiegħdu f’urna tal-ħġieġ u ssiġillati mill-isqof t’Għawdex, Mons. Nikol Cauchi.  Din l-urna tqiegħdet f’post mhux ‘il bogħod minn fejn instab midfun.

Hemm leġġenda oħra ħelwa li tirriġwarda il-bini ta’ din il-kappella.  Din il-leġġenda tgħid li din il-kappella għall-ewwel kienet ser tinbena f’post magħruf bħala “Tas-Salib”.  Meta kienet ser tibda’ tinbena, u nġieb ukoll il-ġebel biex bihom jibnu din il-kappella, ġara xi ħaġa mhux tas-soltu.  Dawn il-ġebel, bil-lejl, inġarru waħedhom għal post fejn illum hemm il-kappella, lok magħruf bħala “Il-Ħalq”. Għall-ewwel, in-nies tal-lokal, ħasbu li din kienet xi ċajta, u reġgħu ġarrew il-ġebel lura għall-post fejn kienu qegħduhom oriġinarjament, dak magħruf bħala “tas-Salib”. Minkejja li għamlu wkoll sorveljanza, dawn il-ġebel, għat-tieni darba, reġgħu inġarru għall-post fejn hemm il-kappella b’mod misterjuż. Hawn in-nies bdew jemmnu li dan kien sinjal mill-Verġni Mqaddsa li hija riedet il-post l-ieħor biex tinbena din il-knisja.

Varjant ta’ din il-leġġenda oħra tgħid li xi wħud anki raw bil-lejl mara liebsa l-abjad tavviċina l-ġebel. Imbagħad il-ġebel mexa waħdu wara din il-mara, u reġgħu marru fejn hemm il-kappella attwali llum.  Kien propju meta ġie deċiż li din il-kappella tinbena fil post magħruf bħala ta’ “Il-Ħalq” li ma baqgħax ikun hemm aktar ġarr ta’ ġebel bil-lejl.

Leġġenda oħra marbuta ma' din il-kappella hija dik ta’ Borġ Għarib. Din il-leġġenda tgħid li fi żmien il-ħakma Għarbija, raġel misterjuż kien imur kuljum fi nżul ix-xemx rikeb fuq iż-żiemel lejn dan is-Santwarju tal-Qala, biex jixgħel xema quddiem il-Madonna.

Raġel Għarbi beda jinnotaħ jgħaddi biż-żiemel kuljum mill-istess triq, u ġietu l-kurżita fejn kien qed imur.  Għalhekk iddeċieda li jwaqqfu u jsaqsiħ fejn kien sejjer.  Għal dan l-għan staħbilu qalb is-siġar, u meta għadda minn ħdejħ biż-żiemel, ħareġ min qalb is-siġar u pprova jaħtaf ir-riegni taż-żiemel, iżda ma rnexxillux. Huwa qabad ma' denb iż-żiemel biex forsi jwaqqfu. Ir-raġel misterjuż, mingħajr ma nduna bl-Għarbi mdendel ma' denb iż-żiemel tiegħu, beda jħeġġeġ liż-żiemel biex jgħaġġel iżjed.  L-Għarbi baqa' jiġri wara iż-żiemel sakemm waqa', u ħabat rasu ma' blata u baqa' mejjet tal-post.

Il-ġisem ta’ dan l-Għarbi baqa' hemm għal xi żmien għax ħadd ma ried imissu.  Waqt li n-nies kienu jgħaddu minn ħdejħ kienu jwaddbulu l-ġebel u b’hekk ġie dan il-borġ ġebel fuqhu, u kien propju għalhekk li dan il-post ġie msejjaħ Borġ Għarib

Devozzjoni lejn is-Santwarju u l-Madonna tal-Qala

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Qala kompliet tikber fis-sekli sbatax u tmintax. Tant hu hekk, li skont ir-rapport li għamel l-isqof Alpheran De Bussan waqt żjara pastorali fl-1736, kien qal li l-ħitan ta’ dan is-Santwarju kienu miksija b’donazzjonijiet ex-voto, l-iktar b’deheb u fidda. Dawn iktar tard inbiegħu biex ikun jista' jsir retawr u redekorazzjoni ta’ din il-kappella.

Saru wkoll diversi pellegrinaġġi għal dan is-santwarju, speċjalment meta kien ikun hawn xi gwaj nazzjonali.

Fil-ħitan ta’ barra ta’ din il-kappella, kemm fuq in-naħa tal-lemin, kif ukoll fuq in-naħa ta’ wara ta dan it-tempju, hemm xi graffiti, imħaffrin b’xi mus jew b’xi ħaġa bil-ponta fil-ġebla Maltija ta’ din il-knisja. F’dawn il-graffiti nsibu l-figuri ta’ diversi bastimenti, slaleb u dati. Il-figuri tal-bastimenti jvarjaw minn galjuni ta’ żmien il-Kavallieri, għal dgħajjes tal-Latini.  Dawn ma ġewx magħmula minn xi vandali, iżda minn xi nies li jkunu ħelsu mill-għarqa, probabilment minn xi baħrin jew sajjieda u li ma jkollhomx flus jew kapaċita biżżejjed biex jagħmlu xi pittura taż-żejt.

Is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena

Matul is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, bejn it-8 ta' Diċembru 2015 u l-20 ta’ Novembru 2016,  il-Knisja f’Għawdex nediet diversi inizjattivi biex tippromovi l-opri tal-ħniena fost l-Insara tad-Djoċesi u tingħata attenzjoni lill-foqra u dawk fil-bżonn.

Fost l-inizjattivi, l-isqof ta’ Għawdex għażel tliet knejjes biex fihom jinfetaħ għal matul is-sena kollha l-Bieb Imqaddes tal-Ħniena, skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku għall-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena li beda mitt-8 ta’ Diċembru 2015.  Il-knejjes magħżula f’Għawdex kienu l-Katidral tal-Assunta fil-Belt Victoria, is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu u s-Santwarju tal-Immakulata Kunċiżżjoni fil-Qala.  Dan juri wkoll b’liema livell għoli huwa stmat dan is-Santwarju tal-Madonna fil-Qala.

Il-knisja llum

Minn dan kollu, jidher biċ-ċar x’devozzjoni hemm mill-poplu kollu Malti, speċjalment l-Għawdxin, lejn dan is-Santwarju u lejn il-Madonna tal-Qala. Min jaf kemm fl-antik qasmu Maltin bejn Malta u Għawdex biex imorru jżuru dan is-santwarju u jitolbu quddiem il-Madonna tal-Qala għal xi grazzji.


Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttil, Jessica Cefai u mill-Internet

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritatt - mill-Internet
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
mill-Internet
mill-Internet
Ritratt -  Jessica Cefai
Ritratt -  Jessica Cefai - Is-Santwarju armat ghall-festa
Ritratt - Noel Ciantar  2007_0823GozoHoliday0073

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017