KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - David Grima

Il-knisja ta’ Santa Luċija
~ Mtarfa ~

L-Imtarfa huwa lokal żgħir fit-tramuntana ta' Malta viċin ir-Rabat u l-Imdina. Għalkemm hemm provi li dawn l-inħawi kienu abitati sa mill-eqdem żminijiet, dan ir-raħal ċkejken sar magħruf l-aktar meta l-Ingliżi bnew barraks fiħ fl-1890. Aktar tard matul l-ewwel Gwerra Dinjija, bnew sptar navali sabiex jilqa' l-feruti ta' dik il-gwerra. It-torri tal-arloġġ, mibni fl-1895 jidher sew mill-inħawi ta' madwar, l-aktar mis-swar tal-Imdina li jagħtu għal fuq dik ix-xaqliba.

Il-knisja

Qrib l-eks-Sptar Navali imsemmi għal David Bruce, li flimkien ma' Temi Zammit kien skopra l-kawża tal-marda tad-deni rqiq (il-Bruċellożi), hemm il-kappella żgħira iddedikata lil Santa Luċija Verġni u Martri. Minn fuq iz-zuntier ċkejken tagħha tista' tgawdi l-veduta ta’ Wied il-Qlejgħa jew, kif inhu magħruf aħjar, iċ-Chadwick Lakes, xena li bla ebda dubju tpaxxi l-għajn.

Din il-kappella jinagħad li nbniet b’intervent tal-familja Darmanin mill- Birgu fl-1500. Iżda stqarrija għall-istampa maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) maħruġa fl-14 ta' Ġunju 2006 (stqarrija numru 0894) u li tiddeskrivi r-restawr li sar dik is-sena fuq din il-kappella, tagħti s-sena 1460 bħala s-sena li din il-kappella tissemma għall-ewwel darba. Ġnien kbir fl-inħawi dak iż-żmien diġÓ kellu kappella ddedikata 'l Santa Luċija fih. Gonsalvo Argiona fl-1460 għadda dan il-ġnien lil Tarkwinju Zammit li imbagħad għaddieh 'l Antonio Falzon. Falzon ta l-ġnien bħala benefikat lill-Katidral tal-Imdina li imbagħad għadda l-ġnien b'ċens perpetwu lil Anġlu Manduca. Dan tal-aħħar kien marbut, fost kundizzjonijiet oħrajn, li jħallas biex isir il-quddies fil-kappella ta' Santa Luċija.

 

Ritratt - David Grima

 

Alfie Guillamier jagħti d-data tal-1500 bħala d-data ta' meta nbiet din il-kappella. Iżda jikkwota wkoll lill-Kanonku Mikiel Saliba, wieħed mill-prokuraturi tal-kappella, li jgħid li waqt skavi li saru fil-ħamsinijiet biex isir pedament għal sagristija li kellha tinbena magħha, instabet kripta taħtha. F'din il-kripta nstabu xi xkejjer b'xi ex-voto fihom, u xi wħud minn dawn l-ex-voto għadhom ippreservati sal-lum. Il-Kanonku Saliba jikkonkludi li għalhekk il-kappella tal-1500 illum mhix l-istess li naraw illum. Hawn nistaqsu: għal xiex sew qed tirreferi d-data tal-1460? Forsi għal din il-kappella taħt l-art kienet dik il-kappella li kien fih il-ġnien li semmejna aktar 'il fuq?

L-istil tal-kappella eżistenti juri li hi medjevali u li setgħet attwalment tassew kienet dik li hi msemmija li nbniet fl-1500. Hu x'inhu l-każ, hemm referenzi għall-kappella ta' Santa Luċija fl-Imtarfa fir-rapport tal-visti pastorali kemm tal-monsinjur Pietru Dusina fl-1575 u kif ukoll dik tal-isqof Alpheran de Bussan fl-1774.  De Bussan isemmi għadd ta' grazzji li nqalgħu bl-interċessjoni ta' Santa Luċija meqjuma f'din il-kappella. Waqt iż-żmien tal-Assedju, il-Kavallieri (preżubilment dawk fl-Imdina) kienu jmorru ta' spiss jitolbu fiha.

Fl-1828, fi żmien il-Gvernatur Frederick Ponsonby, tneħħa d-dritt tal-immunitÓ għall-kriminali li jistkennu fil-knejjes tal-kampanja. ll-knisja ta' Santa Luċija tal-Imtarfa kienet waħda minn dawk li twaħħlitilha l-lapida tal-irħam bil-kliem "Non gode l'immunita ecclesiastica".

Minħabba li l-Imtarfa fi żmien l-ewwel Gwerra Dinjija nbena fiha Sptar Navali li semmejna kif ukoll minħabba u d-dedikazzjoni għat-titular l-antik ta’ Santa Luċija, fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin kien hemm ħafna wegħdiet ex-voto mill-pazjenti u uffiċjali tal-isptar militari. Dawn kienu l-aktar ġejjin minn dawk li kienu qed ibatu minn kundizzjonijiet jew mard fil-vista. Dan l-isptar kien jilqa' fih il-feruti tal-battalji fil-Lvant tal-Mediterran, fosthom is-suldati Awstraljani u minn New Zealand wara l-battalja ta' Galipoli. Fl-ewwel Gwerra Dinjija kienu jintużaw armi kimiċi li fost l-oħrajn kienu jagħmlu ħsara kbira lill-għajnejn. Dawk morda b'għajnehom għalhekk kienu jirrikorru għand Santa Luċija biex jiksbu l-fejqan bl-interċessjoni tagħha.

L-importanza ta' din il-kappella bdiet tonqos xi ftit wara li s-servizzi Ngliżi kienu bnew il-kappella iddedikata 'l San Oswald biswit l-isptar militari. U aktar mal-popolazzjoni tal-Imtarfa kompliet tikber mad-disgħinijiet, inbena ċentru pastorali akbar ħdejn l-arloġġ tal-Imtarfa. Dan iċ-ċentru pastorali għandu knisja akbar, iddedikata wkoll 'l Santa Luċija, u għalhekk il-kappella medjevali kompliet naqset fil-użu tagħha.

L-arkitettura

L-arkittetura ta' din il-kappella ma tant hemm xi tgħid fuqha billi din il-kappella hija waħda minn tal-ewwel li nbnew u fortunatament qatt ma ntmisset jew sarulha xi żidiet irreparabli.

Għandha forma tipikament medjevali Maltija. Il-faċċata hi sempliċi ħafna, b'bieb kwadru u tieqa kwadra żgħira ħafna, jekk tista' ssejħilha hekk. Din it-tieqa hi bħal dik li nsibu fuq il-bieb tal-kappella ta' Santa Ċeċilja li nsibu f'Għajnsielem f'Għawdex, li hija wkoll medjevali. Il-kampnar huwa rudimentali ħafna u fih qanpiena waħda. Għandha saqaf ċatt magħmul minn xorok li jistrieħu fuq id-dahar ta' tliet ħnejjiet li huma ġejjin naqra bil-ponta u li jibqgħu neżlin sa l-art. Wieħed mill-altari qiegħed f'apside nofs tond.

 

Ritratt - David Grima


Il-pittura li tinstab fil-knisja saret fis-seklu sittax. Turi 'l Santa Luċija bil-palma f'idha l-leminija, li tissimbolizza l-verġinitÓ. Ħdejha fuq ix-xellug tagħha hemm anġlu żgħir jipponta b'subajh lejn platt fuq mejda ċkejkna li fih par għajnejn li jissimbolizzaw il-martirju tal-qaddisa. Dan il-kwadru kienm ġie nkurunat mill-monsinjur Ġużeppi Depiro u aktar tard fid-disgħinijiet kien ġie irrestawrat.

Restawr tal-knisja

Illum il-ġurnata, wara li l-Imtarfa saret parroċċa fl-2004, il-kappella medjevali ta' Santa Luċija reġgħet ġiet irrestawrata. Ix-xogħol fuq din il-kappella ma kienx jikkonsisti f’restawr tal-bini tal-kappella biss iżda wkoll f’riabilitazzjoni tad-dawra tal-knisja. Dan ix-xogħol inkluda l-pavimentar mill-ġdid taz-zuntier, it-tiswija tal-ħitan tad-dawra u xogħol relatat mal-aperturi.

Fil-proġett ta’ restawr, li sar wara talba tal-Kappillan lill-awtoritajiet u b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali, reġgħet ingħatat lura l-forma oriġinali tal-kappella, kif ukoll tneħħiet il-binja miżjuda fil-ħamsinijiet. Fis-snin 50 kienu saru xogħlijiet strutturali fil-kappella billi din ingħaqdet mas-sagristija biex ikun hemm iktar post għall-komunitÓ tal-Imtarfa. Inbniet sagristija oħra zgħira magħha. Dan bidel għal kollox il-forma oriġinali tal-knisja. Ir-restawr li sar riċenti reġa’ ġab l-istruttura għall-forma oriġinali tagħha.

Il-kappella kellha wkoll problemi ta’ umdita peress li t-trejqa ta’ mal-ġenb maż-żmien għoliet fil-livell, u spiċċat iktar 'il fuq mill-livell intern tal-kappella.  Għaldaqstant, intervent ieħor importanti kien li jinħadem gandott man-naħa tal-apside f’livell iktar baxx.

Sar ir-restawr minn ġewwa kif ukoll minn barra tal-kappella, fejn internament reġgħu inkixfu l-kuluri oriġinali tagħha. Ġie rranġat ukoll id-deffun tal-bejt biex jiġi eliminat kull dħul ta’ ilma minn ġol-kontrabejt. Saret sistema tal-elettriku ġdida u sar mill-ġdid il-paviment b’ċangatura tradizzjonali.

Il-knisja llum

Il-knisja issa reġgħet bdiet tintuża għall-adorazzjoni tas-Sagrament espost u bħala lok ta' riflessjoni. Fl-2008 kienet ukoll intramat b-mod sabiħ ħafna b'mejda tal-Appostli fi żmien ir-Randan.

Il-parroċċa tal-Imtarfa hija ddedikata 'l Santa Luċija. Iżda l-festa ta' din il-qaddisa ssir fi knisja l-oħra l-moderna, iddedikata wkoll 'l Santa Luċija, u li llum qed isservi bħala l-parroċċa tal-lokal. Ħasra li mid-dehra ma jsir xejn bħala festa fil-kappella l-antika li qabel ma telqu l-Ingliżi kienet taqdi hi l-ħtiġijiet pastorali tan-nies tal-inħawi.

Kitba ta' Noel Ciantar
Ritratti ta' Tony Bonello, David Grima, Fr. Jonathan Farrugia, John Farrugia  u Reyden Mizzi

Ritratt - David Grima
Ritratt - David Grima
Ritratt - Tony Bonello
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - John Farrugia      IMG_4065

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017