KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-kappella ta’ Santa Ċeċilja
~ Għajnsielem, Għawdex ~

Taraha żgur. Ma tistax ma tagħtix kasha. Taraha sew jekk tasal Għawdex bil-baħar kif ukoll jekk kont tasal bil-ħelikopter meta dan kien għadu jagħti servizz.  Jekk kont tasal b’dan l-aħħar mezz modern ta’ trasport inti u nieżel Għawdex tgħaddi kważi kważi tmiss mas-saqaf tagħha.

Tinsab sewwa sew fi Sqaq il-Merkant, illum magħrufa bħala Trejqet il-Ħeliport, inti u ħiereġ mill-ħeliport tkun fuq il-lemin tiegħek. Jekk tasal bil-baħar, inti u tiela’ mill-Imġarr tkun fuq ix-xellug tiegħek, kważi faċċata tal-istabiliment Gozo Heritage. Aktarx li ma tarahiex mall-ewwel daqqa ta’ għajn. Faċilment tista’ taħsibha kamra imdaqsa f’għalqa. Ħdejha jiddominaha, u għahekk parzjalment ineħħi l-attenzjoni minn fuqha, hemm it-torri ta’ Santa Ċilja mibni fl-1613.

 

Ritratt - Caroline Busuttil


Iżda dik il-kamra mhix għajr il-kappella ta’ Santa Ċeċilja — l-eqdem kappella li għadha wieqfa f’Għawdex fl-istat oriġinali tagħha.

Il-bidu tal-kappella

Santa Ċeċilja hi qaddisa li qajla nafu dwarha.  Il-kult lejha beda f’Ruma fis-seklu ħamsa meta nbniet kappella f’ġieħa. Il-kult inxtered bħal leħħa ta’ berqa, l-iktar minħabba r-rakkont tat-tbatijiet kbar li minnhom għaddiet, rakkont li kien ġie msejjaħ Il-Passjoni ta’ Santa Ċeċilja. F’dan ir-rakkont, li mhux awtentiku, Santa Ċeċilja hi eżaltata bħala l-eżempju perfett ta’ mara Nisranija. Ħaddnet il-verġnità u mietet martri għal Kristu. Peress li l-imsemmija passjoni tgħid li kienet tgħaddi ħinha tkanta lil Alla f’qalbha, mis-seklu sittax ‘il quddiem saret il-patruna tal-mużiċisti.

Dwar il-bidu tal-kappella f’Għawdex qajla wkoll nafu. Kienet l-unika ddedikata lil din il-qaddisa li kienet wieqfa fil-gżira. Ma tissemmiex fil-Viżta Appostolika ta’ Mons. Pietru Dusina tal-1575. Wisq probbabli tant kienet fi stat medjokri li lanqas kellha xejn x’jindika li kienet kappella u għalhekk ebda Viżitatur ma nddenja ruħu jagħmlilha żjara. Mhux l-ewwel darba li ġara hekk.

L-ewwel darba li niltaqgħu magħha hi fil-Viżta Pastorali tal-isqof Baldassar Cagliares tal-1615.  Il-kappella kienet reġgħet ħadet il-forma, minħabba l-interess ta’ ċertu Paskal Muscat li kien joqgħod fl-inħawi u li kien ukoll devot kbir ta’ Santa Ċeċilja. Kien qiegħed jieħu ħsiebha kemm seta’ fil-faqar tiegħu u kien ukoll qiegħed iħallas qassis biex nhar il-festa, li taħbat fit-22 ta’ Novembru, jagħmel quddiesa fil-kappella (Cf Arkivju Episkopali ta’ Għawdex (AEG), Visitatio Pastoralis (1615) 40r).

Kellha altar tal-ġebel u mal-ħajt kien hemm imdendel kurċifiss. Xejn iktar. Kellha wkoll bibien tal-injam, iżda dawn kienu bla serratura u għalhekk kulħadd seta’ jidħol fiha x’ħin ifettilu. Intweriet ix-xewqa lill-benefattur tal-kappella ħalli jagħmel mill-aħjar li jista’ biex jipprovdi xi ħaġa ħalli l-ewwelnett, isiru xi tiswijiet meħtiega fl-istruttura; it-tieni, biex issir serratura ħalli l-bibien jinżammu magħluqa u t-tielet, biex jipprovdi l-affarijiet meħtieġa għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Sakemm jagħmel dan kollu, ma kelliex terġa ssir quddiesa ġewwa.

Titjib il-qagħdha tagħha

Fl-1613, il-Kmandant tal-Artillerija tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, Bernardo Macedonia bena torri maġenb il-kappella. Minkejja li għaddew mijiet ta’ snin, l-arma tiegħu għadha tiddomina sal-lum fuq il-bieb li jħares lejn nofsinhar. It-torri issejjaħ ta’ Santa Ċilja minħabba l-kappella għax Ċilja mhix għajr il-kelma proprja bil-Malti għal Santa Ċeċilja. Iktar ‘il quddiem minħabba dan it-torri sar possibli li jwasslu messaġġ minn nofsinhar ta’ Għawdex sat-tramuntana tal-gżira fi ftit minuti. Infatti minn fuq il-bejt ta’ dan it-torri tidher tajjeb it-Trunċiera ta’ Vendôme fil-bajja tar-Ramla u t-Torri ta’ Mġarr ix-Xini. Minn Mġarr ix-Xini setgħu imbagħad jikkomunikaw ma’ Kemmuna.

Kien aktarx il-bini ta’ dan it-torri li ta ħajja ġdida lill-kappella. Meta l-Isqof reġa żarha fl-1630 (cf AEG, VP (1630) 42v) sabha fil-fatt f’qagħdha tajba ħafna. Minħabba l-interess kontinwu ta’ Paskal Muscat, il-kappella żdidulha d-devoti u allura l-benefatturi. L-altar, li hu deskritt bħala antik ħafna, kellu terħa ħamra fuqu u kien hemm ukoll il-gandlieri u affarijiet oħra. Mill-istess Viżta nafu wkoll li quddiem il-kappella kien hemm zuntier li fih kienu jindifnu xi devoti. Ġorġ Farrugia, il-prokuratur tal-knejjes tal-kampanja, kellu jaħseb biex jixtri kurċifiss u lampier u jara l-bieb jingħalaq sew bis-serratura.

Sas-sena 1635, Paskal Muscat milli jidher kien miet. Minkejja li kien ħalla lill-kappella renta ta’ sitt irbiegħi fis-sena biex tiġi ċċelebrata l-festa (cf AEG, VP (1635) 12v), miegħu mietet ukoll kull tama li l-kappella terġa’ tieħu r-ruħ. Fl-1635, il-kappella nstabet fi stat ħażin u baqgħet sejra dejjem lura. Meta l-Isqof żarha mill-ġdid fl-1644 tant sabha f’kundizzjoni imwegħra li ma kellu xejn x’jagħmel għajr li jiprofanaha. Jiġifieri fiha ma setgħux isiru iktar ċerimoniji reliġjużi.

Kappella sempliċi

Minkejja li ilha numru daqstant kbir ta’ snin li kienet ipprofanata, il-kappella kienet għadha wieqfa, sa ftit ta’ żmien ilu. Il-binja, tneħħi s-saqaf kemmxejn imżerżaq tagħha, għandha forma kubika mill-iktar sempliċi. Sempliċi wkoll, iżda proporzjonata ħafna hija l-faċċata, li għandha bieb rettangulari u baxx sormontat minn tieqa żgħira rettangulari wkoll. Biex tidħol ġewwa wieħed irid jinżel tliet tarġiet, kif kienu jinbnew il-knejjes tal-epoka.

 

Ritratt - Caroline Busuttil


L-intern tal-knisja, mas-seba’ metri kwadri, hu mqassam f’erba’ ndani bi tliet arkati li jispiċċaw kemmxejn ippuntati u ħerġin minn mal-ħajt.  Wara r-restawr riċenti u tindif ta’ dawn l-arkati instab li fuqhom hemm imnaqqxin għadd ta’ figuri ta’ bastimenti bil-qlugħ u anke tal-qdif li probabilment huma forma ta’ ex-voto.  Iżda hemm ukoll graffiti oħra aktar riċenti bħal dak li evidentament uża l-knisja biex jistkenn minn xi maltempata bix-xita (“vi ringrazzio il posto secco”).

Il-faċċata u ħajt ieħor tagħha huma mibnija minn ġebel minġur poġġut pulit waħda fuq l-oħra. Iż-żewġ ħitan l-oħra huma mibnija b’ġebel mhux minġur, bħal tal-ħitan tas-sejjieħ, u mqiegħed f’postu bit-tajn. Fuq il-ħajt li jħares lejn il-bieb hemm tieqa rettangulari oħra biex jidħol kemmxejn dawl fil-kappella. Ta’ min jinnonta li b-bieb prinċipali mhux qiegħed eżatt fin-nofs tal-faċċata.

Il-kappella tixhed li kienet imtella’ minn bennej tajjeb, iktar milli minn arkitett imħarreġ.
Fuq in-naħa ta' wara hemm kamra żgħira li mid-dehra kienet tintuża bħala sagristija. Jidher ukoll li din il-kamra nbiet xi żmien wara li nbniet il-kappella nnifisha, x'aktarx biex taqdi l-ħtiġijiet ta' min kien imur iqaddes fiha xi ftit aktarx. Din il-kamra wkoll qed tiġi irrestawrata.

Il-kappella nnifisha hi eżempju perfett ta’ sempliċità medjevali u l-unika knisja tal-epoka tagħha li għad fada fil-gżira t’Għawdex.   Dan iżid sew fil-valur storiku ta’ din il-binja. 
 

Rene Sacco - Santa Cecilja Ghajnsielem


Għeluq

Din il-kappella, ftit ta’ snin ilu, ġiet maħruqa kompletament minn xi vandali, u wara, bil-maltemp iġġarfet parti minnha. Dan huwa huwa att kbir ta’ għajb u ta’ mistħijja.

Iżda bi pjaċir ninnotaw li azzjoni ttieħdet malajr u r-restawr fuq din il-kappella beda u issa tlesta.  Wieħed iżda ma jistgħax ma jistaqsix għaliex din il-kappella kellha tasal f'dan l-istat tal-biki qabel ma xi ħadd induna u ċċaqlaq biex jibda r-restawr. Aktar ma oġġett jitħalla jitmermer, aktar tkun diffiċli u għali r-restawr tiegħu. Nittamaw li tittieħed tagħlima minn dan il-każ u l-interventi jibdew isiru f'waqthom.Front_Cover_300

Nota Editorjali

Jikkumplimenta r-restawr ta’ din il-kappella u l-ftuħ mill-ġdid tagħha fl-2012, kien inħareġ ktejjeb mimli nformazzjoni, disinji, ritratti professjonali u annotamenti bl-isem “The Church of St. Cecilia on the Island of Gozo”.  L-awtur hu l-perit Dr. David Mallia waqt li l-fotografu u disinjatur tal-ktejjeb hu s-Sur Daniel Cilia.  Dan hu ktejjeb ta’ livell tassew għoli minn kull aspett u ta’ min jixtrieħ.

Kitba ta’ Fr. Joseph Bezzina
Pittura ta’ Rene Sacco
Ritratti ta’ Caroline Busuttil u Carmelo Zammit Pulo

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Carmelo Zammit Pulo - Ghajnsielem - Santa Cecilja
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com