KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busittil

Santa Marija ta’ Ċeppuna
~ Marsa ~

Bejn il-Marsa u Ħal Qormi, hemm il-Marsa Sports Club u f’dik in-naħa ta’ bejn il-korsa tal-golf u dik tal-ground tal-cricket hemm kappella żgħira ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta’ Santa Marija, magħrufa man-nies li jmorru l-Marsa Sports Club bħala Ta’ Ċeppuna.

Il-knisja

Ħafna mill-knejjes rurali kienu ta’ daqs modest u l-kappella ta’ Santa Marija hi kkunsidrata bħala żgħira meta mqabbla ma’ kappelli oħrajn. Hi tinsab f’post kwiet u ta’ ġmiel li jsaħħrek.  Jekk tħares lejha minn quddiem, tista' tara l-villaġġ ta’ Ħal Luqa u l-ex Power Station tal-Marsa u magħhom il-ħdura u l-għoljiet ta’ madwarhom.

Din il-knisja, għalkemm żgħira, għandha wkoll l-istorja tagħha.  Minn żmien ilu din il-kappella kienet magħrufa bl-isem qasir Ta’ Ċeppuna, għal post li tinsab mibnija fih. L-imsemmi storiku Annibale Preca jgħid li l-kelma ‘Ċeppuna’ tfisser ‘xi ħaġa moħbija fid-dlam’.
 

Ritratt - Caroline Busittil

 

Il-kappella, skont il-Kommendatur Ġian Franġisk Abela fid-Descrizione di Malta, jgħid li kienet diġą  mibnija fl-1489, waqt li Achilles Ferres fil-ktieb tiegħu ‘Descrizione Storica delle Chiese di Malta e Gozo’ jirreferi għal din il-kappella bħala antika ħafna u li nbniet madwar l-1500. Aktarx li nbniet mill-kaċċaturi li kienu jiffrekwentaw dawk l-inħawi, peress li dak iż-żmien il-Marsa Sports Club kienet biċċa art tajba ħafna għal kaċċa.

L-għamla tal-kappella

Is-saqaf tal-kappella jistrieħ fuq tliet arkati, u bejn kull arkata hemm tliet ringieli ta’ xorok li jiffurmaw is-saqaf. Il-paviment tal-art hu magħmul minn ċangaturi kbar, li hu l-metodu ta’ ċangaturi li kienu jużaw f’dawk iż-żminijiet.

Fil-kappella hemm altar wieħed biss li hu magħmul mill-ġebla tal-franka. Dan qiegħed merfugħ tarġa waħda mill-art.  Karattru ieħor tal-altar kienet il-bradella ta’ fuq l-altar li sfortunatament matul iż-żminijiet kienet tħassret u ma baqgħetx iktar teżisti.

Minn ritratti ta’ din il-kappella naraw li mal-ħajt tal-altar kien hemm il-kwadru titulari ddedikat lil Santa Marija. Dawk li jiftakruh jgħidu li kien tassew sagru u artistiku. Dan il-kwadru titulari kien jirrappreżenta lil Santa Marija, lil San Pawl, lil San Ġwann Battista u lil San Nikola ta’ Bari, flimkien ma’ żewġ putti. Illum hemm riproduzzjoni tiegħu. (Ara wkoll nota editorjali aktar ‘l isfel).

Il-korp tal-Gran Mastru f’din il-knisja

Episodju partikulari fl-istorja ta’ din il-kappella hu relatat ma’ l-ewwel Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, Filippe Villiers de L-Isle Adam, li miet fit-23 ta’ Awwissu 1534 fil-kunvent ta’ Santa Marija di Ġesł, barra mill-ħitan tal-Imdina.

Minn hemm ħaduh lejn il-Birgu, minn fejn kienu jamministar il-Kavallieri qabel ma bnew il-Belt Valletta. Iżda huma u sejrin bih qiegħdu l-ġisem mejjet mistrieħ matul il-lejl f’din il-kappella ta’ Santa Marija ta’ Ċeppuna fil-Marsa.  Imbagħad minn hemm ħaduh lejn ta’ Ċelju, fejn qegħduh fuq barkun u ħaduh lejn il-Birgu bil-baħar.  Dan hu kapitlu ieħor storiku li din il-kappella għandha; ġrajjiet ta’ valur storiku li ma għandhomx jintesew jew ikunu qatt abbandunati.

Waħda mill-Viżti Pastorali seħħet fl-1575 meta Monsinjur Pietro Dusina, li kien delegat u viżitatur appostoliku, żar din il-kappella. Hu kien irrefera għaliha fir-rapport tiegħu bħala Chiesa Della Beata Vergine Assunta detta di Ceppuna nel Territorio Marsa.   Dan ifisser li l-laqam “Ta’ Ċeppuna” mhux xi laqam mogħti riċentament iżda laqam li l-knisja kienet iġġor magħha sa mill-eqdem żminijiet tal-eżistenza tagħha.
 

Ritratt - Caroline Busittil

 

Il-jedd tal-art li fuqha tinsab il-kappella

L-art li fuqha tinsab il-kappella ta’ Ċeppuna għaddiet minn żminijiet antiki minn bosta jdejn permezz ta’ xiri, ta’ ċens jew ta’ kera jew wirt. L-għotja tagħha kienet saret fl-1440 mir-Re Alfonso ta’ Spanja lil Pietro Busco bħala premju għas-servizz militari tiegħu. Iżda meta miet il-gwerrier Busco, l-artijiet reġgħu marru għand il-Kuruna Spanjola.

Fl-1469, ir-Re ta bħala favur l-artijiet lil Giovanni de Nava, ereditarju Kastellan ta’ Alcade tal-Kastel ta’ Sant’ Anġlu, u fl-istess ħin ikkonferma t-titlu tan-nobbilta tiegħu bħala l-Baruni tal-Marsa.

Il-Kommendatur Gian Franġisk Abela fil-ktieb tiegħu Descrizione di Malta e Gozo Isole nel Mare Siciliano, Malta 1657, jgħid li din il-knisja diġą kienet teżisti fl-1489. F’dan iż-żmien l-artijiet tal-Marsa kienu jiffurmaw parti mill-fewdu li kien ta’ Giovanni de Nava u l-werrieta tiegħu.

Qabel, din l-art kienet tifforma parti mportanti tal-fewdu li kien għadda minn idejn ta’ ħafna ismijiet, bħal dak ta’ Petrus Gonzolves Le Rua, li minnu kienet ikkonfiskata fit-8 ta’ Settembru tal-1452. Imbagħad l-art kienet ingħatat lil Didacus Grayera.  Il-familja De Nava kellha d-dritt għall-artijiet tad-Duka Monteleone Pignatelli meta telqu mill-gżira ta’ Malta ftit wara l-wasla tal-kavallieri ta’ San Ġwann. Dan tal-aħħar ħalla l-art favur il-Gran Mastru Jean De La Cassiere u s-suċċessuri tiegħu.

Fi żmien l-aħħar Gwerra Dinjija

Fi żmien l-aħħar gwerra dijija l-lokal kollu tal-Marsa Sports Club kien taħt idejn l-Ingliżi u għalhekk sofra ukoll minn xi attakki mill-ajru.  Matul din il-gwerra din il-kappella ġiet milquta mill-bombi tal-għadu u ġġarfet, iżda ftit wara reġgħet inbniet.

Din inbniet fuq l-istess perdament tal-qadima, u fuq l-istess stil kif kienet mibnija qabel.

Restawr

Matul is-snin kemm it-temp kif ukoll elementi oħra għamlu ħafna ħsara lill-bini tal-kappella u kienu biss il-Marsa Sports Club li ħadu ħsieb jagħmlu manutenzjoni fejn meħtieġ u żammewha 'l bogħod mill-vandaliżmu ta’ xi nies irresponsabbli. Iżda għal xi żmien din il-kappella kienet ġiet minsija, mitluqa u abbandunata, u f’dan il-perjodu saritilha ħafna ħsara.

Din il-kappella ġiet irrestawrata mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.  Dan ix-xogħol ta’ restawr beda fl-10 ta’ Mejju 2006, u ntemm fl-1 ta’ Awwissu tal-istess sena.  Fit-28 ta’ Diċembru ġiet imbierka minn Patri Manwel Abela, ex-Kappillan tal-Parroċċa tas-Santissma Trinitą.

Fost ix-xogħlijiet li saru f’din il-knisja inkesa s-saqaf minbarra u ġie mogħti l-qatran (membrane). Sar paviment ġdid taċ-ċangatura, ġiet imwaqqa' kamra li kienet qegħda tkerraħ l-ambjent ta’ madwar il-knisja, ġie estiż iz-zuntir għall-wisgħa tal-faċċata tal-kappella u ġie restawrat il-bieb ta’ barra eżistenti. Saru wkoll apertura ta’ tieqa ġdida u t-tneħħija ta’ metall imdaħħal ġol-ħitan. Sar ukoll tindif u tneħħija ta’ ħaxix ħażin mad-dawra kollha tal-knisja

Dan ix-xogħol kollu ta’ restawr ġie jiswa' mal-€17,500. Il-fondi għal dan ir-restawr ingħataw mill-Bank HSBC, u minn xi ditti oħrajn.

Għeluq

Issa dan il-maqdes jinsab f’kundizzjoni tajba ħafna, u grazzi għar-rettur ħabrieki ta’ din il-kappella, fiħ ukoll saru xi funzjonijiet reliġjużi. Wieħed issa jrid jibża’ għalih għax dan huwa parti mill-patrimonju Malti, il-patrimonju tagħna l-Maltin kollha u mhux tal-Marsin biss.

Il-knisja qed tkun miftuħa għall-quddies xi ġranet matul il-ġimgħa.


Walter Glynn - mill-InternetNota Editorjali

L-ewwel nett nixtiequ nirringrazzjaw lis-Sur Walter Glynn talli qagħad idawwarna mal-kappella u tal-informazzjoni li tana fuqha biex stajna nibnu din il-kitba.  Sfortunatament is-Sur Glynn miet ftit taż-żmien ilu.  Iżda laħaq ukoll tana intervista għall-programm tar-radju “mat-Tokki ta’ Qniepen Żgħar”, liema intervista tistgħu tisimgħuha hawn.

It-tieni, minn informazzjoni li għandna il-"kwardu" li hemm illum hu riproduzzjoni fotografika relattivament riċenti. Dan naħsbu li hu tassew mod eċċellenti kif wieħed iħares l-oriġinal u fl-istess waqt iżomm l-ispirtu tal-ambjent storiku tal-wirt kulturali tagħna kif aċċennajna fil-każ ta’ kappelli oħra fejn intagħżlet din it-triq. Iżda sfortunatament ħadd ma seta' jgħidilna fejn l-oriġinali attwalment hu ppreservat. Tkun ħasra jekk dan il-kwadru oriġinali ma jkunx possibli li jiġi eżaminat u studjat minn esperti u mgawdi mill-pubbliku għal xi raġuni jew oħra li għaliha tibqa' ma tinstabx spjegazzjoni xierqa.

Kitba ta’ Roderick Busuttil fuq tagħrif mgħoddi minn Walter Glynn
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Anthon M. Brincat u mill-Internet

Marsa Sports Grounds - Hajt antik ta' zmien il-kavallieri - Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busittil
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Caroline Busittil  - Il-Bieb Originali
Ritratt - Caroline Busittil
Ritratt - Caroline Busittil
Ritratt - Caroline Busittil
Ritratt - Anthony M. Brincat
Marsa Sports Grounds - Ritratt -  Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017