KappelliMaltinTitleBanner
Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

WEB_AKG_C451B

WEB_pxa_microphone

WEB_SennMicrophone

Mat-Tokki ta’ Qniepen Żgħar
Skeda Numru 2

It-Tieni Skeda - Xitwa 2007 - 2008

Programm

Intervista

Noti fuq is-suġġett

Programm
Numru 1
13/01/2008
(minflok
07/01/08)

Alfie Guillaumier

220pxa_microphone

Hu l-awtur tal-kotba “Bliet u Rħula Maltin”, kotba li jagħtu nformazzjoni estensiva dwar l-ibliet u rħula li nsibu f’Malta u dak kollu li nsibu fihom. F’din l-intervista naraw kif Alfie ddeċieda li jibda' jikteb dan il-ktieb u kif maż-żmien kompla żied mal-oriġinali, proċess li għadu sejjer bih sal-lum. Naraw kif jiġbor l-informazzjoni u kif irnexxilu jiġbor tant informazzjoni dwar it-teżori li nsibu f’pajjiżna. Ma jonqosx aċċenn partikolari fuq il-kappelli li fil-kotba tiegħu isemmihom u naraw x’għandu x’jgħidilna fuqhom.
 

Programm
Numru 2
14/01/2008

Mario Coleiro

220pxa_microphone

Storiku li żgur m’għandu bżonn l-ebda ntroduzzjoni minħabba li narawh ta’ spiss fuq it-televiżjoni fi programmi ta’ kultura u informazzjoni fuq il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Awtur ukoll ta’ diversi artikli relatati mal-istorja ta’ pajjiżna. Għena ukoll f’dan il-proġett billi għaddielna xi kitbiet fuq il-kappelli. Mario jaħdem ma' Heritage Malta, u f’din l-intervista ikellimna fuq il-Kappella ta’ San Pawl Milqi li nsibu f’Burmarrad. Din il-kappella li hi f’idejn Heritage Malta, hija mportanti ħafna kemm minħabba li skont it-tradizzjoni kien propju hemm fejn San Pawl iltaqa' ma' Publju, u fejjaqlu lil missieru. Hija mportanti ukoll għax fis-snin tmenin saru skavi madwar u taħt il-kappella u nstabu fdalijiet ta’ Villa Rumana kbira.

Programm
Numru 3
21/01/2008

Dr. Joseph Borg
(Intervista: l-ewwel parti)

220pxa_microphone

Dr. Joseph Borg hu konsulent u espert fil-qasam agrikolu u landscaping. Din hi l-ewwel intervista minn tnejn li għamilnilu għal dan il-programm. Hu jeħodna dawra mal-widien tant sbieħ li għandna f'Malta u jsemmi l-kappelli li nsibu fihom. Ma jonqosx li jissemmew xi leġġendi u stejjer marbutin mal-kappelli tal-widien. Bħal kull min iħobb u japprezza l-wirt naturali u storiku tagħna, jagħmel appell biex nibżgħu għal dak li għandna. It-tieni parti tal-intervista tkompli fil-programm tal-ġimgħa d-dieħla.

 

Programm
Numru 4
28/01/2008

Dr. Joseph Borg
(Intervista: it-tieni parti)

220pxa_microphone

Dr. Joseph Borg hu konsulent u espert fil-qasam agrikolu u landscaping. Din hi t-tieni intervista li għamilnilu, fejn ikompli fejn ħalla l-ġimgħa l-oħra. Nerġgħu immorru passiġata mal-widien tant sbieħ li għandna f'Malta u jsemmi l-kappelli li nsibu fihom. Ma jonqosx li jissemmew xi leġġendi u stejjer marbutin mal-kappelli tal-widien. Bħal kull min iħobb u japprezza l-wirt naturali u storiku tagħna, jagħmel appell biex nibżgħu għal dak li għandna. F’dan is-sit taħt is-sezzjoni \Artikli\kitbiet hemm artiklu tiegħu li jittratta l-istess suġġett.

 

Programm
Numru 5
04/02/2008

Guido Lanfranco

220pxa_microphone

 

Guido Lanfranco huwa ex-għalliem tax-xjenza kif ukoll kittieb ta’ diversi kotba fuq folklor u tradizzjonijiet Maltin. Magħruf ukoll għall-kotba tiegħu fuq in-natura u l-pjanti (flora u fawna) li nsibu fil-gżejjer tagħna. Din hija t-tieni ntervista li għamilnilu, wara li fl-ewwel skeda kien kellimna fuq il-leġġendi assoċċjati mal-kappelli. F'din l-intervista ser jitkellem dwar il-festi fil-kappelli u knejjes żgħar. Jissemmew tradizzjonijiet li m'għadhomx isiru, kif ukoll ħwejjeġ li għadna narawhom fil-festi tagħna sal-lum. F’dan is-sit taħt is-sezzjoni  \Artikli\kitbiet  hemm artiklu dwar l-istorja tan-"Non gode l-immunita ecclesia" li nsibu mal-faċċata ta' ħafna kappelli.
 

Programm
Numru 6
11/02/2008

Dr. Mario Rizzo Naudi

220pxa_microphone

 

Kustodju tal-Kappella ta’ Santa Luċija f'Tal-Barrani fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq. F’din l-intervista l-kustodju ta’ din il-kappella antika jagħtina nformazzjoni rigward l-oriġini tagħha, kif ukoll fuq ix-xogħol kbir ta’ restawr li sar fiha. Fil-fatt jispjegalna fid-dettal il-proċess ta’ restawr li sar f’din il-kappella, biex minn kappella li kienet tinsab fi stat t’abbandun totali, issa ġiet mibdula għal kollox. Jagħtina ukoll informazzjoni ta’ x’instab matul ir-restawr, u l-attivitajiet li issa qegħdin isiru fiha. Ta' min isemmi li Dr. Rizzo Naudi, qed jaħdem fuq ktieb li jillustra ix-xogħol kollu ta' restawr li sar fuq din il-kappella. Wieħed jawgura li dan il-ktieb jiġi ppubblikat fil-futur qarib għax għandu jinżel għasel ma' min hu dilettant tal-kappelli.
 

Programm
Numru 7
24/02/2008

Joe Schiro

220pxa_microphone



Kartografu, minn Heritage Malta. Ħafna drabi meta nsemmu l-proċess ta’ restawr aktar naħsbu fuq ix-xogħol li jsir fuq il-ġebel u l-istruttura tal-bini li jkun qiegħed jiġi restawrat. Iżda ta’ min ifakkar li hemm ukoll proċessi ta’ restawr li jsiru fuq tessuti, kartaglorja, missali, pitturi u ħwejjeġ oħra li nsibu fil-kappella. F’din l-intervista l-kelliem jidħol fid-dettal fuq oġġetti l-aktar tessuti li nsibu fil-knejjes tagħna. Naraw il-ħwejjeġ li jistgħu jagħmlu ħsara lil dawn l-affarjiet u kif wieħed għandu jirrestawrahom u jippreservahom. Ma jonqosx li jingħata l-parir mingħand dan l-espert li jekk ma jkunx hemm ir-riżorsi u l-finanzi biex oġġett jiġi rrestawrat kif suppost aħjar jitħalla kif ikun milli jsir xogħol mhux professjonali għax hekk l-oġġett ikun qed issir aktar ħsara milli ġid.
 

Programm
Numru 8
02/03/2008

Vincent Zammit

220pxa_microphone






Vincent Zammit hu għalliem u storiku li narawħ ta' spiss fuq programmi televiżivi li għandhom x'jaqsmu ma' l-istorja ta' pajjiżna. F'din l-intervista ser niffokaw fuq l-arkittetura tal-kappelli, kif dawn żvilluppaw maż-żmien. Nibdew billi nagħtu ħarsa lejn l-għerien li kienu l-ewwel postijiet ta' kult fejn il-Maltin kienu jitolbu. Hawnhekk jissemmew kappelli bħal dik tal-Madonna tal-Mensija, fejn sal-lum għadna nistgħu naraw l-għar taħt il-kappella. Imbagħad tingħata ħarsa lejn l-iżvilupp tal-kappelli minn dawk sempliċi bħal ta' San Mikiel is-Sancir fil-limiti tar-Rabat għal dawk iktar elaborati bħas-Santwarji tant devoti. F'din l-intervista Vincent isemmi diversi kappelli li hawn imxerdin mal-gżejjer tagħna, biex jiddistingwi bejn l-istil tagħhom. Ma jonqosx li jagħmel appell li dawk il-kappelli li gew irrestawrati għandhom jibdew jinfetħu, anki għall-anqas darba f'xahar, biex b'hekk ix-xogħol li jkun sar ikun jista' jitgawda minn-nies, u l-kappella ma tergax taqa' f'abbandun.
 

Programm
Numru 9
09/03/2008

Joseph Muscat

220pxa_microphone

Studjuż marittimu li kiteb ukoll kotba fuq kwadri tal-wegħda jew kif nafuhom aħjar "Ex-Voto". Kiteb ukoll kif ukoll fuq il-graffiti. F'din l-intervista jispjega fid-dettall x'inhuma l-graffiti, li huma wkoll tip ta' Ex-Voto. Naraw x'tipi ta' graffiti nsibu, fejn insibuhom, u l-importanza tagħhom. Jissemmew aspetti oħra interessanti fuq dan is-suġġett li juri d-devozzjoni kbira li kellu minn dejjem il-poplu Malti u Għawdxi lejn Alla, il-Madonna u l-qaddisin.

 

Programm
Numru 10
16/03/2008

Walter Glynn

220pxa_microphone

Walter Glynn - F'din l-intervista niltaqgħu ma' Walter Glynn, li hu l-kuratur tal-Kappella ta' Santa Marija ta' Ċeppuna li tinsab fil-Marsa Sports Club. Hu jirrakontalna kif kien iltaqa' ma' din il-kappella peress li kien membru tal-Malta Sports Club. Dak iż-żmien kienet tinstab fi stat ta' telqa kbira. Bl-interess tiegħu irnexxilu li jinbeda' ir-restawr tagħha. Jagħtina deskrizzjoni tax-xogħol li sar fiha kif ukoll xi ħaġa fuq l-istorja tagħha. Sfortunatament, illum Walter m’għadux magħna.

 

Programm
Numru 11
23/03/2008

Anthony M. Brincat

220pxa_microphone

Kontributur regolari għas-sit tagħna. Anthony ser ikellimna fuq kif wieħed għandu japrezza l-wirt arkitettoniku li nsibu f'dawn il-kappelli. Hu jitkellem ukoll fuq il-ktieb li qed iħejji għall-pubblikazzjoni ukoll fuq is-suġġett tal-kappelli.




 

Programm
Numru 12
24/03/2008

Lino Bugeja

220pxa_microphone


Storiku mill-Birgu li għamel ħafna riċerka u kiteb ħafna fuq l-istorja ta' din il-Belt. Fost il-kitbiet tiegħu jispikka l-ktieb "Birgu - A Maltese Maritime City" li fih kien ko-awtur ma' Dr. Mario Buhagiar u Dr. Stanley Fiorini. Huwa wkoll il-President tal-Malta Ramblers Society. F'din l-intervista ser jeħodna dawra mal-Kappelli interessanti li hemm fil-Birgu. Jispjegalna kif il-Castrum Maris (jew il-Kastell Sant'Anġlu) kien il-post fejn inbniet waħda mill-eqdem kappelli li għandna dokumentazzjoni fuqha f'Malta, lura għat-tlettax il-seklu. Ma jonqosx li jissemmew id-diversi kappelli u knejjes li nsibu fil-Birgu, kif ukoll jagħtina informazzjoni fuq xi kappelli li llum m'għadhomx jeżistu.

 

Programm
Numru 13
31/03/2008

ALPS

220pxa_microphone

Intervista ma' ufficjali tal-"Association for Lyceum Past Students" (ALPS) li jieħdu ħsieb il-Kappella ta’ Sant’ Anna li hemm fil-Pwales, fil-limiti tax-Xemxija. Fl-intervista naraw l-attivitajiet li jsiru f’din il-kappella, u kif din l-assoċjazzjoni ħadet f’idejha din il-kappella. Ma jonqosx li fl-aħħar tal-intervista li tissemma l-Maratona tar-Roti li ssir fil-Liceo tal-Ħamrun kull sena.


 

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017