KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Roderick Busuttil

Il-knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu
~ Iklin - limiti ta’ Ħal Lija ~

Il-Knisja ddedikata lil San Mikiel Arkanġlu tinsab f’nofs it-telgħa għas-Simblija fl-inħawi tal-Iklin. Hi tinsab biswit il-kumpless tal-kamra tan-nar ta’ San Mikiel ta’ Ħal Lija, li ta’ kull sena fil-jiem tal-festa tas-Salvatur tagħtina spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar tal-ajru li jiġbed nies minn kull parti ta’ Malta.

Oriġini

Ma nafux sewwa sew meta nbniet l-ewwel knisja f’dan il-post. Skont Achillw Ferres din il-knisja hija antika ħafna, izda għalkemm jista’ jkun hekk, huwa ċert li l-Knisja li hemm illum mhux dik oriġinali, għax dik kienet iġġarfett u nbniet mill-ġdid fil-bidu tas-seklu sbatax.

Li nafu żgur hu li fl-1575 kien hemm knisja li tissemma fil-Vista Appostolika ta’ Monsinjur Dusina. Fl-atti ta’ din il-vista, hemm miktub li l-knisja tinsab fl-inħawi magħrufa bħala “li Chili” (“Iklin”), li jagħmel parti minn Ħal Lija. Il-knisja kienet tinsab qalb ir-raba u kienet iddedikata lil San Mikiel Arkanġlu. Monsinjur Dusina sabha fi stat ħazin ħafna: kellha biss altar wieħed, bla paviment, bla bibien u kienet nieqsa minn kollox saħansitra mingħajr qassis li jieħu ħsiebha. Monsinjur Dusina ordna li fil-knisja ma jsirx iktar quddies qabel isirilha bieb tal-injam. In-nies ta’ Ħal Lija naturalment ma riedux li din il-knisja tingħalaq u għalhekk għamlu dak kollu meħtieġ biex il-knisja tibqa’ miftuħa.

 

Ritratt: Roderick Busuttil



Il-Knisja tinbena mill-ġdid

Kif semmejna diga l-knisja ġġarfet, biex imbagħad reġgħet inbniet mill-ġdid fl-1615 bi flus Ġlormu Hagius, minn Ħal Lija li waqqaf ukoll ġuspatonat lajkali. Ġlormu Hagius jissemma’ wkoll bħala sagristan u benefattur tal-knisja. Meta nbniet kienet taqdi l-bżonnijiet pastorali tan-nies li kienu joqogħdu viċin, u aktarx kien isir fiha quddies regolarment.

Il-Knisja minn barra u minn ġewwa

Il-knisja ta’ San Mikiel għandha stil tipiku Malti għaliex l-ewwel knejjes ta’ Malta ta’ din l-epoka kellhom il-forma ta’ kaxxa rettangolari mgħottija b’saqaf troll bil-ħnejjiet; dan forsi minħabba l-ħtiġijiet ta’ dawn il-gżejjer li m’għandomx risorsi ta’ njam. Il-knisja tieħu d-dawl mill-bieb ta’ barra u mill-vilestrun ta’ fuq il-bieb ta’ barra, għax minn ġewwa ma fihiex aperturi oħra.

Din il-knisja hija mdaqqsa meta mqabbla ma' oħrajn tal-istess żmien. Il-knisja tesgħa daqs ħamsin ruh, u hija mdawwra fuq in-naħa t’isfel bil-bankijiet tal-ġebel (“dikkiena”).

Minn ġewwa l-kappella hija mqassma f'żewġ partijiet, parti wiegħsa li fiha joqogħdu n-nies, u parti idjaq li fiha hemm il-presbiterju li huwa wkoll tarġa ogħla mill-bqija tal-knisja. L-ewwel ħaġa li tolqtok f’din il-knisja huwa ċertament dak is-salib il-kbir li hemm mal-ħajt li mid-dehra tiegħu huwa antik ferm. L-art ta’ din il-knisja għadha tal-franka.  Fiha daqsxejn ta’ presbiterju li fuqu hemm l-uniku altar tal-knisja b’pittura, fi gwarniċ tal-ġebel, li turi lil San Mikiel b'xabla f'idejħ u lix-xitan, taħt San Mikiel, marbut f'katina.   Din hija ikonografija li fiha normalment naraw lil-San Mikiel.

Din il-knisja għandha sagristija fin-naħa tal-Epistola li fiha armarju u xi ftit kwadri tal-pittura li huma antikissisimi. Minn ġos-sagristija toħroġ għal-ġnejna żgħira li hemm ma’ din l-knisja.

Barra, quddiem il-bieb tal-knisja, hemm zuntier żgħir, u mal-ħajt tal-knisja hemm żewġ ċipressiet. Minn fuq iz-zuntier tara xena ferm sabiħa ta’ Ħal Lija kollha taħtek.

 

Ritratt: Roderick Busuttil



Il-Manteniment tal-Knisja maż-żmien

Il-knisja kellha x-xorti li kellha bosta renti u għalhekk ma tinsabx żdingata bħal bosta kappelli oħrajn. Fil-fatt il-knisja ddaħħal ir-renti minn ġnien żgħir maġenbha u minn għalqa warajha u artijiet li jidhru f'bosta dokumenti relatati ma' din il-knisja. Kienet tgawdi wkoll mill-qliegħ li kien isir mis-self ta' żewġ kapitali ta' 100 skud il-wieħed. Fil-knisja, gandlieri, vażuni u l-carte di gloria ġew arġentati fl-1852 u kienu ntefqu 23 skud għal dan il-għan. Irridu niftakru li għalkemm 23 skud jiġu madwar żewġ liri Ingliżi, in-nies dak iż-żmien kienu jaqilgħu ferm anqas mil-lum. Fl-1926 ġiet indurata mill-ġdid it-tazza tal-kalċi tal-knisja.
Il-Kamra tan-Nar San Mikiel

Fil-bidu ta' dan is-seklu maġenb il-knisja ta' San Mikiel inbniet il-fabbrika tan-nar, u l-knisja waqgħet f’idejhom. Id-dilettanti tan-nar minn dejjem żammew din il-knisja mill-aħjar li jistgħu u kien bil-ħila tagħhom li baqgħet ma ntelqitx kif ġara lill-knejjes oħra madwar Malta. Illum dak li jkun jista' japprezza s-sbuħija ta' din il-kappella nhar il-Festa tad-Dedikazzjoni ta' San Mikiel li tiġi ċċelebrata il-Ħadd ta' qabel id-29 ta' Settembru, b'quddiesa u programm sħiħ warajha. Fil-fatt hija l-unika gurnata matul s-sena li din il-knisja tinfetaħ.

Il-festa ta’ San Mikiel

Illum, meta nsemmu l-festa ta' San Mikiel, tiġina f'moħħna dik il-festa ħelwa li tiġi ċċelebrata l-Ħadd ta' qabel id-29 ta' Settembru. Forsi ftit nimmaġinaw li sa ftit ilu kienu jiġu ċċelebrati żewġ festi, waħda nhar it-8 ta' Mejju, il-festa tal-Apparizzjoni u oħra nhar id-29 ta' Settembru, il-festa tad-Dedikazzjoni.

Sabiħ li nkunu nafu minn fejn bdew dawn il-festi ddekati lil San Mikiel Arkanġlu. Il-festa tat-8 ta' Mejju hija t-tifkira tad-dehriet ta' San Mikiel fil-Gargano fil-Puglia, fl-Italja. Fil-fatt, San Mikiel deher erba' darbiet b’kollox, tlett darbiet lejn tmiem il-ħames seklu, u l-aħħar darba fl-1656. Il-grotta li fiha deher l-Arkanġlu illum tinsab lejn it-tarf tal-belt żgħira ta' Monte Sant'Angelo, il-muntanja tal-Anġlu. 'Il barra mill-grotta fejn deher San Mikiel insibu il-bażilika antika ħafna li ġiet mibnija bil-mod. Il-festa tad-29 ta' Settembru hija propju il-festa tad-dedikazzjoni ta' din il-bażilika. (Ara l-artiklu fuq San Mikiel Arkanġlu fis-sezzjoni “Qaddisin” għal aktar tagħrif).

F'Ħal Lija fl-aħħar Ħadd ta' Settembru għadha ssir il-Festa tad-Dedikazzjoni. Il-knisja ta’ San Mikiel hija waħda mill-ftit f'Ħal Lija li l-festa tagħha għadha issir bil-kbir, apparti naturalment mil-festa titulari tas-Salvatur. Minn dokumenti li nstabu ġie muri li fl-imgħoddi fil-festa kienu jsiru il-Vespri, filwaqt li nhar kull festa kienet issir quddiesa li tkun kantata, xi drabi saħansitra krew orgni għall-festi.

 

Ritratt: Roderick Busuttil



Sal-lum il-festa għadha tiġi ċċelebrata b'mod ħelu - quddiesa sempliċi tard wara nofs in-nhar fil-knisja, u warajha jkun hemm programm mużikali u fiera. Id-dilettanti tan-nar jieħdu ħsieb li jżejjnu l-faċċata ta’ barra bil-karti u bozoz. Il-knisja tinżamm nadifa, l-altar jiġi mżejjen bil-fjuri biex meta dak in-nhar ta’ San Mikiel jitilgħu l-membri tal-kleru jsibuha lesta.  Naturalment, ma jistax jonqos li l-festa tagħlaq bil-ġigġifogu u nar tal-ajru li tant huma msemmijin għalih tal-kamra tan-nar ta’ Ħal Lija.

Konklużjoni

Din il-knisja waslet għal dawra speċjalment minn ġewwa. Is-siġar taċ-ċipress li hemm quddiemha, għalkemm sbieħ ħafna, qegħdin jgħattu parti kbira mill-faċċata, u wieħed għandu jeżamina l-għeruq tagħhom biex jara hux qed jagħmlu ħsara liz-zuntier u lill-knisja nnifisha.

Sfortunatament din il-knisja tinfetaħ biss darba f’sena għal quddiesa fil-festa ta’ San Mikiel Arkanġlu. Minħabba l-post li qegħda, maġenb il-kamra tan-nar, ma tantx tista’ titgawda ħafna peress li mhux rakkomandat li wieħed joqgħod idur maġenb dawn l-akkwati. Forsi wieħed jista’ jissugerixxi illi din tinfetaħ għal xi drabi oħra matul is-sena b’superviżjoni biex b’hekk iktar nies ikunu jistgħu igawduha.

Kitba: Roderick Busuttil
Ritratti: Roderick Busuttil u Fr. Jonathan Farrugia
 

Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Dettall tat-Titular - Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com