KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tad-Duluri
~ Pietà ~

Int u sejjer lejn il-Belt, qabel titlaq Sa Maison eżattament wara l-klabb tal-boċċi tal-Pietà hemm imrekkna knisja żgħira li għandha storja twila u mportanti x’tirrakonta. Din il-knisja hija ddedikata lill-Madonna tad-Duluri.

L-oriġini tal-knisja

Ftit snin wara li nbniet il-Belt Valletta, wara r-rebħa tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-Assedju l-Kbir tal-1565 kontra t-Torok, fl-1592 f’Malta faqqgħet il-pesta. Sfortunatament din l-mixja spiċċat biex ħadet il-ħajja ta’ ħafna Maltin. Il-mejtin kienu ħafna u dak iż-żmien kienet id-drawwa li l-mejtin jindifnu fil-knejjes jew kappelli. Iżda tant kien hemm nies li mietu li l-knejjes tal-Belt ma kienux biżżejjed, u bdew jidfnu ukoll f’ċimiterju barra s-swar u t-trunċieri.

Qrib dan iċ-ċimiterju kbir tal-pesta nbniet kappella ċkejkna ddedikata lil Santu Rokku, protettur tal-mard infettiv. Dan seħħ lejn l-aħħar tas-seklu sittax, bejn l-1592 u l-1593. Fil-bidu tas-seklu sbatax, ħdejn din il-knisja inbena kunvent żgħir tal-patrijiet Agostinjani, li kien immexxi mill-għaref u qaddis Patri Luca Zingheir. F’dak iz-zmien id-dedika tal-knisja inbidlet għal dik li nafu llum, jiġifieri lill-Madonna tad-Duluri. Billi l-baħar kien qrib ħafna tal-knisja, ħafna iktar milli hu llum, din l-knisja bdiet tissejjaħ “Santa Maria a Mare”.

Fl-1652 il-Papa Innocenz X, bil-kostituzzjoni “Instraurande” li għadda, amar li l-kunventi kollha li kellhom komunità żgħira, kellhom jagħlqu. Minħabba din l-ordni, il-patrijiet Agostinjani li kellhom l-kunvent ftit ‘il bogħod mill-knisja kellhom jitilqu.

 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-knisja ssir Viċi-Paroċċa

Fl-1714 l-Isqof Cannaves ta lil din l-knisja benefizzju “di libera collazione”. In-numru ta’ nies f’dawk l-inħawi żdiedu qatiegħ, tant li fl-1721 in-numru laħaq l-456 ruh. Dawn biex jaqdu l-bżonnijet spiritwali tagħhom kellhom jitilgħu ‘il Belt, fil-knisja ta’ San Pawl Nawrfagu.  Għalhekk bdew isibuha bi tqila biex jimxu dik t-triq kollha u minħabba f’hekk l-Isqof Gori Mancini għamel lill-knisja tad-Duluri viċi-paroċċa fl-1723. L-ewwel viċi-parroku ta’ din il-knisja kien Dun Ġann Battista Saguna.

In-nies tal-inħawi xorta ma kinux kuntenti u talbu lill-isqof biex lil din il-knisja jagħmilha parroċċa, u offrew prebenda, jew għotja ta’ flus, biex il-kapillan ikollu biex jgħix.  Imma din id-darba l-Isqof m’aċċettax u ma laqax it-talba. Mhux talli hekk, talli fl-1740 meta nbniet il-knisja ta’ San Publju fil-Floriana, il-knisja tad-Duluri ma baqgħetx viċi-paroċċa.

Hawnhekk il-knisja ntelqet għal kollox u marret lura, tant li kienet waslet fi stat ħazin ħafna, kważi ser taqa’.

Il-knisja terġa’ tinbena

Il-kjeriku Ġużeppi Spiteri  talab permess biex jieħu l-knisja f’idejh u jerġa’ jibniha mill-ġdid minħabba l-istat diżastruż li kienet tinsab fih. Fit-12 t’Ottubru tal-1757 l-Isqof Alpheran de Bussan aċċetta din it-talba bil-patt li ssir “benefizzju lajkali”.

Benefattur kbir ta’ din il-knisja kien il-Kavallier Wolfgang Filippu van Guttenberg. Dan kompla wegħda li kien għamel fi żmien il-pesta billi għamel bħal tarka kbira tal-għuda f’basso reliev li turi lil San Ġwann il-Battista wieqaf b’taħtu il-kliem “Praetium veritatis” li jfissru “il-prezz tas-sewwa”.  Taħt dan il-kliem tidher r-ras ta’ San Ġwann fuq platt. Il-kliem bil-Latin li hemm taħt din ir-ras qaddisa tal-qaddis protettur tal-Ordni hu dak li San Ġwann qal lil Erodi “ma jiswiex li tieħu lil mart ħuk”. Hemm ukoll l-arma tal-familja ta’ von Guttemberg u lapida b’iskrizzjoni kbira. Ta’ min isemmi li dan il-kavallier von Guttemberg, apparti li kien beneffatur kbir ta’ din il-knisja, kien għen ħafna ukoll fil-bini ta’ knejjes oħrajn bħal dik tal-Ħniena fil-Qrendi fost l-oħrajn.

Ġrajjiet marbuta ma’ din il-knisja

Fil-Konfoffa tal-Qassisin kontra l-Ordni ta’ San Ġwann, Dun Gejtanu Mannarinu li kien mexxa l-konfoffa, kien jiltaqa’ ma’ sħabu fis-sagristija ta’ din il-knisja. Din il-konfoffa li kienet saret fl-1775, ma damitx ma falliet għax il-Maltin ma ħarġux jgħinu lill-qassisin.

Il-knisja

Jekk wieħed iħares lejn il-knisja mill-ewwel jieħu grazzja mal-faċċata ħelwa imma umli tagħha. Hija għandha kampnar żgħir fuq ix-xellug u statwa sabiħa tal-Madonna fin-nofs, b’anġlu mimdud fuq kull naħa. Mal-faċċata tal-knisja hemm tlett armi mnaqqxa fil-ġebel, fosthom dik tal-Isqof Alpheran de Bussan li kif għedna ta l-permess lil kjeriku Ġużeppi Spiteri biex jibni l-knisja mill-gdid. Il-knisja trid tinżel għaliha b’taraġ, għax iz-zuntier qiegħed iżjed fil-fond mit-triq. Dan seħħ għaliex maż-żmien il-livell tat-triq għola biex jilqa’ l-ilmijiet li jkun hemm meta tamel x-xita f’dawk l-inħawi. Minħabba f’dan din il-knisja kienet tbati ħafna minn problemi serji ta’ għargħar. 

Il-bieb għandu gwarniċ iddekorat bil-weraq u fuqu jistrieħ pediment segmentali maqsum li fin-nofs tiegħu hemm minquxa l-arma tal-Isqof de Bussan li diġà semmejna.  Aktar ‘il fuq hemm tieqa kbira ovali iddekorata bi gwarniċ wiegħsa tal-ġebel.  Eżatt fuq il-bieb hemm kitba li tgħid “Quia complacuit et non vocaberis ultra delericta ex isa” li tfisser “Għaliex [Alla] ħa gost bik u ma tissejjaħ aktar abbandunata”.

Qabel tidħol fil-knisja taħseb li din hi xi kappella żgħira u sempliċi, imma mhux hekk il-każ.  Il-knisja hija mdaqqsa, u apparti l-altar sabiħ li jiddomina l-knisja, fil-ġenb hemm erba’ kappelluni mdaqqsin, kull wieħed  bl-altar tiegħu. Mis-sagristija tgħaddi għal dar kbira li mis-sena 1974, s-Sorjiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù ħadu f’idejhom permezz tal-Arċisqof Mikiel Gonzi.  Huma kienu jorganizzaw b’mod solenni l-festa tad-Duluri kull sena, fejn il-vara tad-Duluri kienet toħroġ minn din il-kappella u wara li ddur mat-toroq ta’ Gwardamanġa, kienet tispiċċa fil-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima fejn kienet issir il-quddiesa devota ta’ nhar jum id-Duluri.
 

 

Ritratt - Rayden Mizzi



Meta s-sorijiet Franġiskani ma setgħux jibqgħu iżommu d-dar u telqu minn Gwardamanġa, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-2005 ta d-dar u l-kappella llill- grupp tat-talb “Youth Ministry” biex jieħdu ħsiebha u jagħmlu l-attivitajiet tagħhom fiha.  Dan kien pass għaqli għax dawn mhux biss reġgħu taw il-ħajja lill-kappella mill-lat spirtiwali iżda wkoll ħadu ħsieb li jġeddu l-istruttura tad-dar fejn qabel kienu jgħixu s-sorijiet u jdawruha f’dar tal-irtiri.  Huma kienu saħansitra jorqdu fid-dar sabiex kemm id-dar kif ukoll il-kappella qatt ma jkunu waħidhom.

L-altari fil-knisja

L-altar maġġur għandu bħala gwarniċ b’ornamentazzjoni barokka ta’ ġebel skolpit u kolonni korinzji.  It-titular juri lill-Madonna tad-Duluri u hu xogħol ta’ Mattia Preti.   Fil-knisja hemm ukoll erba’ kappelluni li jinsabu fil-ġnub tal-knisja, tnejn fuq kull naħa. F’waħda mill-kappelli hemm kwadru ddedikat lill-Madonna ta’ Loretu, b’San Ġwann Battista u l-Beatu Ġerardu, li kien il-fundatur tal-Ordni Ġerosolomatin.  Kappellun ieħor hu ddedikat lil Santu Rokku, fejn fih hemm kwadru ta’ San Ġużepp pinġut mill-pittur Żebbuġi bl-isem Karlu Zimach jew Gimach. Il-familja Testaferrata kienet ħallset għal dan il-kwadru, li skont Ferris mhux ta’ San Ġużepp imma ta’ San Karlu Borromeo. Fil-kappellun l-ieħor hemm kwadru ieħor tal-Madonna tal-Grazzji, b’San Ġwann, Sant’Ambroġ u San Nikola ta’ Tolentino. Hemm ukoll id-data 1624 li turi meta kien sar dan il-kwadru. Fil-kappella tal-Madonna tal-Grazzji hemm ħafna kwadri tal-wegħda li juru d-devozzjoni li kellha din il-knisja. Fl-aħħar kappellun hemm kurċifiss ta’ daqs naturali, li hu tassew sabiħ u jingħad li hu mirakuluż.  

Kavallieri midfuna fil-knisja

Fin-nofs tal-knisja hemm żewġ lapidi li jimmarkaw li taħthom hemm midfuna l-Kavallieri Fra Guillaume de Bernart D’Avernes u Fra Vincenzo Ruffo li kien miet bil-pesta tal-1676.

Ritratt - Rayden MizziOpri oħra fil-knisja

Fil-knisja nsibu l-istatwa antika tad-Duluri li kien irregala l-Isqof Alpheran de Bussan.  Aktar reċenti saret statwi oħra tad-Duluri mill-iskultur Għawdxi Michael Camilleri Cauchi, u oħra ta’ San Ġużepp. Fil-knisja hemm relikwija tal-passjoni li hi musmar li jingħad li ntmess ma musmar tal-passjoni.

Il-knisja tad-Duluri taħt diversi parroċċi matul iż-żmienijiet

Il-knisja tad-Duluri serviet taħt diversi parroċċi minn mindu inbniet. Għal bidu kienet viċi-parroċċa tal-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Meta l-Furjana saret parroċċa fl-1844 bdiet tagħmel ma’ din il-parroċċa sakemm meta fl-1867 l-Imsida nqatgħet mill-Arċimatriċi ta’ Birkirkara u saret parroċċa, saret parti mill-parroċċa l-ġdida Misidjana ta’ San Ġużepp. Il-knisja tad-Duluri kienet tagħmel għal xi żmien mal-parroċċa tal-Immakulata Kuncizzjoni tal-Ħamrun, meta din inqatgħet mill-parroċċa ta’ San Gejtanu. Finalment din l-knisja issa taqa’ taħt il-parroċċa ta’ Fatima ta’ Gwardamanġa, li tinsab biss tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minnha.

Restawr kbir tal-knisja tad-Duluri

Fis-snin sittin u sebgħin tas-seklu għoxrin fil-knisja saret ħidma kbira mir-retturi li kienu jieħdu ħsieb jirrestawraw din il-knisja. Sfortunatament din l-knisja minn dejjem kienet tbati minn problema kbira tal-għargħar tax-xita, u dan kien jikkawza problemi ta’ umdità kbira. Ta’ min jgħid li mid-dehra din il-problema ta’ għargħar kienet minn dejjem għax fi żmien l-Gran Mastru De Rohan fis-seklu tmintax, kien sar tħaffir ta’ trinek biex jipprova jeħles lil din il-knisja mill-għargħar.

Din il-problema kompliet u fl-aħħar tas-snin disgħin il-knisja reġgħat spiċċat fi stat ħażin ħafna. Minħabba l-umdità ħafna mill-paviment beda jinqala’ u l-ħitan bdew ifarfru u dan beda jikkawża ħsarat kbar fil-knisja.

Fil-bidu tas-snin 2000 ġie deċiż illi tiġi rrestawrata din il-knisja mis-sezzjoni tar-restawr tal-Ministeru tar-Riżorzi u Infrastruttura. Ix-xogħol seta’ jinbeda wara li f’April tal-2001 kien sar studju fuq perjodu ta’ sena u nofs fuq l-ammont ta’ umdità li jżommu l-ħitan ta’ din il-knisja u kif dan l-ammont ta’ umdità jvarja matul is-sena. Kontemporanjament ma’ dawn l-istudji, bdew jitneħħew kisjiet ħoxnin ta’ siment, qatran, ġablo u kif ukoll passati ta’ tikħil li kienu saru matul iż-żmien bħala interventi sabiex iwaqqfu l-umdità fil-ġebla u tfarfir kontinwu bħala konsegwenza naturali ta’ din l-istess umdità. Dawn l-interventi kienu għamlu ħafna aktar ħsara fuq il-ġebla peress li għalqu l-pori kollha tal-ġebla u għaldaqstant d-deterjorazzjoni infirxet u seħħet b’mod aktar mgħaġġla.

Ix-xogħol kien jinkludi ukoll li biex jiġi evitat l-ammont ta’ dħul ta’ ilma mill-ħitan tal-kappella isir water proofing fuq il-bejt kollu tal-kappella u tal-kunvent u tħaffir ta’ trinka fuq wara tal-kappella sabiex l-ilma mill-ġnien li jinstab fuq in-naħa ta’ wara ma’ jkunx jista’ jmiss mal-ħajt.


Il-knisja tad-Duluri llum

F’din il-knisja għadu jsir quddies regolarment.  Għad ta’ gruppi wkoll jiltaqgħu hawn regolari.  Nhar il-festa tad-Duluri, il-purċissjoni bil-vara tad-Duluri toħroġ minn din il-kappella biex wara li tterraq madwar il-Pietà u Gwardamanġa, tidħol fil-knisja parrokkjali ta’ Fatima biex imbgħad tiġi ċċelebrata l-quddiesa mal-fidili li jkunu attendew għall-purċissjoni.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttil,  Rayden Mizzi u mill-Internet

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Mill-fuljett tal-Kunsill Lokali tal-Pieta                Pieta2
Ritratt - Mill-fuljett tal-Kunsill Lokali tal-Pieta                Pieta3
Ritratt - Mill-fuljett tal-Kunsill Lokali tal-Pieta                Pieta4
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Pieta - I-Knisja tad-Duluri fis-Seklu Dsatax

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017