KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Anthony M. Brincat

San Niklaw ta’ Misraħ Strejnu
~ Żejtun ~

Il-kult ta’ San Nikola f’Malta wisq probabbli li ddaħħal f’Malta mid-devoti tiegħu minn Sqallija fil-Medju Evu tardiv meta Malta kkolonizzawha n-Normanni.

Il-lokal ta’ Misraħ Strejnu

Dawn l-inħawi huma magħrufa bħala Misraħ Strejnu.  Dan kien irħajjel (hamlet) magħmul minn numru ta’ rziezet bejn iż-Żejtun u Marsaxlokk.  Matul it-toroq li jagħqdu ż-Żejtun ma’ Marsaxlokk u Wied il-Għajn għadna nistgħu naraw numru ta’ sqaqin, uħud minnhom fondi sew, li jservu bħala aċċess għar-raba li hemm ‘il ġewwa mit-triqat.  F’dan l-inħawi jiddominaw ħafna il-ħbula tar-raba mifrudin bil-ħitan tas-sejjiegħ.  F’uħud mill-ħitan, mod partikolari fit-triq li minn ħdejn il-kappella ta’ San Niklaw tieħdok għat-triq tar-Ramla, wieħed jista’ jara ġebel kbir uħud minnu ta’ daqs megalitiku.


Ritratt - Caroline Busuttil

 

Jidher ċar li dawn l-inħawi għandhom importanza arkeoloġika kbira, mhux biss minħabba il-viċinanza tas-Santwarju tas-Silġ u l-Villa Rumana taż-Żejtun (jinstabu eżatt fin-nofs bejn dawn iż-żewġ siti) iżda wkoll għaliex hemm  sit arkeoloġiku ieħor ta’ certu importanza.

Fuq ix-xaqliba ta’ Marsaxlokk, jiġifieri fuq in-naħa l-oħra tal-kappella ta’ San Niklaw, insibu l-inħawi magħrufa bħala Ħal Ġinwi.  Hawnekk ukoll kienu nstabu fdalijiet ta’ tempju Neolitiku fil-bidu tas-seklu għoxrin.  Sfortunatament dawn il-fdalijiet intradmu u jidher li ntilfu għal kollox għalkemm għadhom jeżistu xi pjanti u ritratti ta’ dawn il-fdalijiet fl-arkivji ta’ Heritage Malta.

Il-bidu

Il-knisja nbniet fit-tarf tar-raħal ta’ Bisqallin, wieħed mill-irħula li llum flimkien jagħmlu ż-Żejtun. Fil-bidu tas-seklu sittax, l-inħawi kienu magħrufin bħala “Tal Kasar”, viċin l-inħawi magħrufin bħala “Tas-Silġ”.  Madwar l-1500-1505, l-inħawi kienu diġą magħrufin ukoll bħala “Ta’ San Niklaw” (de Sanctu Nicola tal casar contrata). 

Għalkemm mhux magħruf meta nbniet l-ewwel kappella ta' San Niklaw jew x’sura kellha, referenzi għaliha jinstabu f'dokumenti li jmorru lura sas-sena 1504. Qabel il-kappella li naraw illum kien hawn kappella medjevali li xi strutturi li kienu annessi magħha għadhom jeżistu sal-lum u jiffurmaw parti mid-dar li hawn tmiss ma’ din il-knisja.

Għalkemm ma nsibu l-ebda referenza għaliha fiż-żjara pastorali li kien għamel il-monsinjur Dusina fl-1575,  jingħad li l-knisja kienet tagħmel parti miż-Żejtun u nhar il-festa ta’ San Nikola kienet issir quddiesa kif ukoll il-vespri.  Din il-kappella kienet taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tan-nies li kienu jgħixu fl-irħula tal-viċin li llum m’għadhomx jeżistu.

L-ewwel darba li tissemma’ din il-knisja fi żjara pastorali kien fl-1600.  Kellha altar ta’ daqs adekwat għall-ħtiġiejiet tal-kult li fuqu kien hemm il-figura ta’ San Nikola mpittra fuq il-ħajt.  Diġą f’din iż-żjara tl-1600 din il-pittura kienet deskritta bħala “pjuttost qadima” u dan jixhed l-istorja antika ta’ din il-knisja.  Barra mill-altar u l-pittura, din il-knisja kellha kull ma kien jinħtieġilha għall-kult.  Saħansitra kellha wkoll anke ċimiterju magħha.

Fil-viċin kien hemm għalqa msemmija għall-qaddis.  Din kienet propjetą ta’ Giacomo u ż-żewġt itfal subien ta’ ħuħ il-mejjet Gabriele Tabone miż-Żejtun.  Giacomo u l-mejjet Gariele kienu wirtu l-għalqa minn għand missierhom Giuseppe Tabone.  Din l-għalqa kellha piż marbut magħha li kien jipprovdi ħlas biex tiġi ċċelebrata l-festa tal-qaddis bil-kant tal-primi vespri u quddiesa.  Dan l-obbligu nstab li kien qed isir meta saret iż-żjara tal-1600.

Il-viżta pastorali tal-1628 ikkonfermat li l-obbligi kienu jsiru kif imniżżel.  Missier Gabriele u  Giacomo, Giuseppe, matul ħajtu kien jixgħel il-lampier u fil-festa kien jara li jsiru l-primi vespri u ż-żerda f’lejliet il-festa u quddiesa l-għada f’jum il-festa tal-qaddis.

Żjarat pastorali suċċessivi juru li l-knisja kienet twaqqgħet għall-ħabta tal-1640 u reġgħet inbniet b'arkitettura tipika tas-seklu 17 bejn is-snin 1647 u 1650.  Minn rapporti ta’ żjarat pastorali oħrajn nafu li sas-sena 1699 din il-knisja kienet għadha tiffunzjona.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-knisja għandha faċċata ddekorata u elaborata meta wieħed jikkumparaha ma’ knejjes oħrajn li nbnew fl-istess żmien. Il-bieb prinċipali tal-knisja hu mdawwar bi gwarniċa tal-ġebel u titla’ għalih bi tlett tarġiet nofs tond.

Warajħ hemm anteporta tal-injam biex hekk il-knisja tkun tista’ titħalla fuqha u wieħed ikun jista’ jaraha minn ġewwa għalkemm ma jkunx daħal fiha. Din ukoll isservi biex tagħti d-dawl lill-knisja anke meta l-anteporta tkun magħluqa minħabba s-sigurtą.  Fuq kull naħa tal-bieb ewlieni wieħed jara tieqa kwadra, li meta l-kontraporti tagħhom ikunu miftuħin jippermettu li wieħed ikun jista’ jittawwal għal ġewwa tal-knisja.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat

 

Fuq il-bieb insibu tieqa mdaqqsa li wkoll hi mdawra bi gwarniċa ddekorata. Aktar ‘il fuq insibu entablatura li terfa’ frontispinzju segmentali ddekorat maqsum. Fin-nofs tal-vojt tiegħu nsibu kampnar li fih qanpiena.  Fuq in-nofs tal-kampnar hemm salib tal-injam. Fil-ġenb tal-knisja naraw ukoll xi mwieżeb forma ta’ kanun biex jigwidaw l-ima tax-xita ‘l bogħod mill-ħitan tal-knisja. Fuq il-faċċata ewlenija wieħed għadu jista’ jara l-irħama bil-kliem “Non Gode l’Immunita Eccelesia”  li kienet twaħħlet wara li l-Gvernatur Ingliż Frederick Ponsomby waqqaf id-drawwa li knejjes jintużaw bħala kenn minn kriminali mfittxija mill-awtoritajiet fis sens 1828.  Il-knisja għandha wkoll zuntier relattivament imdaqqas li hu mdawwar b’ċint baxx.

Fil-kampnar tal-knisja hemm qanpiena li kienet ġiet inawgurata fl-24 t’Awwissu tal-2010. Din il-qanpiena li tbierket mill-Eċċelenza Tiegħu Monsinjur Pawlu Cremona, li dak iż-żmien kien l-Arċisqof ta’ Malta.  Din il-qanpiena inġiebet minn Franza u kienet l-ewwl qanpiena li tbierket minn Monsinjur Cremona.

Fuq ġewwa, il-knisja hija ċkejkna iżda ddekorata ħafna. L-altar ewlieni tagħha kien sar fl-1912.  Fuqu hemm pittura ta’ San Nikola ta’ Bari flimkien mat-tlett żgħażagħ studenti li nqatlu f’lukanda u li l-qaddis reġa’ qajjem mill-mewt.  Il-kwadru titulari hu mdawwar bi gwarniċa mnaqqxa tal-ġebel u fuqu naraw cartouche elaborata li iżda ma fiha l-ebda kitba.   Quddiem l-altar hemm lampier.

L-altar, li hu wkoll iddekorat, hu tal-ġebel u jinsab f’apside taħt arkata. Quddiemu llum emm altar-mejda tal-injam stil post-Konċiljari.  Fil-ġenb tal-altar hemm żewġ bibien, wieħed fuq kull naħa, li jwassluk għas-sagristija wara l-altar. Fuq dawn il-bibien insibu żewġ pitturi ovali li qegħdin fi gwarniċi ddekorati tal-ġebel. Dawn juru x-xbiehat tal-Immakulata Kunċizzjoni u ta’ San Ġużepp bil-Bambin Ġesł  f’idejħ.   Ta’ min jirrimarka li dawn iż-żewġ kwadri ma jidhrux li artistikament huma ta’ xi livell għoli ħafna.

Il-knisja għandha saqaf troll li jistrieħ fuq arkati tondi. Fis-saqaf hemm żewġt itwieqi li kbar jkomplu jdawwlu lil din il-knisja. Mad-dawra kollha tal-knisja nsibu gwarniċa dekorattiva tal-ġebel. Fil-knisja nsibu sett kwadri tal-Via Sagra li kienu saru fl-1885 bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet ekklesjastici. Insibu wkoll statwa mdaqqsa ta’ San Nikola u oħra tal-Madonna bil-Bambin. Hemm ukoll fonti tal-ilma mbierek żgħir taċ-ċeramika.  Fuq il-bieb ewlieni tagħha hemm ukoll gallerija tal-injam li fil-festa tintuża biex fuqha jpoġġu xi mużiċisti biex jakkumpanjaw il-quddiesa.

Il-knisja tal-lum

Ta’ kull sena fis-6 ta’ Dicembru għadha issir quddiesa tal-festa u wara tinżel banda miż-Żejtun li toħloq atmosfera festiva. Ikun hemm ukoll  festin żgħir għan-nies tal-inħawi u xi ftit logħob tan-nar ma jonqosx.

Din il-knisja llum tagħmel parti mill-impriża tat-tagħsir tal-għeneb u l-produzzjoni tal-inbid San Niklaw Estate.

Kitba ta’ Noel Ciantar u Roderick Busuttil, mibnija fuq kitba tal-perit Reuben Abela.
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat, Rayden Mizzi u Caroline Busuttil.
Pittura ta’ Maris Zammit

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - mill-Internet       San Nikola ta Misrah Strejnu
Pittura Maris Zammit
Ritratt - Anthony M. Brincat

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com