KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

It-Tħabbira tal-Mulej
Il-Lunzjata tal-Fawwara
 ~ Ġebel Ciantar - l/o Siġġiewi ~

Ritratt - Caroline Busuttil

Is-Siġġiewi huwa wieħed mill-eqdem irħula ta’ Malta. Dan jissemma’ wkoll fil-lista, fl-hekk imsejjaħ “Rollo”, tal-isqof Senatore de Mello li kien elenka l-parroċċi li kienu diġà jeżistu f’Malta fl-1436. F’dak iż-żmien is-Siġġiewi kien jiġbor fih ukoll l-irħula ta’ Ħal Kbir, Ħax-Xluq, Ħal Qdieri u Ħal Tabuni.

L-istorja tal-knisja

Fis-Siġġiewi nsibu tlettax-il kappella, ħamsa fir-raħal u tmienja fil-kampanja tal-madwar, għalkemm waħda hija ddesakrata u użata bħala residenza privata. Dawn it-tmien kappella nsibuhon f'xi rħajjel żgħir bħal Ħal Xluq, Ħal Niklusi jew Ħal Kbir, iżda hemm xi wħud imxerrda fl-aktar postijiet 'l bogħod minn djar u residenzi. Tnejn minn dawn il-kappelli huma ddedikati lit-Tħabbira tal-Mulej jew il-Lunzjata. Waħda minnhom hija dik li nsibu fuq Tal-Għolja ħdejn is-Salib ta' Laferla u li llum ma tantx tinsab fi stat tajjeb u l-oħra tinsab f'Ġebel Ciantar, fit-triq li tagħti għall-Fawwara. Il-kitba tal-lum hija dwar din l-aħħar waħda.

Ritratt - Caroline Busuttil



Meta il-monsinjur Dusina għamel iż-żjara lir-raħal tas-Siġġiewi fl-1575 huwa sab li kien hemm madwar ħamsa u erbgħin kappella fir-raħal innifsu u fil-kampanja tal-madwar, iżda din il-kappella ma żarhiex għax lanqas kienet għadha nbniet. Fil-fatt kien fis-sena 1619 li Giovanni Paolo Cassar bena din il-kappella. Erbgħin sena wara, fl-1658 l-isqof Balaguer sabha fi stat ħażin, iddesakraha u ordna li tingħalaq.  Iżda Lorenzo Cassar, iben il-fundatur u l-kunjatu tiegħu Dottor Giovanni Domenico Sciberras talbu, u kisbu, il-permess biex jerġgħu jiftħuha wara li wegħdu li jsiru xi tiswijiet fiha.  Huma  għamlu tajjeb ukoll għall l-obbligu li ssir quddiesa kull ġimgħa.  Il-festa kienet tiġi ċelebrata bl-għasar u quddiesa kantata.  Kien isir ħafna quddies baxx u f'jum il-festa kienet tingħata karità kbira lill-fqar tal-inħawi.

Mill-istess Viżta Pastorali tal-Isqof Balaguer Camarasa tal-1658 jirriżulta li kien hemm fondazzjoni tal-fundatur tal-knisja u martu Agata ta' quddiesa fil-ġimgħa u li din il-knisja kienet eżenta mill-ġurisdizzjoni tal-kappillan tas-Siġġiewi.

Iżda fl-1708, Maria Sciberras, aktarx l-armla ta' Giovanni Domenico Sciberras jew bintu, reġgħet bnietha mill-ġdid. Dan tixhdu rħama li tinsab ġewwa l-kappella.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Il-kappella hija sempliċi ħafna u mingħajr ebda tiżjin. Il-faċċata tal-kappella u l-ħitan tal-ġenb huma bil-panewijiet. Quddiem il-bieb prinċipali hemm zuntier żgħir li fih żewġ tarġiet li jwasslu għall-bieb relattivament imdaqqas tal-injam.  Dan il-bieb huwa kwadru u fuqu hemm pediment segmentali. M'hemmx twieqi fil-baxx f'kull ġenb tal-bieb bħama ġieli nsibu. Fin-nofs, fuq il-gwarniċa li ddur ma' tliet ħitan tal-kappella, hemm pediment triangolari li fuqu hemm salib żgħir tal-ġebel.

Ritratt - Anthony Blackman


Il-ħitan tal-ġenb għandhom bieb u tieqa kbira rettangolari, fuqu,  li tagħti d-dawl lill-ġewwieni tal-kappella. Fuq wieħed minn dawn il-ħitan, dak tal-lemin,  hemm kampnar bi ħnejja li fih hemm qanpiena waħda.

Ritratt - Caroline BusuttilFuq il-faċċata, fuq in-naħa tal-lemin, insibu is-soltu rħama li tgħid “No gode l’immunità Ecclesias(tica)”.

Minn ġewwa l-kappella hija sempliċi ħafna ukoll. Għandha pjanta kważi kwadra, b'daħla ftit fonda għall-altar. Fil-kantunieri nsibu pilastri għoljin ta' stil Doriku li jerfgħu l-entablatura u li fuqha hemm erba' pendentivi u erba' arkuni li minnhom titla' l-koppla semisferika mingħajr lanterna. Mill-koppla hemm imdendel lampier żgħir ta’ metall abjad.

Hemm altar wieħed, magħmul mill-ġebel li għandu tabernaklu kwadru sempliċi. Fin-nofs tal-altar, imnaqqxa fuq il-mensola, tidher l-istemma li tissimbolizza l-isem tal-Madonna. Illum, quddiem dan l-altar tal-ġebel hemm altar ieħor sempliċi u żgħir tal-injam f’forma ta’ mejsa, konformi mad-digrieti tal-Konċilju Vatikan II.  L-altar tal-ġebel għandu sett gandlieri u salib u jdawwru l-ħitan tal-kappella hemm sett santi fi gwarniċ sempliċi tal-injam li juru l-istazzjonijiet tal-Via Sagra. Fuq in-naħa tax-xellug tal-bieb prinċiplali, minn ġewwa,  hemm ħawt żgħir tal-ilma mbierek.

Fuq l-altar hemm il-kwadru titulari li juri l-Arkanġlu Gabriel qed jofri ġilju abjad lill-Madonna li tidher għarkopptejha. Anġlu ieħor qed jilgħab ma' vażun bil-fjuri, waqt li fin-naħa ta' fuq jidher l-Ispirtu s-Santu.

Ma nafux min pitter dan il-kwadru iżda jidher li ħareġ minn id imħarrġa tajjeb. Jidher ukoll li l-benefattur tiegħu kien xi qassis tal-familja Sciberras-Testaferrata kif jidher mill-arma tal-kunjom li hemm f'rokna tal-kwadru u li fuqha hemm kappell saċerdotali. Tista' tkun l-arma tal-ewwel Kardinal Malti Fabrizio Sciberras-Testaferrata, iżda dan il-kwadru sar qabel huwa kien elett Kardinal għax il-kappell li jidher fl-arma huwa iswed u mhux aħmar kif ikun tal-kardinali. Il-kwadru huwa mdawwar bi gwarniċ tal-ġebel miżbugħ bħall-irħam.

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-knisja llum

Din il-kappella  għamlet xi żmien użata bħala residenza privata, iżda lejn is-snin tmenin tas-seklu għoxrin ġiet irrestawrata u bdiet tintuża għall-iskop oriġinali tagħha u fiha bdew isiru xi laqgħat tat-talb. Din il-kappella tgawdi veduta inkredibbli ta’ Filfla u hija mdawwra minn ambjent rurali mhux mimsus mid-dinja tal-lum li jiedok f’dinja oħra. Mhux ta’ b’xejn li l-użu l-ġdid tagħha, bħala lok ta’ talb, jagħmilha tassew addata għal dan l-iskop u hu valur miżjud għall-ħarsien tagħha.

Kitba ta' Anthony M. Brincat
Ritratti Ta' Caroline Busuttil, Anthony Blackman u Tony Terribile (ħajr l-Arkivji Nazzjonali)

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Tony Terribile (hajr l-arkivji Nazzjonali)
Ritratt - Caroline Busuttil
DSCN4084
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com