KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Luke Micallef

Il-knisja tat-Twelid tal-Madonna
(Ta’ Casha)
~ Rabat ~

Fir-Rabat u l-inħawi tiegħu hemm għadd ta’ knejjes żgħar u hemm numru minnhom iddedikati  lill-Madonna taħt titli varji.  Tlieta minn dawn huma ddedikati għat-Twelid tal-Madonna u għalhekk mhux ta’ b’xejn li xi knejjes għandhom laqam biex jgħarfuhom waħda minn oħra.  Waħda minn dawn hija l-knisja ddedikata lit-Twelid tal-Madonna, li tinsab fi triq Santa Rita,  u magħrufa bħala “Ta’ Casha”. (Nota editorjali:  Hawn min jikteb kunjom il-fundatur bħala “Qasha” iżda l-kanonku Vincent Borg, kemm fil-“Melita Sacra III” kif ukoll fil-“Marian Devotions In The Islands of St Paul” jirreferi għaliha bħala “Ta’ Casha” u għall-konsistenza qed nużaw din il-forma kullimkien f’dan l-artiklu)

L-istorja bikrija

Il-knisja ċkejkna tat-Twelid ta’ Marija nbniet għall-ewwel darba fl-inħawi ta’ Għeriexem fir-Rabat, għall-ħabta tal-1550 ħdejn ġnien li kien propjetà ta’ Giovanni Maria  Cassia.  Il-fundatur ta’ din il-knisja kien ċertu Vincenzo Casha u għalhekk għadha magħrufa sal-lum mar-Rabtin bħala l-knisja ta’ Casha.

Fiż-żjara pastorali tal-isqof Balthassar Cagliares fl-1615 jingħad li kienet miiżmuma tajjeb u kellha kull ma kien jinħtieġilha għall-kult.  Il-kwadru titolari kien pittura fuq il-kanvas u kien juri lill-Madonna bil-Bambin Ġesù rieqed fuq ħoġorha u b’San Ġwann il-Battista ħdejhom.  Dan il-kwadru llum jista’ jkun dak jinsab fuq l-altar prinċipali sewwa sew fuq il-kwadru titulari li hemm illum u li kien sar aktar tard.   Il-ħitan kienksabhom imbajdin il-viżitatur appostoliku u kien hemm ukoll bankijiet tal-ġebel ingastati fihom (id-dikkiena). 

Ritratt - Caroline Busuttil


Alessandru Vassallo mir-Rabat, li aktar tard kien jieħu ħsieb din il-knisja, skont il-vista pastorali tal-isqof Giovanni Balaguer Camarasa  tal-1635-1637 kien għarraf lill-awtoritajiet tal-Knisja li hu kien sema’ ‘l missieru Alfonso jgħid li l-fundatur tal-knisja kien Vincenzo Casha li kien ħalla legat għall-ħtiġijiet tal-knisja.  Ta’ min jinnota li sa dan iż-żmien il-knisja kienet magħrufa bħala “Santa Maria ta’ Casha” u sal-1771, saż-żjara pastorali tal-isqof Giovanni Carmelo Pellerano, it-titular kien juri lill-Kunċizzjoni.

Fl-1667, fiż-żjara pastorali tal-isqof Luca Buenos intqal speċifikament li din il-knisja kienet iddedikata li-Żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabbetta, għalkemm fiż-żjara pastorali ta’ madwar sena qabel li lienet saret fl-1665 mill-monsinjur Domenico Attard, il-Vigarju Kapitolari, id-dedika tissemma’ li kienet dik tat-Twelid tal-Madonna, kif attwalment nafuha illum.  Kif qed naraw, il-knisja damet ftit biex stabbiliet l-isem li nafuha bih illum.

Miż-żjara pastorali tal-isqof Michele Gerolamo Molina tal-1678, nafu li kienet tpittret l-arma tal-familja Bonici fuq xkaffa li kienet parzjalment indurata u li kienet titqiegħed fuq l-altar.   Fiż-żjara pastorali li kien għamel l-isqof Davide Cocco Palmieri,  jgħid li fl-1699, jingħad li l-festa kienet saret nhar it-2 ta’ Frar jiġifieri fil-festa tal-Purifikazzjoni tal-Madonna.  Iżda minn żjarha oħra jirriżulta li kienet saret fit-8 ta’ Settembru, jum il-festa tat-Twelid tal-Madonna.

Il-knisja li naraw illum inbniet madwar 150 sena wara l-knisja li kienet fondata minn Vincenzo Casha.

Fil-kotba tal-inventarju li hemm fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina nsibu li fis-sena fis-sena 1708 il knisja kellha:

  • Kwadru kbir fuq il-bieb tal-knisja
  • Lampier
  • Karta tal-Glorja
  • Missal Ruman
  • Kalċi u Paten
  • Sotto kappa
  • 2 kuruni tal-fidda
  • 12-il gandlier indurati
  • 12-il fjurett
  • 2 ventaltari

Imbagħad, f’inventarju tal-1771insibu li l-knisja kienet imżejjna b’dawn il-ħwejjeġ:

  • 12-il gandlier
  • 12-il fjurett
  • 2 iqniepen
  • Kwardu kbir tal-Vitorja fuq il-bieb prinċipali
  • Lampier tal-bronż aħdar, maħdum mill-arġentier famuż Morello li ġie mħallas 10 skudi għaliħ
  • Kuruna tal-fidda u bażi għal xi kwadru maħduma mill-arġentier Anetto Pulliċino
  • Is-saċerdot Don Giovanni Battista Tonna pinġa kwadru ġdid għall-altar u tħallas 15-il skud

Sfortunatament dawn l-oġġetti llum ma nafux x’sar minnhom.

Deskrizzjoni arkittettonika

Il-knisja tinsab ftit aktar ‘l isfel fit-triq ta’ quddiem il-knisja parrokkjali ta’ San Pawl fir-Rabat, fi triq Santa Rita.  Minħabba li maż-żmien il-livell tat-triq għola, illum il-knisja ġiet iktar ‘l isfel mill-livell tat-triq. Għalhekk, biex wieħed jidħol fiz-zuntier ta’ din il-knisja, irid jinżel xi turġien. Il-knisja għandha faċċata sabiħa, speċjalment id-dekorazzjoni maġenb il-bieb ewlieni tagħha.  Maġenb dan il-bieb insibu żewġ pilastri korinti, wieħed fuq kull naħa tiegħu,  li jerfgħu entablatura u fuqu naraw pediment triangulari maqsum.


Ritratt - Luke Micallef


Bejn il-pilastri hemm forma ta’ arkata u allura l-bieb fin-naħa ta’ fuq jiġi nofs tond.  Fuq il-pediment hemm tieqa tonda mdaqqsa li tagħti d-dawl  lil din il-knisja. Il-frontispizju hu wkoll iddekorat u fuqu naraw pediment segmentali li jerfa salib tal-ġebel. 

Il-kampnar tal-knisja jinsab fin-naħa tal-ġenb. Mal-ġnub naraw ukoll xi mwieżeb. Il-knisja għanda wkoll bieb laterali fuq in-naħa tax-xellug li jagħti għas-sagristija.   Din setgħet kienet attwalment ukoll il-knisja l-antika qabel din li naraw illum.

L-altar prinċipali

Hekk kif tidħol mill-bieb prinċipali jisraqlek l-attennzjoni l-altar maġġur li tħallas minn Dr. Ignazio Bonnici.  Miegħu sar ukoll il-kanċell tal-presbiterju. L-altar jinsab maqtugħ mill-kumplament tal-knisja permezz ta’ balovostri tal-ġebel u tarġa għola mill-bqija tal-knisja.  Fil-mensola tal-altar, maċ-ċminijiet riċentament  tqgħiedu wkoll statwi tal-ġibs biex iżejnu l-mensola u anke t-tabernaklu.  Dan it-tabernaklu kien sar fl-1991 u kien waħħlu s-sur Frankie Farrugia, mir-Rabat, flimkien ma’ ċertu Pawlu.  Fuq wara tat-tabernaklu hemm l-inizzjali tagħhom imħażżin bil-lapes.  L-istatwi tal-ġibs juru lil San Pawl, San Pietru u l-Madonna fil-mensola tal-altar u l-Arkanġli San Mikiel u Gabrijel mat-tabernaklu.

L-altar oriġinal kien wieħed sabieħ fil-ġebla Maltija  Kien indurat u parti minnhu għadha fil-knisja stess. Ma nafux għal liema raġuni ġie żarmat u ma ntramax fis-sagristija li probabbli kienet il-knisja l-antika. Dan nistgħu nobsruħ mit-tieqa tonda ċkejkna li nsibu fuq il-bieb prinċipali tas-sagristija.

Il-bieb ta’ wara l-altar jinsab fin-nofs biex jagħti aċċess għas-sagristija mill-knisja iżda jidher biċ-ċar li l-bieb kien xi darba fil-ġenb  għax jista’ jkun li l-altar kien imwaħħal mal-ħajt.

Bieb ieħor li huwa mbarrat u li kien xi darba miftuħ huwa l-bieb fil-ġenb tal-kappella li kellhu jingħalaq probabbli meta ġiet mgħollija t-triq minnħabba d-diżivell li hija mibnija fuqu l-knisja.

Quddiem l-altar tal-ġebel illum hemm altar mejda tal-injam stil post-Konċiljari.

Fuq in-naħa tax-xellug insibu altar ieħor tal-ġebel. Fih naraw xbieha tal-Madonna bil-Bambin. Dan il-kwadru wkoll hu ddekorat b’pilastri li jerfgħu pediment segmentali.

Il-kwadru titulari

Il-kwadru titulari għandu daqs ta’madwar 80cm x 110cm  juri lil Sant’Anna fuq is-sodda bit-tarbija Marija fi ħdanha u mdawwra b’diversi personaġġi fosthom San Ġwakkin u anġli.   Inventarju tal-1708 jindika li  dan it-titular kien diġa’ hemm.

Tajjeb li ngħidu li dan il-kwadru kien muri fil-wirja bl-isem “Marian Art in the 17th and 18th centuries’ li kienet saret fil-Kungress Internazzjpnali Marjan tas-sena 1983 fil-Mużew tal-Kattidral tal-Imdina. Fil-ktieb ippublikat f’din il-wirja nsibu deskrizzjoni tajba u sabieħa dwar dan il-kwadru.  Dan għandu gwarniċa tal-ġebel iddekorata.  Il-perspettiva hija wkoll sabiħa ħafna. Din tikkonsisti f’żewġ pilastri ddekorati, bejn il-kwadru titulari, li jerfgħu pediment maqsum. Fil-parti tan-nofs tal-pediment maqsum hemm sopra-kwadru ieħor li juri l-Madonna bil-Bambin.
 

Ritratt - Luke Micallef


Kwadri oħra

Kwadru ċkejken li nsibu fuq it-titular (is-soprakwadru) huwa kwadru ferm iżgħar imma xorta waħda sabieħ. Dan juri lil Verġni Marija tindokkra lil Ġesù Bambin ċkejken rieqed u wieqaf ħdejħ hemm San Ġwann il-Battista bil-kliem “Ecce l-Agnus Dei” (“Hawn hu l-Ħaruf t’Alla”).  Dan kien probabbi l-kwadru titolari tal-knisja l-antika oriġinali mibnija mill-fondatur Vincenzo Casha li jissemma’ fiż-żjara pastorali tal-isqof Balthassar Cagliares fl-1615.   Fuq dan il-kwadru wkoll insibu pediment ieħor żgħir segmentali.

Fil-ġnub tal-knisja insibu żewġ kwadri antiki li juru lill-Appostli San Mattija u San Tumas. Dawn kienu jagħmlu parti minn sett sħieħ ta’ 12 li uħud minnhom jinsabu fid-depositu tal-Mużew Wignacourt tal-parroċċa tar-Rabat.  Dawn ukoll għandhom dekorazzjoni sabiħa tal-ġebel madwarhom.
Il-knisja għandha wkoll salib tal-Via Sagra, sett kwadri tal-Via Sagra u permess biex kienet tingħad il-Via Sagra fil-knejjes. Fis-sagristija insibu wkoll uħud mill-Via Sagra l-antiki li huma inċiżzjonijiet.

Fil-knisja nsibu diversi kwadri devozzjonali fosthom il-Madonna tas-Sokkors u tal-qaddis Malti San Ġorġ Preca li tħallas mis-sagristan l-antik ta’ din il-knisja, is-soċju tal-MUSEUM Ġeraldu Attard.

Il-kalċi u l-lampier oriġinali tal-knisja llum jinsabu fil-parrocca ta’ San Pawl tar-Rabat.

Il-knisja għandha saqaf troll bit-twieqi inkorporati fih li jkomplu jdawwlu l-knisja. Mad-dawra kollha tal-knisja naraw gwarniċa tal-ġebel iddekorata ħafna.

Id-devozzzjoni lejn il-Madonna

Ta’ kull sena ssir il-festa tal-Vitorja.  Iżda ma jistax jonqos li qabel kienet issir b’ħafna aktar sollennità.  Kien isir it-tridu tal-festa bi preparazzjoni u kienu jingħadu il-Kurunella u r-Rużarju.  In-nies tal-lokal kienu jieħdu ħsieb li jnaddfu l-kappella u jnaddfu l-gandlieri tar-ram u jġibu fjuri u xemgħat sabiex il-festa tkun fl-aqwa tagħha. Illum il-ġurnata tintgħażel data qrib it-8 ta’ Settembru u ssir quddiesa kantata bil-priedka.

Fis-sagristija nsibu żewġ statwi tal-Madonna. Waħda minnhom kienet ġiet mogtija minn Ġużeppi Sant.

Il-kwadru tal-Madonna tas-Sokkors

Dan il-kwadru ċkejknen tal-Madonna tas-Sokkors hu mdawwar bi skultura fil-ġebla sar fi żminijiet aktar riċenti u ingħata lill-knisja mis-sur Pio Scherri ( USA ) u mal-ewwel intlaqa’ tajjeb minn nies tal-lokal. Bdiet issir il-festa tal-Madonna tas-Sokkors u anke t-tridu bi preparazzjoni.  Kienu jsiru s-santi u tingħad il-kurunella.  Id-devoti tal-Madonna bdew jinterċedu lejn din ix-xbieha bit-tama li tisma’ talbhom u mid-dehra dan seħħ. Saru diversi għotjiet tad-deheb lil din ix-xbieha u l-arcisqof Mikiel Gonzi, waqt żjara pastorali, kien ordna biex dan id-deheb jitneħħa minħabba s-sigurtà u jtellgħuħ fil-parroċċa ta’ San Pawl.  Illum il-ġurnata ssir il-festa tal-Madonna tas-Sokkors lejn it-tmiem ix-xahar tar-rużarju f’Mejju .

Il-funzjonijiet

F’kull okkażżjoni tista’ tgħid li kienet issir kull funzjoni meħtieġa bħal dik taal-Gandlora fi Frar, it-tberik tal-oqbra li jinsabu quddiem il-knisja f’Novembru, il-festa tal-Vitorja f’Settembru u anke xi pellegrinaġġ.

Fiż-żminijiet tal-Gwerra

Fiż-żminijiet tat-tieni gwerra dinjija, ir-Rabat kien miżgħud bir-refuġjati Maltin u peress li ma kienx hawn spazju diversi knejjes u kappelli sfaw ta’ kenn għar-refuġjati Maltin fosthom il-grotta ta’ San Pawl.  Il-knisja ta’ Casha serviet ta’ kenn għal żewġ familji u saħanistra kien laħaq miet wieħed minn dawn ir-refuġjati fl-istess sagristija.

Snin wara l-gwerra,  persuna li kienet toqgħod viċin l-istess knisja, Grazzja Tanti, ħabirket kemm felħet biex il-knisja tinfetaħ u terġa’ tibda tintuża bl-għajnuna ta’ diversi persuni.  Fost dawn kien hemm patri Kostantino Borg OSA li jirrakkonta li anke kien l-ewwel abbati ta’ din l-istess knisja minn meta reġgħet infetħet biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-poplu Rabti.

Is-sena 1919

Skont id-dati li nsibu mniżżlin mal-istess knisja tidher xi tifkira ta’ mewt fl-20 ta’ Novembru 1919 iżda jista’ jkun ukoll  li hi d-data ta’ meta nbena l-kampnar għax anke fis-salib tal-faċċata nsibu l-istess data 1919.

Qabel il-qanpiena li hemm illum, skont inventarju tal-1708 kien hemm żewġt iqniepen. Illum naraw qanpiena waħda li ġiet maħduma mill-funderija San Carlo fl-1931.
 
Iċ-ċimiterju

Quddiem il-knisja nsibu ċimiterju li fiħ 24 qabar. L-istoriku kanonku monsinjur Ġwann Azzoppardi jgħid li l-irħam li kien hemm kienu jgħidu li f’dawn l-oqbra hemm midfuna l-iġsma ta’ patrijiet Karmelitani morda bil-marda qalila tal-pesta.  Sfortunatament bil-vandaliżmu anke tat-tfal li kienu jilgħabu l-ballun fuqhom dawn sfaw imkissrin u m hawnx rittratt tagħhom.  Għalhekk m’għandniex dokumentazzjoni ta’ kif kienu jew x’kienu jgħidu.

Fonti medjavali

F’din il-knisja, sal-2009, kien hemm fonti antik li jmur lura sal-medjuevu tardiv li l-istoriku Dr. Charlene Vella tgħid li kien jagħmel parti mill-parroċċa l-qadima ta’ San Pawl u għalhekk għandu valur immens. Dan il-fonti kien inqala’ mill-knisja ta’ Casha u llum jinsab fil-Mużew Wignacourt fir-Rabat stess. 

Il-fonti hu tal-irħam abjad  u jġib fuqhu medaljun li juri lil San Pawl bix-xabla f’idu kif ukoll żewġt irjus ta’anġli.  Il-kundizzjoni tiegħu illum ma tantx hi tajba iżda fuq wara għadhom jidhru sinjali qishom ta’ xi id imnaqqxa li qed iżżom il-bieqja.  Stilistikament, dan il-fonti jixbaħ ħafna x-xogħolijiet li ħarġu mill-bottega ta’ Domenico Gagini (1420–1492), Palermitan, li għandu xi xogħolijiet oħrajn f’Malta li għadhom jeżistu minn dan iż-żmien.  Ix-xogħilijiet ta’ Domenico u ibnu Antonello Gagini f’Malta jitqiesu bħala l-bidu tal-espressjoni Rinaxximentali f’Malta.

Lista ta’ Retturi

  • 1699-1708 Kanonku Dun Ġwann Attard
  • 1714-1722 Don Giovanni Domenico Gimbert
  • 1722-1758 Don Giovanni Marija Bonello
  • 1771-1786 Kananonku Kantur Dun Carlo Mallia
  • 1786-1794 Don Salvatore Muscati
  • 1794-1797 Don Beningno Chetcuti
  • 1803-1805 Paolo Cachia
  • 1973-2009 Kanonku Kantur Dun Mikiel Attard
  • 2009L-Arċipriet tar-Rabat

Il-kanonku dun Mikiel Attard

Il-kanonku dun Mikiel Attard inħatar bħala Rettur ta’ din il-knisja fis-sena 1973. Ta’ kuljum kien iqaddes quddiesa fis-7:00am u jorganizza ħafna affarijiet b’tant ħeġġa u dedikazzjoni.  Kien hu li beda t-tridu u l-festa tal-Bambina u tal-Madonna tas-Sokkors u li ħa ħsieb li jibdel il-madum, tinħadem antiporta għall-knisja u anke jsir il-membrane tal-bejt fis-sena 1990 u t-tqaxxir taż-żebgħa minn mal-ħajt.  Dun Mikiel irtira minn rettur wara 36 sena ta’ servizz kontinwu kemm f’din il-knisja kif ukoll f’diversi knejjes oħra bħala rettur fosthom tal-knisja ta’ San Katald u anke dik ta’ Santa Katarina tad-daħla. Huwa qaddes l-aħħar quddiesa tiegħu, għalkemm għama u trux, fl-24 ta’ Lulju 2009. Miet fl-eta’ ta’ 87 sena fit-22 ta’ Mejju 2010 fid-Dar tal-Kleru.

Sagristana

Ma nistgħux ma nsemmux ukoll lis-sur Ġużeppi Falzon, imlaqqam ir-Rusvelt,  li għal żmien twil kien jieħu ħsieb il-knisja u jgħaddi tant ħin twil hemmhekk. Kien jieħu ħsieb jixgħel u jarma u jagħmel il-weraq tar-rand fuq l-oqbra u jixgħel ix-xema.   U ma jistax jonqos ukoll id-daqq tal-qanpiena.

Warajħ kien jieħu ħsieb il-knisja s-soċju tal-MUSEUM Ġeraldu Attard li rregala pjaneta sewda kif ukoll palla u sopra kalċi li kienu ta’ ħuħ l-eks Arċipriet tar-Rabat il-monsinjur Pawlu Attard.  Dan għamlu bħala ringrazzjament tax-xogħol li hu stess wettaq fil-knisja ta’ Casha.

Warajħ il-knisja għaddiet għand is-sur Luke Micallef  fis-sena 2012 bil-barka tal-Arċipriet tar-Rabat.  Flimkien mal-membri tal-Leġjun ta’ Marija jorganizzaw ir-Rużarju fix-xhur ta’ Mejju u Ottubru.  Issir quddiesa fl-aħħar tax-xahar ta’ Mejju fil-festa tas-Sokkors u f’Settembru ssir il-festa tal-Bambina.  Imbagħad f’ Ottubru ssir il-festa tar-Rużarju u f’ Novembru jitfakkru l-mejtin b’quddiesa wkoll.

Kull min jixtieq jorganizza xi quddiesa jew laqgħa ta’ talb jista’ jikkuntattja l-parroċċa tar-Rabat fuq 21454467 u jistaqsi għas-sagristan.

Kitba ta’ Luke Micallef (Sagristan tal-parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat u knisja ta’ Casha)
Nota fuq l-istorja bikrija minn Noel Ciantar; Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Luke Micallef, Caroline Busuttil, Maria Cassar, David Vassallo  u TonyBonello.  Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali
Video maħdum minn Noel Ciantar b'ritratti ta' Luke Micallef għas-sit www.kappellimaltin.com.

Hajr - Arkivji Nazzjonali
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef -Titular
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - Maria Cassar - Fonti tal-Ilma mbierek
Ritratt - Luke Micallef
Ritratt - David Vassallo

 

Ritratt - Luke Micallef               Ritratt - Luke Micallef 42
Ritratt - Luke Micallef               26771840_10211345644652034_469039671_o
Ritratt - Tony Bonello - 1977

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com