KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Lunzjata tas-Salini
~ Naxxar l/o Burmarrad ~

Knisja oħra li insibu fis-Salini hi dik iddedikata lil Marija Annunzjata. Din il-knisja tinsab fuq in-nażħ tal-lemin hekk kif tinżel it-Triq t’Alla u Ommu min naħa tan-Naxxar għar-roundabout il-kbira tas-Salini.

Il-knisja matul iż-żmien

L-ewwel darba li din il-knisja tissemma fil-viżti pastorali huwa fil-1618 fil-vista pastorali tal-Isqof Cagliares.    Iżda nafu li kienet diġa’ teżisti snin qabel.  Fl-1604 ċertu Ġużeppi Buhagiar min-Naxxar għamel donazzjoni lil żewġ neputijiet tiegħu fejn ħallielhom għalqa bil-kundizzjoni li sakemm idum ħaj hu, mill-usufrutt tagħha kienu obbligati li jixegħlu l-lampier kull nhar ta’ Sibt u fil-granet ta’ festa fil-knisja tas-Salina. Skont kitba fil-Libro Esigentiale della Chiesa rurale dell‘Annunziatione di M.V. delle Saline, paġna 20, din il-għalqa kien jisimha tal Brairi.  Din il-kitba  hija memorja fil-qosor tal-fundazzjoni tal-kappella tal-Lunzjata, miktuba mill-prokuratur  Pawlu Attard fil-1848.  Iżda l-att tan-Nutar Giov. Domenico Debono tat-22 ta’ Jannar 1604 isemmi  għalqa msemmija ic cens in contrada ta harbet lescar. Jista’ jagħti l-każ li kien inbidel l-isem tal-għalqa wara ‘il fuq minn mitejn sena jew maż-żmien inbidel il-piż minn fuq għalqa għall-oħra.


Ritratt - Caroline Busuttil


Barra minn hekk fil-25 ta’ Marzu ta’ kull sena kellhom jiċċellebraw il-festa tal-Lunzjata  bil-kant ta’ Primi Vespri u quddiesa kantata u oħra letta.   X’aktarx  li dan Ġużeppi Buhagiar  kien il-fundatur tal-knisja għax hu biss jissemma’ fid-dokument li semmejna aktar ‘il fuq.

Din l-ideja tissaħħaħ aktar meta nafu li fil-1621 dan Buhagiar  kien ħalla aktar flus, deheb u fidda lill-eredi universali  tiegħu biex jibqgħu jagħmlu l-festa ta’ kull sena u aktar minn hekk. Dawn kellhom iqassmu tlett ‘cartocias’ imbid wara l-għasar fil-knisja lil dawk li jkunu preżenti.  Kien ħalla ukoll 8 tareni fis-sena lill-kapillan biex dan ikanta l-għasar u jippriedka fil-festa. Dan nafuħ mit-testment tiegħu għand in-nutar Petru Borg li kien sar fit-28 ta’ Frar tal-1621.  Ġużeppi kien ħalla ukoll 3 uncias għall-bini tal-knisja parrokkjali tan-Naxxar.

Nafu ukoll li kien huwa li qabbad lill-pittur Giovanni Maria Abela biex ipitter il-kwadru tal-Madonna fil-1633. Dan kien l-istess pittur li pitter il-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju li hemm fil-Mużew tal-parroċċa tan-Naxxar. Kien Ġużeppi ukoll li kien ħallas għall-ewwel pittura billi fiha kien hemm pittura tiegħu stess. Din l-informazzjoni fuq il-pitturi toħroġ mir-rapport tal-isqof Cannaves fil-1716.

L-ewwel deskrizzjoni ddettaljata  ta’ din il-knisja nsibuha aktar tard fil-1636 fir-rapport tal-vista pastorali tal-isqof Balaguer.  Dan isemmi kurċifiss imżejjen b’xeni mill-passjoni ta’ Kristu. Fuq l-altar maġġur kien hemm pittura tal-Assunzjoni tal-Madonna.  Din kienet imdawwra bi gwarniċ tal-injam  indurat bid-deheb u fuq dawn kien hemm kanapew li kien fih pitturi ta’ San Pietru u San Pawl.  Fuq in-naħa tal-lemin tal-altar kien hemm imdendla il-pittura antika tal-Assunzjoni li qabel kienet fuq l-altar.  Dan ifisser li kienet diġa’ imbiddlet il-pittura anke jekk il-kappella ma kienitx ilha wisq mibnija.

Fuq in-naħa tax-xellug kien hemm pitturi ta’ San Mikiel u ta’ San Tumas.  L-isqof jikteb ukoll li fuq in-naħa ta’ nofs in-nhar tal-knisja kien hemm daħla għal ċimiterju li kien imdawwar mal-knisja.  Din l-informazzjoni hija interressanti ħafna izda stramba. Dan għaliex il-kappella hija mibnija fuq il-blat tal-qawwi u mhux ħafif li tħaffer fih. Ta’ min wieħed ifittex xi ħjiel madwar il-kappella.

Fid-deskrizzjoni tal-knejjes miktuba mill-kappillan dun Giacomo Azzopardi fil-1661, dan jikteb li l-kappella kienet ta’ kobor  biżżejjed, twila 6 canne u wiesgħa 2 u nofs.  Kienet knisja devota ħafna u miżmuma tajjeb mill-prokuratur tagħha. Kellha dħul biżżejjed biex tissodisfa l-obbligi kollha. Huwa jgħid li kien ukoll jitqassam kolazzjon lil dawk li jkunu preżenti.  Dun Giacomo isemmi l-fatt li fil-festa tal-Lunzjata, il-kleru u l-poplu tan-Naxxar kienu jinżlu proċessjonalment min-Naxxar għal din il-knisja, tul ta’ kważi tlett mili.  Dawn l-obbligi kienu jieħdu ħsiebhom l-eredi ta’ Ġużeppi Buhagiar, Duminku, Franġisku u Pietru Buhagiar, it-tlieta min-Naxxar.

Ftit tas-snin wara, l-isqof Lucas Buenos jikteb li fil-knisja kien hemm midfun Antonio Sammut.  Dan kien għal snin twal jieħu ħsieb is-salini tal-melħ “Mastro delle Saline”.

Is-seklu tmintax

F’xi żmien bejn l-1729 u l-1744 inbena altar ieħor fil-kappella fuq in-naħa tax-xellug. Dan kien iddedikat lil San Filippu u San Ġakbu. Il-pittura li kienet iżżejjen dan l-altar kienet l-istess waħda li qabel kienet fil-kappella ddedikata lil dawn il-qaddisin, kappella li kienet in-naħa tal-Għallis.

L-ewwel prokuratur tal-kappella li niltaqgħu miegħu fil-kotba tal-kontijiet li jinsabu fl-arkivju parrokkjali huwa Pietru Gauci li dam jieħu ħsieb din il-kappella għal żmien twil, mill-1738 sal-1769. Dan beda billi dar dawra mal-kappella,  ta tibjida sħiħa u għamel xogħol fil-ġebel ukoll. Ftit wara sar inkwadru ġdid tat-titular. Dan jissemma ukoll mill-isqof Alpheran de Bussan fil-vista tiegħu tal-1744.  Ktieb tal-kontijiet li semmejna, insibu l-kitba “per il quadro nuovo .....26 skudi 3tareni 10 grani”. Dawn tħallsu lil dun Vinċens Galea. Forsi kien hu li rranġa mal-pittur.

Fl-istess zmien sar ħlas ta’ 22 skud lil “Mastro Giacomo il scoltore per scoltura ed intaglio del altare”. Allura wara li saret il-pittura ġie skolpit u ddekorat l-altar ukoll.
 
Fil-1745 saru seba’ kandlieri kbar u tnejn żgħar li wara ġew indurati. Imbagħad inxtara kurċifiss tal-fidda għal fuq il-kandlier tan-nofs. B’kollox l-ispiża telgħet għal 14-il skud, 14 tareni u 10 grani. Dawn tħallsu lil dun Vinċens Galea li jidher li kien dejjem ta’ għajnuna lill-prokuratur. Fil-1749 sar ventartal ġdid li d-damask għalih kien qam 10 skudi. Ix-xogħol fl-injam ta’ dan il-ventartal ġie jiswa 16-il skud. Is-sena ta’  wara inxtraw sitt xemgħat għal fuq il-kandlieri li qamu 5 skudi u 6 tareni.  Sas-sena 1769 saru aktar xogħolijiet: sett karti tal-glorja; ġie indurat il-kwadru prinċipali; sar sett fjuretti; lampier tal-bronż; sett xemgħat ġodda għall-festa kif ukoll ġie indurat mill-ġdid il-kalċi.  Din l-informazzjoni kollha toħroġ mill-kotba tal-kontijiet li jinsabu fl-arkivju parrokkjali.

Il-knisja issa kienet tidher fornuta b’dak kollu li kien hemm bżonn. Il-festa kienet issir regolarment b’għasar solenni u quddiesa kantata li fiha kien jippriedka l-kappillan tar-raħal.  Is-sena 1769 tagħtina stampa ddettaljata tal-istat tal-knisja. L-ewwelnett għandna inventarju ta’ dak kollu li kellha. Dan kien għamlu Pietru Gauci meta huwa spiċċa minn prokuratur u għadda kollox lill-prokuratur ta’ warajh. Barra l-affarijiet li diġa’ semmejna, huwa niżżel kalċi tar-ram, 3 pjaneti tal-ħarir bl-istola u manipolu,  ventartal tal-injam impenġi, qanpiena żgħira għall-quddies u oħra kbira fuq il-knisja, 4 tvalji għall-altar,  żewġ bankijiet u tnejn oħra mwaħħlin mal-ħajt, żewġ missalli kif ukoll sitt vażetti tal-injam.

Mir-rapport finanzjarju tal-istess sena (1769)  li hemm fl-arkivju parrokjali jidher ukoll li l-knisja issa kienet f’poziżżjoni soda.  Minn beni stabbli kella dħul ta’ 133 skud u 4 tareni; flus f’idejn il-prokuratur kien hemm 67 skud u 10 tareni u 3 grani; minn flus mislufa 25 skud u 3 tareni kif ukoll flus oħra li kienu jlaħħqu 82 skud u 6 tareni.  B’hekk kellha total ta’ 308 skud 11-il taren u 3 grani.  Fost  il-beni li jissemmew kien hemm flus mislufa lil Maruzzo Schembri u martu Rosa 10 onze; Giovanni Sammut mill-Mosta 4 onze; Lorenzo Vassallo 10 onze; Luca Sant u martu Angelica 7 onze. Barra minn dan is-self il-knisja kellha ġnien bi sqaq miegħu li kien mogħti b’ċens lil Giuseppi Gauci. Kien iħallas skud u 4 tareni fis-sena.

Mhux daqstant sod kien il-bini tal-knisja. Fil-1776, il-prokuratur Dun Franġisk Ebejer kien bagħat ittra lill-kappillan Dun Ġorġ Fiteni fejn spjegalhu li l-knisja kellha bzonn kbir ta’ tiswijiet fil-ħitan tal-ġnub li kienu qed joħorġu l-barra. Huwa qal ukoll li biex isiru dawn it-tiswijiet l-ispiża kienet ser titla’ għal 60 skud. Xogħol bħal dan ma setgħax isir mingħajr l-approvazzjoni tal-kappillan, li min-naħa tiegħu ma sab l-ebda oġġezzjoni.   Il-prokuratur qabbad lill-imgħallem bennej Antonio Galdes biex jeżamina l-ħsara u jagħti parir. Dan kien tal-fehma li jinbnew żewġ ħitan biex iwieżnu l-ġnubijiet tal-knisja, huwa sejħilhom forma “delfin”. Hekk kien sar u hekk għada tidher il-knisja sal-lum.

Is-seklu dsatax

Sal-aħħar tas-seklu tmintax il-għalqa li kienet tiddota l-knisja kienet bdiet tissajjaħ tal Brairi.  Nofsha kienet f’idejn il-familja  ta’ Giacomo Camilleri, iben il-mejjet Orazio, u n-nofs l-ieħor għand is-sinjura  Maria Borg, armla minn Pietro minn Ħal Balzan. Fl-1801 din biegħet il-parti tagħha lil Angelo Cilia bl-obbligu li jħallas maż-żewġ skudi fis-sena.  Dan nafuħ mill-arkivji notarili tan-nutar Benedetto Falzon tad-19 ta’ Jannar tal-1801.

Dan Anġlu snin wara waqa’ fiż-żmien ħażin u kellu ħafna dejn. Minħabba f’hekk, fil-1823 huwa għadda din l-għalqa lill-gvern. Skont l-atti tan-nutar Diego Vella tat-28 ta’ Novembru tal-1823, il-piż tal-għalqa issa waqa’ fuq dar u bottega li huwa kellu fi  Strada Ċelsi.

Fil-1849 in-negozjant Mikiel Bugeja, iben Carlo, xtara minn għand il-gvern id-dar u bottega li kien hemm fi Triq Celsi. Billi fuq dawn kien hemm l-obbligu tal-knisja, dan Mikiel aċċettah u mhux biss iżda ħallas ukoll dak kollu li kien dovut lill-knisja sa mill-1838. Il-prokuratur Angelo Camilleri irċeva żewġ liri sterlini li kienu isarrfu 24 skud Maltin ta’ dawk it-tnax-il sena.  Mikiel Bugeja intrabat li jħallas 2 skudi fis-sena in perpetwu kull 25 ta’ Marzu.

Għall-ħabta tal-1854, il-prokuratur Paolo Attard stqarr li kien hemm bżonn somma akbar għal nofs l-obbligu. Mill-kontijiet tal-knisja jidher li Giovanni Camilleri li kien iħallas in-nofs l-ieħor kien qed iħallas 6 skudi 1 taren 10 grani. Għalhekk kien hemm bżonn li għan-nofs l-obbligu l-ieħor riedu jitħallsu 4 skudi 1 taren 10 grani oħra. Il-kollettur tal-gvern ġiegħel lill-iben Anġlu, Vittorio Cilia biex jidħol għal din is-somma meħtieġa. Dan aċċetta u barra ipoteka ġenerali huwa ipoteka ukoll meżżanin b’żewġ ġonna miegħu fi Triq Castro, fit-tieni sqaq.   Dawn il-ħlasijiet baqgħu jidhru sal-bidu tas-seklu għoxrin u wara.  Dan nafuħ mill-atti tan-nutar Luigi Vella, tat-12 t’Awwissu tal-1845.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Minbarra dan id-dħul regolari l-knisja kellha dħul ieħor. Il-ġnien bi sqaq  miegħu kien għadu jinkera u jidhru ħlasijiet sal-1896 meta mbagħad ingħata b’enfitewsi għal 150 sena lis-sinjur Francesco Manduca bi skud u 6 tareni fis-sena. Kellha kapital ta’ 25 skud mislufa lil Salvu u martu Maria Grech, li fuqu kien hemm interessi ta’ skud u 6 tareni. 25 skud oħra kienu mislufa lil Giovanni Spiteri u oħtu Anna mill-Għargħur. Għaxar skud oħra kienu mislufa lil Vittorio Cilia u wara lil Tereza Bonavia. Interessanti l-fatt li fil-1875, 10 skudi ntużaw fil-bini tal-knisja l-ġdida tal-Ħamrun.  Sal-1908 baqgħu jitħallsu l-interessi fuqhom.

Sadanittant xogħol ta’ manteniment baqa’ għaddej dejjem: tibjid, żebgħa tal-bibien, irranġar tal-bejt, xogħol fil-konfessjonarju, restawr tal-kwadru tal-Lunzjata, tvalji għall-altar kif ukol xi induratura. L-akbar spiża kienet meta ġew indurati bil-fidda t-tnax-il kandlier, tal-prima u tas-sekonda.  Din l-ispiża kienet telgħet għal 39 Lira Sterlina.  L-infieq l-ieħor kien marbut mal-festa: l-għasar u l-quddiesa, predikatur tal-paniġierku, trasport għall-qassisin, xemgħa u żejt ta’ matul is-sena.  Il-festa baqgħet issir regolarment iżda ma kienx dejjem il-kappillan li kien imexxi l-għasar u jippriedka waqt il-quddiesa.  F’dan iż-żmien, għall-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin kien prokuratur Dun Gianmari Attard. Dan kien laħaq wara Paolo Attard li dam prokuratur tal-knisja mill-1848 sal-1880.

Deskrizzjoni arkitettonika

Il-knisja titla’ għaliha minn tlett tarġiet.  Għandha faċċata tista’ tgħid sempliċi mingħajr xi dekorazzjoni partikolari. Fuq il-bieb prinċipali li jinsab fuq il-faċċata hemm pediment segmentali u żewġt itwieqi żgħar, waħda fuq kull naħa tal-bieb.  Fuq dan il-pediment insibu fdal ta’ xi emblema li jidher li maż-żmien kienet tneħħiet jew mbarxet.  Fil-parti ta’ fuq tal-bieb insibu tieqa tonda kemmxejn kbira, l-oculos, li ddawwal il-knisja minn ġewwa. Il-knisja għandha kampnar li hu parti mill-frontispizju tal-faċċata. Fuq kull naħa tal-kampnar insibu piramida forma ta’ boċċa. Insibu wkoll salib żgħir tal-ġebel fuq il-kampnar. Fil-ġenb il-knisja għandha żewġt itwieqi fuq kull naħa li jkomplu jdawlu lil din il-knisja. Il-faċċata ta’ din il-knisja hi kemmxejn partikolari minħabba l-irfid tal-ħitan tal-ġnub biex isaħħaħ l-istruttura tagħha. Dan l-irdid kien sar fl-1776.  Dan l-aħħar sar restawr estensiv fuq il-faċċata tagħha fejn kellu jinħatt parti mill-kampnar li reġa’ nbena mill-ġdid.

Il-knisja għandha pjanta rettangolari b'saqaf troll. Il-kwadru titulari li hemm illum hu xogħol ta' Emvin Cremona u sar flok ieħor li kien sar fl-1739 minn Ġann Nikol Buhagiar li llum jinżamm fil-parroċċa ta' Burmarrad. Hemm 2 kwadri żgħar li juru lil San Pawl ma' San Publiju u ieħor tal-Madonna u San Luqa, xogħol ta' skola ta' Francesco Zahra. Hemm kwadru kbir ieħor ta' San Filippu u San Ġakbu ta’ Enrico Regnaud, li kien inġab minn kappella li kien hemm fl-Għallis u li llum spiċċat għal kollox.


Pittura tal-knisja tal-Lunzjata fis-Salini - Andrew Micallef


Il-knisja llum

Fis-seklu għoxrin kollox baqa’ għaddej bħal qabel għalkemm mhux dejjem kien hemm prokuratur. Quddies baqa’ jsir regolarment fil-Ħdud u festi kmandati. Għal xi żmien kienu jieħdu ħsieb il-knisja l-Ġiżwiti. Illum, għalkemm għadha fil-konfini tan-Naxxar, ma tagħmilx aktar parti mill-parroċċa tan-Naxxar.   Bħall-knisja l-oħra li hemm fis-Salina, dik ta’ San Mikiel, tagħmel parti mill-parroċċa ta’ Burmarrad.  Issir quddiesa fiha kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija.

Kitba ta’ Paul Catania
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Carmel Bezzin, Benny Scerri a u Anthony M. Brincat.  Ħajr l-Arkivji Nazzjonali
Pittura ta’ Andrew Micallef

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Hajr Arkivji Nazzjonali
Ritratt - Carmel Bezzina - Lunzjata Salini - Kwadru titulari
Ritratt - Anthony M.Brincat - Lunzjata Slini Titular Antik
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Benny Scerri - Il-Lunzjata tas-Salini wara r-restawr
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com