KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-Madonna ta' Manresa
 fil-Kurja Arċiveskovili

~ Floriana  ~

Madwar ix-xhur tar-Rebbiegħa tas-sena 2020 id-dinja nħakmet minn pandemija b’mikrobu ġdid, imsejjaħ il-Covid-19. Dan il-mikrobu nfirex fi ftit xhur u għamel ħerba mad-dinja kollha u eluf mietu konsegwenza tiegħu u mijiet ta’ eluf oħra ġew infettati iżda għall-grazzja t’Alla fiequ.

L-isfond

Waħda mill-miżuri li l-awtoritajiet tad-dinja ħadu biex jikkontrollaw il-firxa ta’ din il-marda kienet kwarantina mifruxa tan-nies f’forom varjati, minn dik li ssejħet “social distancing” fejn in-nies intalbet toqgħod ‘il bogħod minn xulxin almenu żewġ metri sa dik li bdiet tissejjaħ “lockdown”, jew kwarantina totali b’kulħadd jingħalaq ġewwa u bi ħwienet, postijiet ta’ divertiment u servizzi, għajr dawk essenzjali, jibqgħu magħluqin.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju, il-Knisja Universali tat-dispensa unika li qatt ma kien hemm bħalha qabel fejn ingħalqu l-knejjes u ntemmu ħesrem il-funzjonijiet u ċ-ċerimonji, fosthom ukoll dawk tant għeżież marbutin mal-ġranet tal-Għid. Iżda dan ma fissirx li l-Knisja abbandunat lill-Fidili. Bil-mezzi ta’ komunikazzjoni li jeżistu llum bdew isiru ċ-ċelebrezzjonijiet tal-funzjonijiet permezz tat-televiżjoni jew b’meżżi soċjali oħrajn biċ-ċelebrant, waħdu, jiċċelebra l-funzjonijiet u jwassal il-kelma t’Alla lill-Fidili. Kien ukoll jingħad ir-Rużarju kuljum bl-istess mod. Min ried iżomm kuntatt u l-fidi tiegħu ħajja seta’ jagħmel dan anke mill-kumdità ta’ daru.

L-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles J. Scicluna kien jiċċelebra l-funzjonijiet prinċipali kif ukoll il-quddiesa kuljum mill-Kurja tal-Arċisqof li tinsab fil-Floriana. Il-funzjonijet kienu jsiru fil-kappella li hemm fil-binja tal-Kurja u li hija ddedikata lill-Madonna ta’ Manresa. U f’dan il-kuntest qed niktbu llum biex nagħtu ftit informazzjoni dwar din il-kappella.

Id-dar għall-Irtiri fil-Floriana

Fl-1743 is-saċerdot Ġiżwita Pier Francesco Rosignoli (1691-1775) minn Novara, beda l-bini ta' dar għall-irtiri fil-Floriana. Fiha nbniet kappella ddedikata, kif kważi huma ddedikati d-djar kollha tal-irtiri tal-Ġiżwiti, lill-Madonna ta' Manresa. Manresa huwa l-post ħdejn Barċellona fi Spanja fejn San Injazju ta' Loyola, fundatur tas-Soċjetà ta' Ġesù jew il-Ġiżwiti, kiteb l-Eżerċizzi Spiritwali waqt li kien qed ifieq minn feriti li kien laqqat fl-assedju ta’ Pamplona. It-tradizzjoni tgħid li l-Madonna kienet tidhirlu meta hu kien jgħix ta' eremita fi grotta u tigwidah fil-kitba tagħhom. Dan kien fis-snin 1522 u 1523.

Il-binja li bena l-Ġiżwita Pier Francesco Rosignoli hija binja mponenti, illum imdawwra bil-ġonna tal-Argotti fuq il-lemin, il-Mall fuq in-naħa ta’ wara u x-xagħra tal-Furjana fuq ix-xellug għalkemm meta nbniet il-lok kien parti diżabitat tal-Floriana.

 

Ritratt - Noel Ciantar


Quddiem din il-binja illum hemm il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li ġie mibni mill-Gran Mastru Portugiż Manoel De Vilhena ftit qabel fl-1734 u kien jintuża bħala istitut imsejjaħ ‘Casa D’Industria’, fejn xbejbiet li ma kellhomx fejn joqogħdu kienu jinġabru u jgħixu hemm. Fi żmien l-Ingliżi, għal kważi mitt sena mill-1850 sa’ ma’ tlesta l-Isptar San Luqa fl-1949, dan il-bini serva ukoll bħala l-Isptar Ċentrali.

Intant, il-binja ta’ Rosignoli inbniet fuq l-istil tal-ġurnata. Il-Barokk kien laħaq il-quċċata tiegħu u żviluppa fl-istil Rococo, stil aktar ornamentat mill-Barokk ta’ qablu. Fil-faċċata prinċipali jiddomina bieb kbir, imdawwar b’girlanda mnaqqxa fil-ġebel. Fuq kull naħa hemm kolonna sempliċi ta’ stl Tuskan b’urna sserraħ fuqha u li minnha tidher ħierġa fjamma minquxa fil-ġebel.

Fuq il-bieb innifsu, tiddomina l-iskultura tal-Madonna ta’ Manresa bil-Bambin Ġesù f'idejha. Din il-kompożizzjoni tinsab fi gwarniċ tond tal-ġebel. Taħt il gwarniċ hemm il-kliem mis-Salm 33 li jgħid “Venite filii audite me“ li jfissru “Ejjew uliedi isimgħuni”. Fuq ras il-Madonna tidher żigarella bil-kliem “Marija Santissima (forma mqassra) Vergine di Manresa”, li hi d-dedika ta’ din il-binja. Fuq in-naħat tal-Madonna, insibu statwi kbar, waħda ta’ San Pawl fuq ix-xellug (tal-Madonna) u l-oħra ta’ San Ġwann il-Battista, liema qaddisin huma l-patruni ta’ Malta u tal-Ordni ta’ San Ġwann. Ma jonqsux dekorazzjonijiet b’putti, żigarelli u arzelli minquxin fil-ġebel.

It-twieqi kbar li hemm fuq kull naħa ta’ dan il-bieb għandhom grada kbira tal-ħadid fondut biex tipproteġi l-binja minn dħul mhux awtoriżżat. Minn dawn it-twieqi hemm sebgħa fuq kull naħa. It-tnejn li jmissu mal-bieb prinċipali huma ddekorati pariġġ il-bieb, imdawwrin bi gwarniċ tal-ġebel u b’dekorazzjonijiet stil rococco f’forma ta’ arzelli, putti, skrollijiet, stilla (it-tieqa tal-lemin) u qamar (tax-xellug) kif ukoll xi fjuri fil-parti ta’ taħt it-tieqa. Il-bqija tat-twieqi m’humiex dekorati. Fuq il-pilastru ta’ bejn l-ewwel u t-tieni tieqa fuq kull naħa hemm arma li l-wiċċ tagħha jidher sfreġjat. Dan probabbli sar fil-ħakma Franċiża u possibbilment kienu juru l-armi tal-Isqof li fi żmienu kienet inbniet id-dar u tal-Gran Mastru tal-istess żmien .

Il-parti ta’ fuq tal-binja, b’kuntrast assolut, mhi dekorata xejn għajr għal twieqi sempliċi mqiegħdin vertikalment eżatt fuq kull tieqa fil-parti t’isfel. Donnu l-arkitett riedna li niffukaw biss fuq il-bieb prinċipali. Iżda s-sular ta' fuq inbena ħafna snin wara dak ta' isfel.

Ritratt - Noel Ciantar - Dettall tal-faccata
Ritratt - Noel Ciantar     - L-isqof Apheran de Bussan
Ritratt - Anthony M. Brincat - Padre Pier Francesco Rosignoli SJ
Ritratt - mill-Internet - Faccata

Il-kappella tal-Madonna ta’ Manresa

Jekk il-faċċata tal-binja hija ddekorata b’mod li tassew jolqot l-għajn, xejn anqas m’hi il-kappella li hemm ġewwa l-binja.

Din il-kappella tal-Madonna ta' Manresa tinsab ġewwa l-bini tal-Kurja Arċiveskovili fil-Floriana u tidħol għaliha minn triq Vinċenzo Bugeja, fuq il-ġenb tal-lemin tal-binja. Fuq in-naħa ta' wara l-altar prinċipali hemm kappella oħra żgħira li hija ddedikata lil San Kalċidonju.  Din tintuża wkoll biex jintrama’ s-Sepulkru fiha f’Ħamis ix-Xirka.

Leonard Mahoney fil-kotba tiegħu “5000 Years of Architecture in Malta” u “A History of Architecture” jattribwixxi l-bini tad-dar u l-kappella lil Andrea Belli. Il-binja tlestiet u tbierket mill-Isqof Paolo Alpheran de Bussan fis-16 ta' Marzu 1751. Il-kappella nbniet minn donazzjonijiet ta' Don Pietro, Infante tal-Portugall u Gran Prijur ta' Crato, li l-arma tiegħu, flimkien ma' iskrizzjoni bid-data 1749, jidhru fuq il-bieb tal-kappella. Fit-23 ta' Lulju 1786 l-Isqof Vincenzo Labini kkonsagra din il-kappella.


Ritratt - Anthony M. Brincat


Belli aktarx li kien influwenzat mid-disinn ta' Francesco de Volterra għall-knisja ta' San Giovanni degli Incurabili, f'Ruma Huwa ddisinja l-kappella f'forma elliptika b'kor naqra fond f'tarf l-assi t-twil, u erba' kappelli laterali li bejniethom hemm żewġ bibien li jagħtu għall-kuriduri fil-binja. Fuq kull ġenb tal-kappelli u l-bibien jitilgħu pilastri bi stil Kompost li bejniethom insibu arkati. Tgħaqqad dan kollu nsibu ċ-ċinta li ddur mal-kappella kollha u fuqha sitt twieqi, erba' minnhom bi gwarniċi stil Rococo u t-tnejn l-oħra b'arkati.

Minn fuq dan kollu titla' l-koppla bil-panewwijiet u bi skultura ta' arzelli. Iżda Belli ried li l-attenzjoni ta' min jidħol fil-kappella tmur u tiffoka fuq l-altar ewlieni. L-altar huwa miksi b-irħam prezzjuż u fiħ kwadri bil-ganutell u xi relikwi tal-qaddisin. Fuqu hemm il-kwadru titulari mdawwar b'reredos skulturat fil-ġebel u aktar 'l fuq fl-arzella hemm il-figura tal-Ispirtu s-Santu mdawwar b'ħafna raġġi.

L-altari laterali huma wkoll imżejna b'reredos. Ix-xogħol ta' skultura li nsibu f'din il-kappella huwa mill-ifjen u jixbaħ ħafna xogħol ieħor ta' Belli li hemm fil-Berġa ta' Kastilja, fil-Kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat u fil-palazz li sa ftit snin ilu kien il-Mużew tal-Arti fil-Belt Valletta.

Waqt li Belli sebbaħ din il-kappella bid-disinn tal-arkitettura tagħha, il-pittur Franċiż Antoine Favray żejjinha bi tmien kwadri mill-isbaħ. It-titular juri lill-Madonna bil-Bambin ma' San Injazju, li jidher qed jikteb fuq ktieb li fih hemm il-kliem “Eżerċizzi Spiritwali”. Il-kwadru huwa mdawwar b’prospettiva (reredos) minquxa fil-ġebel li hi mżejna b’girlandi ta’ weraq u skrollijiet. Fuq kull naħa tal-kwadru, bħala parti mill-prospettiva, naraw pilastru stil Joniku. Fuq kollox hemm cartouche li fih il-kliem “Dei figlio docente matre dictante udite”, li hija eżortazzjoni biex nisimgħu minn Bin Alla. Fuq din il-cartouche hemm kuruna kbira mnaqqxa fil-ġebel.

L-arzella ta’ fuq l-altar tista’ ssejħilha li hi splużzoni ta’ raġġi tad-dawl li minnhom hiereġ l-Ispirtu s-Santu, irrafigurat bil-forma tas-soltu ta’ ħamiema. Ma jonqsux l-iskrollijiet, weraq u sħab biex jikkumplimentaw id-disinn ta’ din l-arzella. Ix-xifer tal-arzella wkoll hu ddekorat bil-girlandi tal-weraq. Fin-nofs hemm cartouche ieħor li juri fih l-istemma tal-isem tal-Madonna. Fuq dan il-cartouhe ukoll insibu kuruna kbira oħra. Meta tara l-altar maġġur ma tistax ma tissaħħarx bl-arti fil-ġebla Maltija.

Fil-mensola tal-altar ewlieni hemm urna tal-fidda li fiha l-fdalijiet relikwi tal-martri San Kalċidonju. Dawn inġiebu miċ-ċimiterju ta' Pretastato ħdejn Ruma u kienu rigal tal-Papa Benedittu XIV. Dawn kienu nġiebu f'din il-kappella b'sollennita kbira mill-knisja ta' San Publiju fl-20 ta' Mejju 1753. Minn dak iż-żmien baqgħet tikber dejjem id-devozzjoni lejn dan il-martri, tant li kemm il-kappella u kif ukoll il-binja bdew jissejħu ta' San Kalċidonju minn xi wħud. Fl-iskanell tal-altar hemm żewġ kwadri bir-relikwi ta' ħafna qaddisin u li huma mżejna bil-fjuri tal-ganutell

Fuq in-naħa ta' wara tal-kor tal-kappella hemm kappella oħra żgħira b'altar u kwadru ta' San Kalċidonju, attribwit lil Francesco Zahra. Il-festa tal-qaddis tiġi ċċelebrata fl-24 ta' Lulju u l-kappella tkun miftuħa għall-pubbliku.

L-altari laterali ukoll huma mżejnin bl-istess mod, b’reredos stil Rococo mnaqqax madwar il-kwadri ta’ Favray. Dawn il-kwadri juruna dik li għandha tkun il-ħajja u l-mewt tan-nisrani. L-ewwel altar fuq ix-xellug juri lil San Ġwann il-Battista, protettur tal-Ordni ta’ San Ġwann. Miegħu, fl-istess kwadru, hemm San Pawl, il-patrun ta’ Malta. Ta’ min jinnota li dawn iż-żewġ qaddisin huma wkoll raffigurati bi statwi mal-faċċata ta’ barra tal-binja nnifisha.

Imbagħad, fuq in-naħa tal-lemin insibu kwadru li juri l-mewt ta' San Ġużepp, ikkonfortat minn Ġesù u minn Marija. It-tieni altar fuq ix-xellug, juri l-mewt ta’ San Franġisk Saverju, qaddis missjunarju Ġiżwita filwaqt li faċċata tiegħu, fuq it-tieni altar fuq il-lemin, naraw l-Anġlu Kustodju jerfa' ruħ mill-Purgatorju. Dawn it-tlett kwadri tista’ tgħid li juru kif għandha tkun mewta tajba – suġġett addattat għal meta wieħed ikun qed jimmedita waqt xi rtir kif kien il-ħsieb ewlieni tal-użu ta’ din il-kappella meta nbiet oriġinarjament.
 

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar


Ma jonqsux ukoll kwadri li juru l-fundatur tal-Ordni tal-Ġiżwiti. Żewġ kwadri oħra li għandhom forma ovali, fuq il-bibien laterali, juru lil San Injazju meta kkonverta wara li kien ferut f’siequ fil-battalja ta’ Pamplona, u l-ieħor lil San Injazju jqassam ġidu lill-foqra. Fuq nett, min kien ikun qed jitlob imbagħad seta’ jara il-figura tal-Missier Etern iħares lejħ bħal li kieku jfakkru l-iskop kollu tal-eżerċizzju li kien dak li jipprepara għall-ħajja ġejjiena. Dan l-aħħar kwadru kien ġie restawrat riċentament u f’Ġunju tal-2019 kien għadu ma tqiegħidx f’postu.

Wikimedia-Anonymous_Portrait_of_the_Infante_Pedro_(1745)
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat                     Calcedonius09
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

San Kalċedonju

Bħalma kien jiġri fl-epoka li nbniet fiha din il-binja, kappella ma kenitx tkun kompleta mingħajr relikwa ta’ xi qaddis martri tant li kienet moda li jinġabu l-fdalijiet sħaħ ta’ xi qaddis – l-hekk imsejjaħ “korpusant” (mill-kliem “corpo santo”). Il-fdalijiet kienu ġeneralment jitqiegħdu f’urna ta’ metall prezzjuż u ngastati fil-mensola tal-altar. Kienu jiżżejnu b’xi lbies fin bħalma hu l-ħarir jew id-damask u anke kienu wkoll jiżżejnu b’xi ġojjellerija mogħtija mill-Fidili. Illum dan kollu narawħ xi ftit jew wisq makabru u fdalijiet umani ġeneralment inħalluhom jistrieħu fil-paċi. Farka ta’ xi abitu jew possessjoni oħra llum tkun biżżejjed biex jitqiegħedu fil-mensola tal-altar.

Padre Rosignoli telaq minn Malta f’dik l-istess sena meta nġabu l-fdalijiet ta’ San Kalċedonju.

It-Traslazzjoni tar-relikwi ta’ San Kalċedonju

Ir-relikwi tal-qaddis kienu ġew awtentikati b'digriet tal-Papa Benedittu XIV mibgħut lill-Isqof Paolo Alpheran de Bussan. It-traslazzjoni tal-Fdalijiet Qaddisa saret fl-20 ta' Mejju 1753. L-Isqof talab lil Padre Rosignoli biex isib ċelebrant għall-festa u ordna li r-relikwi jibdew jinġarru mill-knisja ta' San Publiju bil-parteċipazzjoni tal-parroċċi tal-Belt Valletta, tal-Birgu, l-Isla u Bormla. L-Isqof ħareġ digriet li bih ta l-indulġenza plenarja lil dawk kollha li kienu se jieħdu sehem fil-purċissjoni tat-traslazzjoni. Padre Rosignoli stieden lill-kleru sekulari u regolari tal-Belt Valletta flimkien mal-fratellanzi li mxew wara l-istendardi tagħhom. Fit-13 ta' Mejju Padre Rosignoli mar fis-sagristija tal-Kolleġjata ta' San Pawl tal-Belt u talab lill-Arċipriet Dun Pasquale Grima l-permess biex jieħu r-relikwi mill-knisja filjali ta' San Publiju li kienet għadha ma saritx parroċċa.

Il-knisja ta' San Publiju żżejnet bid-damask, ħafna xemgħat u girlandi ta' fjuri u weraq. Skrizzjoni kienet taqra “CALCEDONIUS IN PACE”. Waqt il-purċissjoni ġew sparati ħafna tiri tal-kanuni u ndaqqu l-qniepen kollha tal-Belt u t-Tlett Ibliet. Tant kien hemm folol kbar li kellhom jindaħlu s-suldati biex jikkontrollawhom. Ir-relikwi kienu mqegħda fuq l-altar għal tlett ijiem għall-venerazzjoni tal-poplu. Sar triduum u wara tqaddset Quddiesa bil-kant u bil-mużika. Sar standard li fih kien jidher il-qaddis u li tpitter minn Antoine Favray. Saru ħafna priedki bil-Malti, u waħda minnhom saret minn Dun Francesco Wizzini, predikatur famuż.

It-temp waqt il-purċissjoni ma tantx kien sabiħ. L-organiżżatturi kienu xtaqu li l-Kapitlu tal-Katidral jieħu sehem iżda billi l-Kavallieri oġġezjonaw li dawn jilbsu l-mitra u s-salib pettorali li kien tahom l-Isqof Alpheran, dawn ma ġewx mistiedna.

Fuq in-naħa ta' wara tal-urna bir-relikwi ta' San Kalċidonju hemm din il-kitba “Nomine proprio repertum corpus S. Calcedonii Martyris in Coemeterio Pretestati dono misit Benedictus Pont M.” ( Il-Papa Benedittu XIV rregala l-Ġisem tal-Martri San Kalċedonju misjub b'dan l-isem fiċ-ċimiterju ta' Pretestato)
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Fejqan bl-interċessjoni ta' San Kalċidonju

Fil-kitba “Relazione della Pia Casa eretta in Malta per gli Esercizzi Spirituali di San Ignazio Lojola sotto titolo della Madonna di Manresa ....... dedicata a San Calcedonio” li tinsab fl-Arkivji tal-Kurja Arċiveskovili fejn huma deskritti l-festi li saru għat-traslazzjoni tar-relikwi ta' San Kalċidonju, hemm imsemmija tliet każi ta' ommijiet li kien qed ikollhom ħlas diffiċli, li iżda wara li talbu l-interċessjoni tal-Qaddis, huma kellhom ħlas tajjeb u bla tbatija.

L-istess kitba tagħti lista ta' erbgħa u tletin każ ta' fejqan ukoll bl-interċessjoni tiegħu. Il-kitteib f'kull każ isemmi s-sess, l-istat ċivili, l-eta, jekk hux Malti jew Għawdxi tal-marid u dettalji tal-mard li fosthom isemmi deni qawwi, puplesija u problemi gastriċi. Hu jsemmi wkoll ir-rimedji li dawn kienu jfittxu barra r-rimedji mediċi. Hu jsemmi dlik biż-żejt tal-lampier li kien jixgħel quddiem ir-relikwi u kif ukoll tajjar li kien jintmess magħhom. F'żewġ każi jgħid li l-marid kien xorob ilma mħallat ma' trab tal-għadam tar-relikwi. Isemmi wkoll żewġ każi fejn tliet tobba tas-Sagra Infermeria, Enrico Magi, Giovanni Bruno u Carlo Perdon, jixhdu dwar fejqan prodiġjuż bl-interċessjoni ta' San Kalċidonju.

Ir-Refetorju tad-dar

Din id-dar, li oriġinarjament kienet maħsuba biex tkun dar tal-irtiri, għandha refetorju mdaqqas. San Injazju jien jenfasiżża l-użu tas-sensi waqt it-talb u għalhekk, anke l-kamra tal-ikel kellha tkun mezz ta’ kontinwazzjoni ta’ talb wara l-meditazzjoni fil-kappella. Kien isir qari mill-Bibbja waqt l-ikel u dan kien ikkumplimentat minn għadd ta’ kwadri li juru xeni Bibbliċi fejn jissemma’ l-ikel. Kull pittura hija akkumpanjata minn cartouche bi kwotazzjoni mill-Bibbja li juri liema passaġġ ispira l-pittura. Fit truf tal-kamra hemm pittura ta’ San Pawl meta wasal f’Malta u intlaqa’ minn Publiju, il-Protos tal-gżira. In-naħa l-oħra turi l-glorja tal-Ħaruf t’Alla. F'waħda mill-pitturi hemm dettal kurjuż. Figura ta' ewnuku (eunuch) tidher li f'id waħda għandu sitt iswaba'. Dan mhux żball tal-pittur iżda hija kundizzjoni anatomika li xi kultant bi skerz titfaċċa f'xi bnedmin. Bl-Ingliż tissejjaħ 'polyductyly'


Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar


Dawn il-kwadri saru fi żmien it-tieni direttur tad dar, Padre Domenico Calvi fl-1762 u preżubilment tpittru minn pittur Sqalli, Pasquale Leonetti, li ma nafu xejn dwaru għajr ismu li jidher impitter fis-saqaf ta’ din is-sala.

Storja aktar riċenti

Il-Ġiżwiti baqgħu f'din id-dar sakemm tkeċċew minn Malta fl-1768, meta l-binja għaddiet f'idejn id-Djoċesi.

In 1798, il-binja waqgħet taħt idejn il-Franċiżi biex jitqiegħdu fiha 600 suldat waqt l-okkupazzjoni Franċiża.

Meta f’Settembru tal-1800 telqu l-Franċiżi u minflokhom daħlu l-Ingliżi u l-allejati tagħhom, il-binja ġiet okkupata mit-truppi tar-Renju ta’ Napli u Sqallija għax fil-Floriana ma kienx hemm bini ieħor addattat għal dan l-għan.

Fl-1802 il-binja ttranġat u ingħatat lura lill-kleru iżda billi s-sena ta’ wara faqqgħet gwerra oħra kontra l-qawwiet Franċiżi, it-truppi barranin baqgħu jokkupaw din il-binja. Dan reġa’ ġara f’Lulju tal-1805 meta l-Logutenent Ġeneral Sir James Craig ġab madwar 6,000 suldat u stazzjonhom fil-binjiet il-kbar tal-Belt u l-Floriana, fosthom din id-dar.

Fl-1813 il-binja messha xort’oħra: Bdiet tintuża bħala sptar militari għall-pazjenti tal-forzi armati li kienu ntlaqtu bil-mixja tal-pesta li kienet ħakmet lil Malta dik is-sena. Din il-binja baqgħet tintuża mill-militar daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra sal-1853 meta ingħatat lura lill-Gvern Ċivili.

Ftit snin wara, l-isqof ta’ dak iż-żmien, Gaetano Pace Forno, mexxa s-Seminarju mill-Imdina għal din il-binja. Baqgħet isservi ta’ Seminarju Djoċesan għal aktar minn seklu. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-binja sarula xi ħsarat u aktar tard dawn issewwew u l-post ġie mmodernizzat.

Fl-1977, l-arċisqof il-ġdid ta’ dak iż-żmien, Ġużeppi Mercieca, iddeċieda li jmexxi s-Seminarju Djoċesan lejn binja f’tal-Virtù fir-Rabat. Id-dar ta’ Manresa fil-Floriana bdiet tintuża għall-amministrazzjoni tal-Kurja tal-Arċidjoċesi ta’ Malta minflok minn fejn kienet qabel fil-palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta u għadha hemm sal-lum.

Restawr Riċenti

Fil-bidu tal-2021 , tlestiet l-ewwel fażi tal-konservazzjoni tal-faċċata ewlenija  se jara l-faċċati kollha restawrati.

Din il-fazi tar-restawr ħadet il-Premju Din l-Art Ħelwa għall-wirt arkitettoniku.

The Din l-Art Ħelwa Architectural Heritage Awards huma mfassla biex jinkoraġġixxu l-eċċellenza arkitettonika f’kuntest Malti, ir-riabilitazzjoni u l-użu mill-ġdid ta’ bini antik, u r-rikonoxximent tax-xogħol dedikat ta’ dawk attivi fil-qasam tar-restawr.

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat   - Santa ta' San Kalcedonju                   Calcedonius16
Ritratt - Anthony M. Brincat   - Santa ta' San Kalcedonju
Ritratt - Noel Ciantar
Mill-Internet - British_guard_infantry
Ritratt - Kurja ta Malta03
Ritratt - Kurja ta Malta01

Dawn l-Awards huma organizzati bl-appoġġ tal-Kamra tal-Periti u l-Inġiniera Ċivili.

L-ippjanar għal dan il-proġett ta’ restawr beda fl-2017, meta ġew ikkummissjonati studji biex jistħarrġu l-kundizzjoni eżistenti tal-ġebel tal-faċċati ta’ barra tal-palazz.

Billi nbnew f'diversi fażijiet differenti,  żoni differenti tal-bini urew ħsarat u deterjorament differenti. L-orjentazzjoni tal-binja, il-prossimità tagħha għall-baħar, u l-bidliet fl-ambjent urban ta’ madwaru kollha kellhom sehem fil-proċess tax-xjuħija tal-binja u ħolqu manifestazzjonijiet uniċi ta' deterjorament li kienu jeħtieġu studji u ttestjar xjentifiċi.

L-interventi inkludew l-applikazzjoni ta’ bijoċida, tindif kimiku, tindif mekkaniku bl-użu ta’ microblasting u skieken  kirurġiċi, tiswijiet permezz ta' injezzjoni ta’ taħlitiet ta' tikħil iddisinjati apposta, tibdil tal-ġebel, trattamenti ta’ konsolidazzjoni, u l-għoti mill-ġdid ta' ġonot tat-tikħil fejn meħtieġ. Barra minn hekk, saru wkoll interventi ta’ protezzjoni, bħall-protezzjoni ta’ gwarniċijiet u ledges b’tikħil bid-deffun tradizzjonali.  Sar ukoll pjan ta’ manutenzjoni faċli biex jiġi żgurat il-effett tal-intervent u tar-riżultati miksuba permezz tal-investiment kapitali inizjali ma jintilifx malajr.

Ir-restawr tal-faċċata tal-Kurja ġie ffinanzjat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, wara l-approvazzjoni tal-Kumitat Djoċesan tal-Finanzi presedut mill-Arċisqof Charles Scicluna

L-Award li ngħata kien il-Prix d’Honneur f’Kategorija C - Proġett ta' restawr u konservazzjoni.

Aktar tard f’Lulju tal-stess sena, ġie inawgurat ukoll id-dawl tal-faċċata.  Dan sar b’mod metikoluż u skont l-ogħla standards ta’ dawl ta’ bini storiku,  li sar mid-ditta Melloncelli s.r.l., ibbażata fil-provinċja ta’ Mantova fl-Italja. Il-proġett kien iffinanzjat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta li fl-aħħar snin żied l-isforzi tiegħu f’diversi parroċċi biex jiżgura li l-wirt Kattoliku jiġi rrestawrat għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

F'dawn iż-żminijiet tal-pandemija, fil-kappella qed tiġi ċċelebrata l-quddiesa u jingħad ir-Rużarju, li tintwera fuq TVM2 fid-9.30am u l-5.30pm.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Xi tagħrif ittieħed mill-ktieb "Treasures of Faith" ta' Edgar Vella.
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat, Noel Ciantar, u mill-Internet

MonsCharlesSciclunaCoatOfArms
Ritratt - Kurja ta Malta02
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com