KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Rayden Mizzi

Il-knisja ta’ Sant’Agata
~ Limiti ta’ Bubaqra, Żurrieq ~

Santa Agata hija waħda mill-patruni ta’ Malta u għalhekk mhix ħaġa kbira li f’Malta hawn ċertu devozzjoni lejha.  F’Malta għadhom jeżistu erba’ kappelli ddedikati ‘l din il-qaddisa.  Dawn jinsabu fl-Imdina, tnejn oħrajn fir-Rabat u waħda fiż-Żurrieq, fil-limiti tal-inħawi magħrufin bħala ta’ Bubaqra inti u sejjer fit-triq li tieħdok Ħal Far.

Oriġini

Achille Ferres jgħidilna fid-Descrizione Storica delle Chiese di Malta e Gozo li l-ewwel knisja mibnija f’dan il-lokal u ddedikata ‘l Sant’Agata kien fis-seklu sittax iżda ma jagħtix id-data eżatta.   Fiż-żjara tal-monsinjur Pietro Disina tal-1575 tissemma’ knisja tal-kampanja bl-isem ta’ Sanctae Agathae in contrata casalis Zurricai.  Il-kanonku Vinċenz Borg, fil-Melita Sacra II jgħid li din tidher li hi l-istess waħda li tissemma’ aktar tard f’Bubaqra.   Fl-1575 din il-knisja kellha altar, pavimentar u bibien tal-injam; dawn tal-aħħar kienu xi ħaġa rari f’dawk iż-żminjiet bikrin ta’ wara l-Assedju l-Kbir li kien seħħ biss għaxar snin qabel.  Iżda l-knisja la kellha rettur, la dħul u lanqas il-ħwejjeġ neċessarji għall-kult.  Ċertu Jacopus Magro, miż-Żurrieq, li kellu għalqa msejħħa “Sant’Agata” fl-inħawi magħrufin bħala “Ta’ Sant’Agata”, kellu l-obbligu li  jiċċelebra hemm jum il-festa bil-quddiesa.  Ta’ min jgħid li dawn l-inħawi,  anke fis-sena 1428, kienu diġà magħrufin b’dan l-isem u għalhekk jista’ jkun li seta’ kien hemm knisja hawn anke qabel milli qed ngħidu, jiġifieri fis-seklu ħmistax.
 

Ritratt - minn Wikipaedia           St_Agatha_chapel_Zurrieq_12345


Fl-1594, meta żarha l-isqof Tommaso Gargallo, il-knisja kienet ġiet armata b’kull ma kellha bżonn inkluż kandelabri u lampier.  Kellha wkoll ċimiterju magħha li kien imdawwar b’ħajt.  Kien hemm sagristan li kien jieħu ħsieb din il-knisja u jara x’kien jonqosha.  Nhar il-festa, il-kappillan taż-Żurrieq kien imur b’purċissjoni bin-nies tal-parroċċa warajħ sa din il-knisja u jqaddes quddiesa fiha.

Meta reġa’ żahra l-istess isqof Gargallo fl-1598, l-għalqa li semmejna kienet għaddiet għand ċertu Francesco Saliba, li wkoll kien josserva l-piżijiet li din il-knisja kellha marbutin magħha.

Għalhekk, fis-seklu sittax il-knisja kienet qed tiffunzjona.  Fil-bidu tas-seklu sbatax, fiż-żjarat pastorali tal-isqof Gargallo (1608) u l-isqof Cagliares (1615) il-knisja nstabet li kellha kull ma kien jinħtieġ għall-kult.  Kellha wkoll pittura fuq l-altar.  Francesco Saliba, li kien għad kellu l-għalqa li semmejna aktar ‘il fuq,  kien għad ukoll iġorr il-piż marbut magħha jiġifieri li jagħmel quddiesa fiha nhar il-festa.

Fl-1618, fi żjara oħra tal-isqof Cagliares, insibu li l-aħħar testment ta’ Francesco Saliba, għand in nutar Bernardo Azzopardi fl-istess sena, kien jorbot lill-werrieta tiegħu biex ikomplu jerfgħu il-piż ta’ quddiesa nhar il-festa ta’ Sant’Agata f’din il-knisja.  Iżda x-xiri taż-ż-żejt biex jinxtegħel il-lampier kien jiddependi fuq il-kontribuzzjonijiet tal-fidili.   Skont dan it-testment, l-eredi ta’ Francesco Saliba kellhom jipprovdu wkoll ix-xemgħa għall-knisja kif ukoll kellhom jipprovduha b’salib.

Fl-1636, il-knisja kien jieħu ħsiebha Bjaġju Saliba, bin Francesco Saliba.  Iżda għal xi raġuni, il-knisja ġiet dekonsagrata fl-1658 waqt iż-żjara tal-isqof Balaguer de Camarasa. 

Iżda bħalma kien jiġri ta’ spiss, il-knisja reġgħet inbniet.  Madwar is-sena 1854 il-knisja ċċekknet minn Francesco Grixti, magħruf bħala “Ta’ Katita”.  Dan għamlu bħala twettieq ta’ wegħda li kienet għamlet waħda mara li riedet tara l-knisja mibnija mill-ġdid.

Il-knisja reġgħet ġiet ikkonsagrata fl-1859 waqt iż-żjara pastorali tal-isqof Gaetano Pace Forno.  Il-konsagrazzjoni tal-knisja kienet saret mill-Vigarju Ġenerali il-monsinjur Filippo Amato.

Mal-bidu tas-seklu għoxrin, fl-1900, il-knisja żżejnet biż-żieda tal-portiku, li għalkemm sempliċi, jagħmila unika fost il-kappelli tad-daqs tagħha.

Fis-seklu għoxrin, matul it-tieni gwerra dinjija, il-knisja kienet tintuża mir-Reverendu Rutledge biex jagħmel il-quddies għas-suldati Ingliżi li kienu stazzjonati fil-qrib.  Aktar tard, fl-1952 il-knisja tkabbret mill-prokuratur tagħha Dun Salvatore Farrugia. Hu żied kamra mal-knisja fuq ix-xellug tagħha, għamel il-pavimentar ġdid fil-knisja, xtara sett tal-Via Sacra kif ukoll xtara xi lbies sagru biex jintuża waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.   Kilin jgħid li f’dan iż-żmien il-kavallier Rafael Bonnici Calì kien irrestawra xi pitturi fil-knisja iżda ma jgħidx liema pitturi ġew restawrati.

Il-knisja minn barra

Fil-faċċata, il-knisja għandha portiku ċkejken fuq stil klassiku li kien sar fl-1900.  Dan il-portiku hu magħmul minn  erba’ kolonni  ta’ stil Tuskan li jserrħu fuq ċint tal-ġebel għoli żewġ filati.  Bejn kull kolonna u oħra hemm arkata nofs tond.  Il-kolonni jerfgħu entablatura li ddur madwar it-tlett naħat tal-portiku.  Fuq iċ-ċentru tal-portiku hemm salib żgħir tal-ġebel. 

L-arkata tan-nofs hija ħafna akbar mill-arkati li hemm fuq kull naħa tagħha.  Kif tgħaddi minn taħt din l-arkata, issib il-bieb prinċipali ma’ wiċċek.  Dan għandu żewġ pilastri, ukoll ta’ stil Tuskan, waħda fuq kull naħa.  Fuqhom hemm entablatura li ġġor pediment triangulari.  Fuq kull naħa tal-bieb, fil-faċċata, hemm twejqa żgħira kwadra mbarrata bi grada tal-ħadid sabiex min ikun għaddej kien ikun jista’ jinvista s-sagrament fil-knisja minn barra anke meta l-knisja kienet tkun magħluqa.

Fuq ix-xellug hemm il-kamra li kienet inbniet  fit-tkabbir li kien sar fl-1952 minn dun Salvatore Farrugia.  Din il-kamra għandha wkoll il-bieb tagħha li jagħti għal barra.  Dan hu bieb sempliċi imdawwar bi gwarniċ  tal-ġebel u għandu loġġ iddekorat b’disinn tal-ħadid.  Fuq ix-xellug ukoll, fuq in-naħa ta’ wara ta’ din il-kamra, hemm kamra żgħira oħra li tintuża biex tinħażen l-għodda tal-ġnien li jagħmel mal-knisja.

Il-knisja minn ġewwa

Il-knisja għandha forma rettangolari u għandha altar wieħed mal-ħajt ta’ wara.  Illum il-ġurnata l-art hija miksija bil-madum li kien sar fl-1952 minn dun Salvatore Farrugia.  L-altar hu merfugħ mill-art b’għoli ta’ tarġa.

Il-ħajt tax-xellug hu miftuħ kollu fit-tul-tiegħu u jgħaqqad il-kamra l-oħra li kienet inbniet fl-1952 mal-knisja prinċipali.  Din il-kamra hi ftit akbar mill-knisja nnifisha.  Is-saqaf tal-knisja huwa troll b’numru ta’ kustilji tal-ġebel jiddekorawh.  Meta kien twaqqa’ l-ħajt tax-xellug biex il-knisja setgħet titkabbar, kellu jsir travu kbir tal-ħadid biex jerfa’ t-troll tas-saqaf fuq in-naħa tax-xellug.  Din il-kamra tagħmilha possibbli li l-kongregazzjoni fil-knisja kważi tirdoppja iżda estetikament, din il-fetħa tkisser għal kollox is-simetrija u l-eleganza sempliċi li din il-knisja kellha.  It-travu tal-ħadid, li u moħbi b’pavaljun żgħir tad-drapp, ukoll ikerrah il-kappella li essenzjalment hi mibnija bil-ġebla. 
 

Ritratt - Rayden Mizzi


L-altar għandu tabernaklu bl-iskanell.  L-altar għandu tlett Karti tal-Glorja.  Għalkemm dawn kienu jagħmlu parti mportanti fil-liturġija wara l-Konċilju ta’ Trentu, l-użu tagħhom spiċċa bir-riformi tal-Konċilju Vatikan it-Tieni.  Illum, ġeneralment dawn jinħarġu fil-festa bħala tiżjin.  Dawn il-Karti tal-Gloria, li f’din il-knisja wkoll jinħarġu biss bħala tiżjin nhar il-festa, huma mqiegħdin fi gwarniċi elaborati  magħmulin minn materjal kulur il-fidda.  Iżda l-awtriċi oriġinali ta’ din il-kitba tgħid li meta żaret il-knisja hi xi snin ilu (it-teżi hija ddatata 2002) il-karti tal-glorja ma kinux fi gwarniċ.  Għalhekk dan jista’ jfisser li jew saru gwarniċi minn dak iż-żmien ‘l hawn jew inkiseb sett komplut bil-gwarniċ għall-użu tal-knisja.

Fuq l-altar hemm rederos magħmul minn żewġ pilastri ta’ stil Tuskan fuq kull naħa ta’ fejn hemm il-post għall-kwadru titulari.  Fuq il-pilastri hemm entablatura u pediment maqsum, bit-truf tiegħu ġejjin għat-tond. F’nofs il-qasma tal-pediment hemm  stampa f’inkwatru li turi lill-San Pietru u San Pawl quddiem knisja mhux identifikata.

Il-knisja għandha xi gandlieri u xi ħwejjeġ oħra għall-liturġija.  Il-knisja għandha wkoll  għadd ta’ stampi devozzjponali f’inkwatri, fosthom dawk tal-Qalb ta’ Ġesù u l-Qalb ta’ Marija, ritratt ta’ San Ġorġ Preca u ikona.  Taħt numru minn dawn l-inkwatri hemm xkaffar żgħir tal-injam fejn wieħed jista’ jqiegħed xemgħat jew buqari żgħar bil-fjuri b’att ta’ qima u b’tiżjin.  Dawn l-istampi kienu popolari ħafna u kont issibhom anke fi djar u minkejja li jnisslu ċerta devozzjoni, m’għandhom l-ebda valur artistiku.

Il-knisja għandha wkoll sett stampi tal-Via Sacra fi gwarniċ sempliċi tal-injam b’salib żgħir fuq kull wieħed.  Dan is-sett probabbli hu l-istess wieħed li kien xtara dun Salvatore Farrugia fl-1952 u li kienu stampati mid-ditta  L. Turgis et Fils ta’ Pariġi.  Dawn kienu stampati bit-teknika magħrufa bħala chromolithography u probabbli saru lejn l-aħħar snin tas-seklu dsatax.  Din id-ditta kienet magħrufa li tistampa ħafna stampi u santi b’temi reliġjużi u devozzjonali.

It-Titular

Il-pittura oriġinali llum tinsab fis-sagristija tal-knisja parrokjali taż-Żurrieq.  Taħtha hemm nota miktuba bit-typewriter li tgħid li din il-pittura ta’ Sant’Agata nġiebet hawn, fis-sagristija tal-parroċċa taż-Żurrieq, mill-knisja tagħha fis-6 ta’ Novembru tal-1984.  In-nota tkompli tgħid li minflokha hemm kopja ta’ “din il-pittura mirakoluża”.  Għal xi żmien jidher li kien hemm stampa oħra fil-knisja ta’ Sant’Agata fil-post minn fejn kien tneħħa t-titular.  Iżda din l-istampa kienet turi xi qaddisa oħra, possibilment lil Santa Marija Madalena.  Illum il-ġurnata l-istampa li hemm fil-knisja ta’ Sant’Agata hija kopja fidila tal-kwadru oriġinali li kien ittieħed fil-parroċċa taż-Żurrieq fl-1984.

Il-pittura titulari turi lil Sant’Agata minn qaddha ‘l fuq u l-figura tagħha timla’ l-parti l-kbira tal-pittura.  F’idha x-xellugija hemm il-palma, li tissimboliżża l-martirju tagħha.  Idha l-leminija kif ukoll ħarsitha qegħdin merfugħin ‘il fuq lejn is-sema.  Ġisimha qed iserraħ fuq tarf ta’ ġebla fejn hemm ukoll il-ġliem (imqass kbir) li jirrapreżenta l-għodda tal-martirju tagħha.

Din il-pittura, li probabilment saret fil-bidu tas-seklu dsatax,  ma turix xi ħila speċjali.  Il-figura tal-qaddisa mhix qiegħda f’pożizzjoni naturali u l-panneġġ tad-drapp jidher riġidu u iebes.  Il-perspettiva tal-ġebla li l-qaddisa qed isserraħ magħha hija xi ftit jew wisq fqira mill-angolu tal-perspettiva.  L-artist jidher li ma tantx uża kuluri varjati fil-pittura u ż-żebgħa tidher irqiqa fuq it-tila.  Il-pittura oriġinali turi ftit ħsara għax taħt l-għajn tal-lemin tal-qaddisa, iż-żebgħa tidher migrufa.

Pitturi oħrajn

Għalkemm aktar qabel għidna li din il-knisja ma għandiex pitturi fiha, sa ftit ta’ snin ilu din il-knisja kellha żewġ trittiċi miżmumin fiha.  Trittiċi huma pitturi maqsuma fi tlett pannelli (singular: trittiku), b’dak tan-nofs ġeneralment ftit aktar wiesgħa minn dawk tal-ġnub. Dawn kienu tneħħew minn hemm minħabba l-valur u l-preġju storiku tagħhom u ntbagħtu fil-Malta Restoration Centre biex jiġu rrerstawrati.  Wara r-restawr kellhom jittieħdu wkoll fis-sagristija tal-parroċċa taż-Żurrieq għaż-żamma u l-ħarsien.

Wieħed minnhom juri t-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija (l-Assunta) fil-pannell tan-nofs u lil San Pawl u San Ġwann il-Battista fil-pannelli tal-ġnub.  It-tieni trittiku juri l-Preżentazzjoni tal-Verġni mbierka jew, jista’ jkun ukoll,  anke l-Preżentazzjoni ta’ Kristu għaliex l-ikonografija ta’ dan il-pannell ma tantx hi ċara.  Il-pannelli tal-ġnub ta' dan it-trittiku juru lil San Pietru u lil San Pawl.  Iż-żewġ trittiċi imorru lura sas-seklu sittax jew sbatax u juru għarfien tal-istil Rinaxximentali u Mannerista fit-twettieq tagħhom.

L-importanza ta’ dawn iż-żewġ trittiċi hi li jistgħu jirrapreżentaw eżempji tal-pitturi li konna nsibu fil-knejjes Maltin fil-medjuevu tardiv u fil-perjodu modern bikri.

Il-knisja llum

Dan l-aħħar il-quddies kien jiġi ċċelebrat biss nhar li festa ta’ Sant’Agata li taqa’ fil-5 ta’ Frar.  Il-ġbir li jsir nhar il-festa jindika l-popolarità li din il-knisja għadha tgawdi mal-fidili.

Kitba ta’ Noel Ciantar Ibbażata fuq teżi bl-Ingliż mhux ippubblikata ta’ Juliet Bonnici bl-isem “The Filial Churches of Zurrieq: History, Arvhitecture and Works of Art - 2002”, b’aġġornamenti kif ukoll żidiet minn sorsi oħrajn.
Ritratti ta’ Juliet Brincat, Rayden Mizzi, Roberta Grima, Jor Morana, Chris Role, Benny Scerri, Arkivji Nazzjonali u Wikipaedia

Ritratt - Roberta Grima
Hajr - Arkivji Nazzjonali   Zurrieq_Knisja_Filjali_Sant_Agata_141
Ritratt - Joe Morana
Ritratt - Joe Morana
Ritratt - Juliet Brincat (Tezi 2002)
Ritratt - Chris Role
Ritratt - Juliet Brincat (Tezi 2002)
Ritratt - Juliet Brincat (Tezi 2002)
Ritratt - Benny Scerri - Sant'Agata Zurrieq

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com